Posts

Min jista’ jitlaq min-nofs il-grawnd Juventin

Diversi plejers fin-nofs il-grawnd ta’ Juventus mhumiex ċerti li finalment se jibqgħu tassew ma’ Juventus. Nafu li Rabiot mhux se jkun qed jingħaqad ma’ Manchester United. Juventus kienu qed jittamaw li jbigħuh sabiex jagħmlu l-wisa’ għal Leandro Paredes. Il-midfielder ta’ PSG hu objettiv ewlieni biex jissaħħaħ nofs il-grawnd ta’ Juventus u għaldaqstant jista’ jkun li, f’każ ta’ offerta tajba, Juventus jagħżlu li jbigħu lil Zakaria jew McKennie bil-għan li jkunu jistgħu jiffirmaw lil Paredes. Fil-verità s’issa ma nafux li kien hemm offerti tajbin wisq għat-tnejn li huma, għalkemm spiss smajna li Tottenham huma interessati ferm f’McKennie. Barra minn hekk it-tnejn li huma s’issa urew li jgawdu mill-fiduċja sħiħa ta’ Allegri. ta’ min isemmi mbagħad li hemm Arthur, plejer li mhuwiex fil-pjanijiet ta’ Allegri, imma jiswa wisq għall-ftit klabbs li urew l-interess li jiksbu s-servizzi tiegħu. F’dan l-istadju kollox jindika li Arthur mhux se jkun jista’ jitlaq lil Juventus das-sajf, dejjem sakemm ma tinqalax xi offerta xi ftit jew wisq konvenjenti għal kulħadd fl-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti.

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żgħar, l-indikazzjonijiet huma li l-plejer li l-aktar ikkonvinċa lil Allegri hu Miretti. Fagioli wkoll mistenni jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm Cremonese u Sampdoria kemm-il darba ħabbtu l-bieb ta’ Juventus biex jiksbu lill-midfielder Taljan b’self. Rovella, imbagħad, hu dejjem iktar probabbli li jingħaqad b’self ma’ Monza.

Matthew Scerri

Rabiot-Manchester United. Sfaxxa kollox?

Rapporti li ħarġu fl-aħħar sigħat jindikaw li Manchester United mhux se jkunu qed jixtru lil Adrien Rabiot mingħand Juventus. Il-klabbs ilhom li laħqu ftehim bejniethom, biss il-klabb Ingliż ma jistax isib ftehim mal-plejer innifsu. Allegatament Rabiot talab paga ta’ 10 miljuni fis-sena, somma li Manchester United qed isiqu li hi eċċessiva. Barra minn hekk Rabiot ma tantx huwa konvint li jmur jilgħab ma’ Manchester United minħabba l-fatt li huma mhux se jkunu qed jilagħbu fiċ-Champions League dis-sena.

L-aħbar mhix ovvjament tajba għal Juventus li għandhom kull interess li jbigħu lil Rabiot hekk kif is-sena d-dieħla jintemmlu l-kuntratt u jkun jista’ jitlaq b’xejn. Id-deal ma’ Manchester Unitd hu wieħed tajjeb għax kien ta’ madwar 20 miljun Ewro bonuses inklużi. Ta’ min iżid ukoll li fil-pjanijiet ta’ Juventus kien hemm li Rabiot jagħmel il-wisa’ lil Paredes. Ma nafux issa jekk Juventus humiex xorta waħda se jiksbu lil Paredes.

Matthew Scerri

Il-ġimgħa ta’ Paredes u Depay?

Ħafna qed ibassru li dil-ġimgħa Juventus se jkunu qed jiskbu lil Paredes u lil Depay biex isaħħu n-nofs il-grawnd u l-attakk tagħhom. Mat-tnejn li huma allegatament hemm qbil fuq kollox. Depay bħalissa qed jinnegozja ma’ Barcellona sabiex il-kuntratt tiegħu ikun itterminat qabel iż-żmien. Ladarba l-ftehim ma’ Barcellona jkun instab, Depay ikun jista’ jmur Turin għat-testijiet mediċi u l-firma tal-kuntratt ma’ Juventus. Paredes, mill-banda l-oħra, ilbieraħ għamilha ċara pubblikament li jrid jingħaqad ma’ Juventus hekk kif fuq is-social media tella’ ritratt tiegħu qed jara l-partita Juventus-Sassuolo. Barra minn hekk Galtier stqarr ftit tal-jiem ilu li Paredes x’aktarx jitlaq lil PSG minħabba li jrid jilgħab iktar. Juventus qed jiddiskutu ma’ PSG wara li allegatament diġà qablu fuq kollox ma’ Paredes innifsu. Juventus iriduh b’self għal sena bid-dritt jew l-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla. PSG jidhru disposti li jikkuntentaw kemm lil Paredes kif ukoll lil Juventus. Fil-fatt Paredes hu wieħed mill-ħafna plejers fl-iskwadra tagħhom li PSG qed jikkunsidraw bħala ‘żejda’ u mhux indispensabbli għat-tim. Ovvjament Juventus qed jittamaw li Rabiot jinbigħ lil Manchester United biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu l-wisa’ għall-akkwist ta’ Paredes.

Matthew Scerri

Direttur ta’ Manchester United jinsab Turin għal Rabiot

Id-Direttur ta’ Manchester United, John Murtough jinsab Turin għal numru ta’ laqgħat sabiex il-klabb Ingliż jikseb is-servizzi ta’ Adrien Rabiot. Ilbieraħ hu kellu l-ewwel laqgħa ma’ Juventus, bil-partijiet ilhom li laħqu ftehim sabiex it-trasferiment iseħħ. Illum Murtough għandu jkollu laqgħa direttament mal-omm/aġent ta’ Rabiot bit-tama li jinstab ftehim mal-plejer innifsu. S’issa, milli nafu, Rabiot qed jitlob paga ta’ 10 miljuni fis-sena, somma li hi meqjusa għolja wisq min-naħa ta’ Manchester United. Il-partijiet se jkomplu jiddiskutu bejniethom bit-tama li jintlaħaq ftehim li jikkuntenta lil kulħadd.

Matthew Scerri

X’qed joffru Manchester United għal Rabiot

Qed ikun irrapurtat li Manchester United lesti jħallsu 18-il miljun Ewro flimkien ma’ 2 miljuni oħra f’bonuses. Ftehim ferm tajjeb, speċjalment meta wieħed iqis li s-sena d-dieħla jasal fi tmiemu l-kuntratt ta’ Rabiot ma’ Juventus. Milli jidher jonqos biss li Manchester United jilħqu ftehim mal-plejer innifsu, ħaġa li ma tidhirx verament diffiċli.

Il-flus li Juventus se jkunu qed idaħħlu, se jiġu investiti fl-akkwist ta’ plejer jew plejers f’nofs il-grawnd. Paredes ilu jissemma, filwaqt li fl-aħħar jumejn bdejna nisimgħu li Juventus għamlu kuntatt ma’ Sassuolo sabiex jixtru lil Frattesi. Dawn jew xi ħadddieħor mistennija jingħaqdu ma’ Juventus biex isaħħu nofs il-grawnd tat-tim ta’ Allegri.

Matthew Scerri

Manchester United miftehma ma’ Juventus biex jixtru lil Rabiot

Fl-Ingilterra qed jirrapurtaw li Manchester United laħqu ftehim ma’ Juventus biex jiksbu lil Adrien Rabiot. L-aħbar qed tingħata minn The Athletic u minn Sky Sport Uk. Issa r-Red Devils jinsabu f’taħdidiet ma’ omm Adrien, Veronique li hi l-aġent tal-midfielder Juventin. Rabiot fadallu sena biss kuntratt u allura Juventus għandhom kull interess li jbigħuh issa minflok iħalluh jitlaqhom b’xejn is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri

Juventus iridu jbigħu qabel jixtru aktar plejers f’nofs il-grawnd

F’nofs il-grawnd Juventus mistennija jagħmlu minn tal-inqas akkwist ieħor. Qed jissemma b’saħħa Paredes fil-pożizzjoni ta’ playmaker. Qabel isir dan l-akkwist, Juventus iridu però qabelxejn ibigħu peress li bħalissa fit-tim Juventin hemm wisq plejers li jilagħbu f’nofs il-grawnd. L-uniċi ċerti li se jżommu posthom ma’ Juventus huma Pogba u Locatelli. McKennie, Zakaria u Rabiot, probabbli jibqgħu, għalkemm jekk tasal offerta tajba, Juventus lesti jbigħuhom. Ramsey u Arthur, mill-banda l-oħra, mhumiex parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Ramsey jinsab f’negozjati ma’ Juventus biex jittermina l-kuntratt tiegħu, filwaqt li hemm it-tama li Arthur jkun misluf (Arsenal). Imbagħad hemm it-tlieta żgħar – Rovella, Fagioli u Miretti – li s’issa mhux magħruf x’se jsir minnhom. Kollox jindika li wieħed mit-tlieta biss se jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm il-preseason jaf jibdel il-pjanijiet ta’ Juventus. La darba Juventus ikunu neħħew plejer jew plejers fit-tim tagħhom, ikunu jistgħu jgħaddu għal aktar akkwisti.

Matthew Scerri

Rabiot jitħarreġ mal-Under 23

Peress li ma marx l-Amerika, Adrien Rabiot se jkompli t-taħriġ tiegħu mal-Under 23 ta’ Juventus minn tal-inqas sal-aħħar tax-xahar. Hekk xorta waħda se jkompli t-tħejjija tiegħu personali għall-istaġun li jmiss.

Matthew Scerri

Rabiot x’aktarx mhux sejjer l-Amerka minħabba l-vaċċin

Diversi sorsi qed jirrapurtaw li Adrien Rabiot mhux sejjer l-Amerka ma’ Juventus minħabba li ma jridx jieħu l-vaċċin tal-Covid-19. L-aħbar mhix waħda uffiċjali. Rabiot tkellem biss dwar raġuni pesonali bla ma spjega x’inhi. Ta min jgħid li fl-Amerka hu obbligatorju li persuna tieħu tliet dosi tal-vaċċin biex tkun tista’ tieħu sehem f’eventi li jattiraw ħafna nies. Rabiot, li kellu l-Covid, jidher li ma ħax il-vaċċin minħabba li fl-Italja hemm regolamenti differenti minn dawk Amerikani.

Matthew Scerri

Rabiot mhux sejjer l-Amerka

Adrien Rabiot mhux se jkun qed jivvjaġġa ma’ Juventus lejn l-Amerka minħabba raġunijiet personali. Id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil ma’ Juventus. Ir-raġuni hi waħda personali u mhix marbuta ma’ xi trasferiment imminenti ma’ klabb ieħor.

Matthew Scerri