Posts

Anniversarju: 17/3/1935 l-aħħar gowl ta’ Orsi ma’ Juventus

Kien proprju fis-17 ta’ Marzu 1935 li Raimundo Orsi skorja l-aħħar gowl tiegħu bl-flokk ta’ Juventus (Juventus-Lazio 6-1). Hu kien l-istilla tat-tim Juventin fis-snin tal-ħames scudetti konsekuttivi (il-famuż Quinquennio d’oro). Orsi kien winger Arġentin magħruf għat-teknika, il-ħeffa u d-dribbling tiegħu. Jingħad li l-familja Agnelli xtratu wara li ġġennet warajh hekk kif fil-Logħob Olimpiku kiseb il-midalja tal-Fidda mall-Arġentina. Juventus xtrawh għal somma rekord għal dak iż-żmien: 100,000 Lira Taljana. L-akkwist tiegħu seħħ anki jekk fl-istaġun 1928/29 ma kienx permess li jiġu reġistrati barranin. Tant kienu jemmnu fih, li Juventus ħaduh u ħallewh sena jittrenja biss (b’paga kbira għal dak iż-żmien ta’ 8,000 Lira Taljana fix-xahar). Sena wara, imbagħad, Orsi seta’ jilgħab mal-Bianconeri. B’kollox libes il-flokk ta’ Juventus għal 177 partita b’total ta’ 77 gowl. Peress li hu kien ‘oriundo’, jiġifieri b’dixxendenti Taljani, seta’ jilgħab għall-Italja u fl-1934 rebaħ it-Tazza tad-Dinja mal-Azzurri, wara li skorja fil-finali kontra ċ-Ċekoslovakkja.

Matthew Scerri