Posts

Miretti u Rovella x’aktarx jibqgħu ma’ Juve. Fagioli lejn self għal darba oħra

Min se jibqa’ miż-żghar? Domanda li għamilniha kemm-il darba. L-uniku li jidher ċert li se jibqa’ hu dejjem Miretti. Rovella wkoll qed ikollu wirjiet tajbin u hu maħsub li jibqa’ ma’ Juventus jekk ma jkunux jistgħu jieħdu lil Paredes (qabel iġibuh iridu jneħħu lil Arthur, Zakaria jew xi midfielder ieħor). Fagioli, li s’issa għadu ma lagħabx minuta, probabbli jkun misluf lil Cremonese. Din hi s-sitwazzjoni kif tidher bħalissa. Ovvjament daqt inkunu nafu l-verita’ kollha hekk kif is-suq tat-trasferimenti wasal biex jagħlaq.

Matthew Scerri

Tlieta dubjużi għal Sampdoria-Juventus

Tliet plejers Juventini jinsabu dubjużi għall-partita Sampdoria-Juventus. It-tliet plejers huma Bonucci, Zakaria u Fagioli. Bonucci probabbli se jkollu jitlef il-partita, filwaqt li Zakaria u Fagioli se jkunu qed jagħmlu sforz biex ikunu għad-dispożizzjoni ta’ Allegri. Nafu li Zakaria kellu bugħawwiġ lejn tmiem il-partita kontra Sassuolo u milli jidher matul dil-ġimgħa ma setax jittrenja sew minħabba li ħassu għajjien. Xejn gravi ovvjament, l-istess bħal Fagioli, imma rridu nistennew li mhuwiex se jkun mija fil-mija f’sikktu. Hu forsi x’aktarx minħabba f’hekk li Rabiot mistenni jibda mill-ewwel minuta mionflok Zakaria kontra Sampdoria.

Matthew Scerri

Min jista’ jitlaq min-nofs il-grawnd Juventin

Diversi plejers fin-nofs il-grawnd ta’ Juventus mhumiex ċerti li finalment se jibqgħu tassew ma’ Juventus. Nafu li Rabiot mhux se jkun qed jingħaqad ma’ Manchester United. Juventus kienu qed jittamaw li jbigħuh sabiex jagħmlu l-wisa’ għal Leandro Paredes. Il-midfielder ta’ PSG hu objettiv ewlieni biex jissaħħaħ nofs il-grawnd ta’ Juventus u għaldaqstant jista’ jkun li, f’każ ta’ offerta tajba, Juventus jagħżlu li jbigħu lil Zakaria jew McKennie bil-għan li jkunu jistgħu jiffirmaw lil Paredes. Fil-verità s’issa ma nafux li kien hemm offerti tajbin wisq għat-tnejn li huma, għalkemm spiss smajna li Tottenham huma interessati ferm f’McKennie. Barra minn hekk it-tnejn li huma s’issa urew li jgawdu mill-fiduċja sħiħa ta’ Allegri. ta’ min isemmi mbagħad li hemm Arthur, plejer li mhuwiex fil-pjanijiet ta’ Allegri, imma jiswa wisq għall-ftit klabbs li urew l-interess li jiksbu s-servizzi tiegħu. F’dan l-istadju kollox jindika li Arthur mhux se jkun jista’ jitlaq lil Juventus das-sajf, dejjem sakemm ma tinqalax xi offerta xi ftit jew wisq konvenjenti għal kulħadd fl-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti.

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żgħar, l-indikazzjonijiet huma li l-plejer li l-aktar ikkonvinċa lil Allegri hu Miretti. Fagioli wkoll mistenni jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm Cremonese u Sampdoria kemm-il darba ħabbtu l-bieb ta’ Juventus biex jiksbu lill-midfielder Taljan b’self. Rovella, imbagħad, hu dejjem iktar probabbli li jingħaqad b’self ma’ Monza.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Fagioli ġedded il-kuntratt ma’ Juventus

Juventus ħabbru li Nicolo’ Fagioli ffirma kuntratt ġdid magħhom sal-2026. Fagioli mar tajjeb das-sajf u mistenni jibqa’ ma’ Juventus. Fil-fatt hemm ċans tajjeb li nhar it-Tnejn hu jibda mill-ewwel minuta kontra Sassuolo.

Matthew Scerri

Fagioli mistenni jibqa’ ma’ Juventus

Kollox jindika li Fagioli se jibqa’ ma’ Juventus għal dan l-istaġun. Hu impressjoni lil Allegri li jridu fit-tim Juventin. Dil-ġimgħa Fagioli mistenni wkoll jiffirma kuntratt ġdid ma’ Juventus. Fagioli ġej minn sena tajba ferm ma’ Cremonese u jidher lest biex jagħti sehmu fit-tim Juventin.

Matthew Scerri

Fagioli se jkun parti mit-tim ta’ Pirlo

Nicolò Fagioli se jkun qed jifforma parti mill-ewwel tim ta’ Juventus fuq bażi stabbli. Pirlo spjega li ladarba telaq Portanova, hu kellu bżonn plejer ieħor f’nofs il-grawnd u l-għażla waqgħet fuq Fagioli. Minn żmien għal żmien, però, jista’ jkun li Fagioli jilgħab xi partita ‘l hemm u ‘l hawn ma’ Juventus Under 23.

Matthew Scerri

Illum ikomplu t-taħdidiet bejn Juventus u Sassuolo għal Scamacca

Illum probabbli li Paratici se jkun qed jiltaqa’ ma’ Carnevali ta’ Sassuolo bil-għan li jinstab ftehim għat-trasferiment ta’ Scamacca ma’ Juventus. Pirlo għadu mingħjar ir-raba’ attakkant u qed ikollu jadatta lil Kulusevski. Paratici għadu qed jaħdem biex jikseb b’self lil Scamacca mingħand Sassuolo. Probabbli li l-klabbs jilħqu ftehim bejniethom fuq il-bażi ta’ self għal sena u nofs, bid-dritt jew l-obbligu għal Juventus li jixtruh għal kollox fl-2022. Fil-ftehim jista’ jidħol anki Fagioli li jingħaqad ma’ Sassuolo għas-somma ta’ bejn 10 u 12-il miljun Ewro.

Matthew Scerri

Il-punt dwar it-trasferiment ta’ Scamacca

Wasalna fit-tielet ġimgħa ta’ Jannar u Pirlo għadu bla r-raba’ attakkant. Il-favorit nett jidher li għadu Gianluca Scamacca. Juventus u Sassuolo għadhom għaddejjin bin-negozjati. Sassuolo għadhom jinsistu li jridu li Juventus ikollhom l-obbligu li jixtru lil Scamacca għal kollox fl-2022, mentri Juventus qed jitolbu dritt mingħajr obbligu. Barra minn hekk il-klabbs qed jitkellmu anki dwar plejer li jista’ jingħaqad ma’ Sassuolo f’dal-ftehim. Għall-ewwel Sassuolo riedu lil Dragusin, imma issa jidher li dawru ħarsithom fuq Fagioli.

Matthew Scerri