Posts

Memorji Bojod u Suwed (2) – Valletta vs Juventus ġewwa Ta’ Qali (1987)

Jien u nikteb dan l-artiklu ma setgħetx ma toħroġlix demgħa ta’ rikordju u ferħ hekk kif dan l-avveniment jfakkarni mal-ewwel darba li ltaqjt ‘live’ mal-Vecchia Signora. Dan kien għal logħba bejn Valletta u Juventus.

Kien is-16 ta’ Settembru 1987. Sħana qalila ta’ tmiem is-Sajf. Dik l-umdita’ u tidlik li s-Settembru Malti jaf x’jsarraf. Il-grawnd Nazzjonali ta’ Ta’ Qali ma kienx għadu mgħammar bid-dawl artifiċjali u għalhekk il-Juventus għat-tieni żjara uffiċjali ġewwa pajjiżna wara li kienu daqu iż-żrar tal-Gżira Stadium fl-1971 issa kellhom jippreparaw ruħhom għat-temperaturi Sajfin Maltin.

Ma kinux il-Juventus li konna mdorrijin bihom onestament. It-tim kien ġej mit-tluq ta’ Le Roi Michel Platini li wara li kellu l-agħar staġun tal-karriera tiegħu ddeċieda li jħalli l-futbol definittivament. Kien it-tieni staġun ukoll tal-kowċ Rino Marchesi li kellu jieħu l-post storiku ta’ Giovanni Trapattoni sena qabel. Fuq wara kien spiċċa wkoll Gaetano Scirea li wara snin jżomm postu fl-ewwel ħdax juventin kellu jammetti li kien wasal iż-żmien li jħalli postu għal xi żagħżugħ ieħor. Postu ħadu Roberto Tricella. U wara ftit logħbiet konna diġà ndunajna x’differenza kien hemm fl-aħħar parti tal-grawnd!

Il-logħba kienet tifforma parti mill-ewwel rawnd tat-Tazza UEFA 1987/88 u Valletta filwaqt li kienu rassenjati li joħorġu mill-kompetizzjoni hekk kmieni, ħarġu sodisfatti immens bil-polza minħabba l-gate money li setgħu jakkwistaw minn din il-partita.

Fis-2.15pm ir-referee John Martin mill-Ingilterra saffar il-bidu tal-logħba. Il-Juventus bdew hekk : : Tacconi, Favero, Cabrini, Bonini, Brio, Tricella, Mauro, Magrin, Alessio, De Agostini, Laudrup. Filwaqt li Valletta ħarġu jilgħabu b’dawn : Mifsud, Briffa, Curmi, Grioli, Laferla, Fenech, Cremona, Camilleri, Saliba, Zerafa, Taliana.

Mill-ewwel dehret is-superjorita’ tat-tim abjad u iswed b’żewġ gowls kull taqsima jagħtu lit-tim Juventin rebħa komda ta’ 4-0. Iż-żewġ protagonisti kienu (b’żewġ gowls kull wieħed) kienu Angelo Alessio u Michael Laudrup.

Pierre Bonavia


Tazza UEFA 1987-1988 – L-ewwel Rawnd, l-ewwel leg
Ta’ Qali National Stadium
L-Erbgħa 16 ta’Settembru 1987 ħin : 2.15pm
VALLETTA-JUVENTUS 0-4
Gowls : Laudrup 26, Alessio 37, Laudrup 42, Alessio 70
VALLETTA : Mifsud, Briffa, Curmi, Grioli, Laferla, Fenech, Cremona (Farrugia 82), Camilleri, Saliba, Zerafa, Taliana (Busuttil 52) – Kowċ : Formosa
JUVENTUS: Tacconi, Favero, Cabrini, Bonini, Brio, Tricella, Mauro (Buso 57), Magrin, Alessio, De Agostini (Vignola 46), Laudrup – Kowċ : Marchesi
Referee : John Martin (Inghilterra)

 


Memorji Bojod u Suwed: L-ewwel darba ta’ Juventus hawn f’Malta

Forsi huma ħafna minnkom (naqra imdaħħlin fiż-żmien illum il-ġurnata) għandhom f’qalbhom din id-data partikolari : 15 ta’ Settembru 1971.

Fil-grawnd (illum abbandunat u minsi) tal-Gżira kellna l-ewwel partita tal-Juventus hawn Malta! Marsa kienu t-tim li kellhom dan l-unur, għall-ewwel rawnd tat-Tazza UEFA 1971/72

Kienet ġurnata sħuna u umduża ħafna. Biex tkompli żżid l-logħba kellha tibda fil-5.00pm minħabba li l-grawnd ma kienx illuminat b’dawl artifiċjali. Nimmaġinaw il-plejers juventin (kollha ta’kalibru internazzjonali u klassi liema bħalha) jidħlu ġo dan il-grawnd iva ippakkjat bin-nies imma b’ turf kollu żrar ,sħana insopportabbli u avversarju totalment mhux magħruf.

Mela taħt l-ordni tar-referee Skoċċiż Paterson il-Juventus immexxijin minn Cestmir Vycpalek (iz-ziju tal-famuż Zdenek Zeman) għamel id-debutt ġo din il-gżira hekk juventina! Din kienet il-formazzjoni :

Carmignani, Spinosi, Marchetti, Furino, Roveta, Salvadore, Haller, Causio, Novellini, Capello u Bettega. Il-kowċ ta’ Marsa, Calleja niżel fil-grawnd hekk : Collings, Tonna, Cassar, Ferrigi,Vella. Cassar II, Farrugia, Brincat, Portelli, Faure u Camilleri.
 
L-ewwel taqsima ingħalqet bil-Juventus minn fuq 1-0 biss. Kien il-midfielder Ġermaniż espert u fantażjuż Helmut Haller li għeleb lill-gowler Malti Collings b’xutt angulat u baxx.
 
Fil-bidu tat-tieni taqsima kienu Marsa li setaw ġabu il-gowl tad-draw b’xutt ta’Farrugia, mgħejjun minn Portelli li ġegħel lil gowler juventin Pietro Carmignani għall-laqgħa minn tiegħu. Sadanittant il-Marsa kellhom jibdlu l-kulur tal-flokk tagħhom minn blu ta’l-ewwel taqsima għall-aħmar tat-tieni 45 minuta.
 
Dlonk il-ferħ u l-ħolm Malti sfaxxa, għax ħarġet il-qawwa, l-esperjenza u l-ħażen tattiku tal-Juventus li bdew jiskurjaw gowl wara l-ieħor. Beda Franco Causio wara żball mid-difiża maltija. Żid it-tielet Haller b’xutt mill-ewwel fis-sittin minuta. Tlett minuti biss wara Novellini wara kontrattakk veloċi għamel l-iskor 4-0. Fabio Capello sebbaħ l-iskor għal 5-0 wara ħarġa ħażina tal-gowler Malti Collins, filwaqt li Antonello Cuccureddu ġab l-iskor finali ta’ 6-0 b’xutt imxellef minn difensur malti.
 
Fuq in-naħa ta’Marsa nsemmu il-lasta milqutgħa minn Portelli b’xutt sabiħ imma żventurat minn barra.
 
Hekk intemmet l-logħba! 6-0. Wara t-tisfira finali Helmut Haller kien stqarr li diffiċli tmur barra minn pajjiżek u taqla’ dak it-tifħir u kapċiċ kollu. Il-kowċ malti Calleja sostna li dan it-tim tal-Juventus kien l-aħjar wieħed li rifes art twelidna sa dak iż-żmenijiet. Ferm aħjar minn Real Madrid u Manchester United.
 
Fit-tieni leg ġo Turin il-Juventus komplew minn fejn ħallew hawn Malta b’rebħa komda ta’ 6-0.
 
Gowls : 32’ Haller ; 54’ Causio ; 60’ Haller ; 63’ Novellini ; 69’ Capello ; 88’ Cuccureddu (J)
Marsa: Collins, Tonna, Victor Cassar; Ferriggi (67’ Landridge), Wella, Joe Cassar; Faruglia, Brincat, Portelli  (82’ Baiada); Faure, Camilleri – Kowċ : Calleja
Juventus: Carmignani, Spinosi, Marchetti; Furino (46’ Cuccureddu),  Roveta, Salvadore; Haller (65’ Viola), Causio,  Novellini; Capello, Bettega – Kowċ : Vycpalek
Referee : Paterson (Skozja)
 
Pierre Bonavia