Posts

Milik qabeż lil Depay fil-preferenzi ta’ Juventus

L-aħħar għidut hu li wara li kkonsultat ma’ Allegri, id-diriġenza ta’ Juventus hi dejjem iktar konvinta li tikseb lil Milik u mhux lil Depay fl-attakk. Depay allegatament qed jitlob paga ta’ 8.5 miljun Ewro. Sa ġimgħa ilu Juventus kienu qed jitkellmu miegħu għal paga ta’ 6 miljuni. Juventus ma jridux jonfqu wisq għal attakkant riserva. Għaldaqstant jippreferu jiffirmaw lil Milik. Il-Bianconeri għandhom ftehim ma’ O.Marseille biex jiksbu lil Milik b’self bid-dritt li jixtruh is-sena d-dieħla għal 8 miljuni flimkien ma’ 2 miljuni oħra f’bonuses.

Matthew Scerri

Nedved jikkonferma li Juventus qed jikkunsidraw aktar akkwisti

Intervistat qabel Sampdoria-Juventus, Pavel Nedved kellu l-opportunita’ li jitkellem fost l-oħrajn dwar is-suq tat-trasferimenti. Fi kliemu m’għandux ikun hemm għaġla, anzi għandha tiġi miflija sew is-sitwazzjoni biex wieħed jifhem x’qed joffri s-suq. “Fil-verita’ s-suq mhuwiex joffri wisq. Irridu nifhmu sew x’inhi l-ħtieġa. Ovvjament, meta naraw it-tim tal-lejla u l-injuries, qed nikkunsidraw serjament li nagħmlu xi nkunu attivi fis-suq tat-trasferimenti,” sostna Nedved. Hu kkonferma li Juventus qed jikkunsidraw li jieħdu lil Depay għax “apparti li jista’ jilgħab flimkien ma’ Vlahovic u Kean, ma’ Barcellona wera li jaf jilgħab anki bħala attakkant estern. Pero’ hu biss wieħed mill-plejers li qed nikkunsidraw, kif inhu xieraq li jkun”.

Matthew Scerri

Juventus jistennew lil Depay imma intant laħqu ftehim għal Milik

It-trasferiment ta’ Memphis Depay ma’ Juventus m’għadux daqshekk ċert daqskemm kien maħsub ftit tal-jiem ili. Allegatament Depay qed jitlob paga ogħla lil Juventus minn dak li kien maqbul bejn il-partijiet fil-ġimgħat li għaddew. X’aktarx Depay għandu offerti mingħand Tottenham u Newcastle bil-konsegwenza li issa hu jista’ jitlob paga aħjar lil Juventus. Depay jibqa’ l-ewwel għażla ta’ Juventus, biss nafu kemm din id-diriġenza hi tal-punt u żgur li mhux se tippermetti sitwazzjoni fejn l-attakkant jitlob iktar minn dak li kien diġà aċċetta verbalment. Barra minn hekk Juventus għandhom id-dubji tagħhom dwar kemm jaqblilhom verament jiffirmaw lil Depya ladarba n-nefqa qed titla’ drastikament għal attakkant li fil-pjanijiet tal-klabb għandu jkun biss riserva. Għaldaqstant Juventus għamlu kuntatt ma’ O.Marseille u allegatament hem qbil magħhom għal Milik. O.Marseille lesti jisilfu lil Milik lil Juventus, bil-Bianconeri jkollhom id-dritt li jixtruh għal kollox għal 10 miljuni s-sena d-dieħla. Barra minn hekk Milik lest jiffirma għal 3.5 miljun Ewro fis-sena. Issa rridu naraw x’se tkun il-mossa li jmiss. Probabbli li Juventus se jistennew jumejn-tlieta lil Depay bit-tama li hu jinżel mit-talbiet tiegħu personali. Jekk ikun hekk, u dejjem jekk Depay jinħeles mill-kuntratt li għandu ma’ Barcellona, Juventus ikunu jistgħu jiffirmaw lill-attakkant Olandiż. F’każ kuntrarju, jiġifieri jekk Depay jibqa’ jitlob paga għolja wisq, allura Juventus jieħdu lil Milik.

Matthew Scerri

Depay-Juventus. Trasferiment allegatament fil-qrib

Kuljum naqraw u nisimgħu li Memphis Depay se jkun qed jingħaqad ma’ Juventus f’temp ta’ 24 siegħa. L-indikazzjonijiet huma li Juventus jinsabu tassew qrib li jiksbu lil Depay u, bħal fil-każ ta’ Pogba u Di Maria, irid ikollna paċenzja. Depay hu miftiehem ma’ Juventus biex jiffirma kuntratt ta’ sentejn b’paga ta’ 6 miljuni (bonuses inklużi). Illum kien hemm l-għidut li Depay talab paga għola lil Juventus fl-aħħar sigħat, biss ma nafux kemm hu attendibbli dawn l-aħbarijiet. Hemm iktar ċertezza dwar il-fatt li Depay qed jinnegozja ma’ Barcellona ftehim sabiex il-kuntratt tiegħu jkun itterminat qabel iż-żmien. Anki hawn kellna għidut li Barcellona lesti jħallu lil Depay jitlaq biss iridu kumpens żgħir mingħand Juventus: ħlas ta’ 2-3 miljuni; jew inkella li Juventus jaċċettaw li ma jingħatawx mingħand Barcellona xi bonuses marbutin mat-trasferiment ta’ Pjanic. Dan l-għidut ukoll ma nafux kemm hu attendibbli għax sa jumejn ilu dejjem intqal li l-ftehim bejn Juventus u Depay kien li l-Olandiż kellu jinħall b’xejn mill-kuntratt li għandu ma’ Barcellona. L-impressjoni f’dan l-istadju hu li rridu nistennew ftit ieħor qabel naraw lil Depay ma’ Juventus. Ħsibna li kien se jkun ma’ Juventus għall-partita kontra Sampdoria … issa nittamaw li jkun jista’ jilgħab kontra Roma.

Matthew Scerri

Il-ġimgħa ta’ Paredes u Depay?

Ħafna qed ibassru li dil-ġimgħa Juventus se jkunu qed jiskbu lil Paredes u lil Depay biex isaħħu n-nofs il-grawnd u l-attakk tagħhom. Mat-tnejn li huma allegatament hemm qbil fuq kollox. Depay bħalissa qed jinnegozja ma’ Barcellona sabiex il-kuntratt tiegħu ikun itterminat qabel iż-żmien. Ladarba l-ftehim ma’ Barcellona jkun instab, Depay ikun jista’ jmur Turin għat-testijiet mediċi u l-firma tal-kuntratt ma’ Juventus. Paredes, mill-banda l-oħra, ilbieraħ għamilha ċara pubblikament li jrid jingħaqad ma’ Juventus hekk kif fuq is-social media tella’ ritratt tiegħu qed jara l-partita Juventus-Sassuolo. Barra minn hekk Galtier stqarr ftit tal-jiem ilu li Paredes x’aktarx jitlaq lil PSG minħabba li jrid jilgħab iktar. Juventus qed jiddiskutu ma’ PSG wara li allegatament diġà qablu fuq kollox ma’ Paredes innifsu. Juventus iriduh b’self għal sena bid-dritt jew l-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla. PSG jidhru disposti li jikkuntentaw kemm lil Paredes kif ukoll lil Juventus. Fil-fatt Paredes hu wieħed mill-ħafna plejers fl-iskwadra tagħhom li PSG qed jikkunsidraw bħala ‘żejda’ u mhux indispensabbli għat-tim. Ovvjament Juventus qed jittamaw li Rabiot jinbigħ lil Manchester United biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu l-wisa’ għall-akkwist ta’ Paredes.

Matthew Scerri

L-attakk Juventin għadu rebus

Ilna ġimgħat nisimgħu u naqraw ismijiet ta’ attakkanti li jistgħu jingħaqdu ma’ Juventus. S’issa għadna biss b’Vlahovic u Kean bħala attakkanti puri, flimkien ma’ Di Maria u Chiesa (li Allegri stess qal li realistikament se jkun jista’ jagħtu sehmu minn Jannar ‘il quddiem). Das-sajf Juve neħħew lil Dybala u lil Morata, u għaldaqstant it-tim ta’ Allegri għandu bżonn attakkant ieħor.

Bħalissa l-ismijiet li qed isiru huma dawk ta’ Muriel u Depay. Għada l-aġenti ta’ Depay għandhom laqgħa ma’ Barcellona biex forsi jxolju l-kuntratt tal-Olandiż. Irridu ngħidu pero’ li Chelsea qed juru interess f’Aubameyang u qed ikun irrapurtat li Barcellona se jħallu jitlaq wieħed biss bejn Depay u Aubameyang.

Muriel hu l-Alternattiva għal Depay. Il-prezz tiegħu hu ta’ madwar 15-il miljun. Jekk Depay ma jinħallx mill-kuntratt tiegħu ma’ Barcellona, Juventus se jmorru għal Muriel.

Intant qed jerġa’ jissemma li Kean se jitlaq lil Juventus. Dan mhux faċli daqskemm ħafna jaħsbu peress li Kean jinsab misluf mingħand Everton u barra minn hekk Kean hu meqjus bħala hone grown player u allura jaf ikun utli għal Juventus minħabba l-lista taċ-Champions League.

Matthew Scerri

Juventus f’kuntatti mal-aġenti ta’ Depay

L-attakkant il-ġdid ta’ Juventus jista’ jkun Memphis Depay. Jirriżulta li Juventus tkellmu mal-aġenti tiegħu u offrewlu kuntratt ta’ sentejn. S’issa jidher li għadu ma nstab ebda ftehim bejn Depay u Juventus minħabba li l-Olandiż qed jitlob paga għolja. Madankollu jidher li hemm ottimizmu qawwi li l-partijiet jistgħu jsibu ftehim bejniethom. Qabel, iżda, Depay irid ixolji l-kuntratt li għandu ma’ Barcellona, ħaġa li hi probabbli ferm peress li l-klabb Spanjol jeħtieġ inaqqas il-pagi tat-tim tiegħu biex ikun jista’ jirreġistra l-plejers l-ġodda li xtraw.

Matthew Scerri

Depay: “Għadni ma nafx x’se jiġri”

“Ma nista’ ngħidilkom xejn dwar il-futur tiegħi għax jien stess ma nafux. Malli nkun naf xi ħaġa, ngħidilkom. Ninsab f’sitwazzjoni stramba. Qatt ma kont f’sitwazzjoni li nista’ nkun liberu jew li nista’ nġedded il-kuntratt.” Dan kien il-kumment li Memphis Depay ta lil ESPN u li jixhed li hemm inċertezza sħiħa dwar il-futur tiegħu.

Matthew Scerri

Il-punt dwar Depay

Il-futur ta’ Memphis Depay għadu inċert immens. Juventus u Barcelona qed jittamaw li jiffirmawh b’xejn hekk kif f’Ġunju jintemmlu l-kuntratt ma’ O.Lyon. Madankollu mhuwiex ċert li l-Olandiż se jitlaq lil O.Lyon. Fil-fatt il-President tagħhom, Aulas, stqarr illum li għadu jittama li Depay jaċċetta l-proposta li ressqulu.

Matthew Scerri

Depay għadu fil-mira ta’ Juventus

Skont Calciomercato.com, Juventus għadhom qed jaħdmu biex jikkonvinċu lil Memphis Depay jingħaqad magħhom. Hu għandu kuntratt ma’ O.Lyon li jiskadi f’Ġunju u għaldaqstant bħalissa hu free-agent. Apparti Juventus, hemm anki Barcellona u Borussia Dortmund li jriduh.

Matthew Scerri