L-awtoritajiet tar-reġjun tal-Emilia Romagna ddeċidew li mil-lum l-istadiums jistgħu jiftħu l-bibien għall-pubbliku. Fl-istadiums ta’ dar-reġjun se jkunu jistgħu jilqgħu sa massimu ta’ 1000 supporter li jridu jsegwu regoli preċiżi sabiex ikun evitat kull tip ta’ riskju ta’ tixrid tal-Covid-19. Fi kliem ieħor elf supporter se jkunu jistgħu jassistu għal Parma-Napoli u Sassuolo-Cagliari.
Hu tassew sabiħ li s-supporters se jerġgħu jibdew deħlin fl-istadiums. Ħasra imma li l-go-ahead wasal biss ilbieraħ u allura l-klabbs jaf ma fadlilhomx iż-żmien jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ. Barra minn hekk ninsabu rrabbjati li talba simili min-naħa ta’ Juventus ma ntlaqgħetx mill-Gvernatur tal-Piemonte. Juventus kienu ħejjew protokoll dettaljat ferm imma ma ngħatawx permess. Issa l-permess ħareġ għall-ħaddieħor li sa fejn nafu aħna ma kienx ħejja bl-istess mod. Ta’ min jgħid ukoll li ċ-CEO tal-Lega tas-Serie A, De Siervo sostna lbieraħ li din hi sitwazzjoni paradossali għax f’Lulju ngħata lill-Gvern Taljan dokument ta’ 300 paġna bil-protokoll u risk assessment għal kull stadium. S’issa l-awtoritajiet kienu prudenti, kif inhu xieraq, imma mhux sew li issa r-regoli se jibdew ikunu differenti f’kull reġjun. Ir-regoli għandhom ikun għal kulħadd l-istess!
Matthew Scerri