Posts

Ronaldo jinsab Turin. Illum jibda l-preseason tiegħu

Cristiano Ronaldo wasal Turin ilbieraħ waranofsinhar u dalgħodu se jibda l-preseason tiegħu ma’ Juventus. Bħas-soltu se jibda billi jsirulu t-testijiet mediċi u wara forsi jkollu ftit tal-ħin jitħarreġ fil-grawnd.

Matthew Scerri

Ma nistgħux nibqgħu mdendlin!

Ilna jumejn nistennew li nsiru nafu x’se jkun l-eżitu tad-‘decision day’ ta’ Cristiano Ronaldo. Il-gazzetti u s-siti qed ikomplu jirrapurtaw li jista’ jkun hemm bdil bejn Ronaldo u Icardi. Fil-verità hemm xi ġurnalisti li qed isostnu li Ronaldo mhux se jitlaq minn Turin. Hi x’inhi l-verità, nemmnu li għandna kull dritt li nkunu nafu darba għal dejjem jekk Ronaldo huwiex se jibqa’ ma’ Juventus jew inkella jridx jitlaq. Tkun xi tkun id-deċiżjoni tiegħu, aħna se nirrispettawha imma nitlbuh li jirrispetta lil Juventus ukoll. Irriduh jibqa’, imma jekk irid jitlaq m’aħna se nżommu lil ħadd kontra qalbu. Ma jistax ikun li Juventus u aħna s-supporters nibqgħu mdendlin nistennew li Ronaldo jagħmel ir-riflessjonijiet tiegħu bil-kalma kollha. Jekk jitlaq Juventus iridu jippjanaw l-istaġun b’mod differenti. It-tluq ta’ Ronaldo ma jfissirx li trid issib biss attakkant ieħor minflok. Ifisser li Juventus ikollhom budget differenti f’termini ta’ pagi lill-plejers u b’dak li jkunu qed jiffrankaw minn fuq il-paga ta’ Ronaldo, jaf ikunu jistgħu jinvestuh fi plejer ieħor. Fl-istess ħin, irridu nkunu realistiċi u nammettu li t-tluq ta’ Ronaldo se jkun ifisser dħul inqas għal Juventus minn sponsors u għaldaqstant is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Juventus jaf issir iktar komplessa. Hu fundamentali li Juventus ikunu jafu d-deċiżjoni ta’ Ronaldo malajr kemm jista’ jkun ħalli mod jew ieħor jippjanaw l-istaġun 2021/22. Kif għidna, jalla Ronaldo jibqa’, biss jekk se jitlaq jaqbad jgħidha ħalli l-ġimgħat li ġejjin jintużaw b’mod għaqli.

Matthew Scerri

Locatelli-Ronaldo. Nedved mhuwiex inkwetat

Pavel Nedved kien preżenti lbieraħ għaċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-poloz tas-Serie A u bħal dejjem tkellem mal-ġurnalisti. Fost id-domandi li saqsewh kien hemm anki dawk marbuta ma’ Locatelli u Ronaldo. Dwar il-midfielder Taljan, Nedved wieġeb li Juventus ħallewh bi kwietu waqt il-Euro2020 u li għad fadal żmien għad-diskussjonijiet bejn il-partijiet. Ronaldo, mill-banda l-oħra, jidher li se jibqa’ peress li ħadd mill-aġent ma ta sinjali lil Juventus li se jkun qed jitlaq. Fi kliem Nedved, fil-25 ta’ Lulju Ronaldo se jkun qed jibda l-preseason ma’ Juventus.

Matthew Scerri

U issa x’se tkun l-għażla ta’ Ronaldo?

Bl-eliminazzjoni tal-Portugall mill-Euro2020, l-attenzjoni issa ddur fuq l-għażla li Cristiano Ronaldo se jkun qed jagħmel brabta mal-futur tiegħu. Kif kien mistenni hu kien moħħu biss fl-impenji tat-tim nazzjonali u ma kienx qed jaħseb wisq dwar jekk għandux jitlaq lil Juventus jew le. Issa, ladarba l-Portugall inqalgħu, Ronaldo jista’ jgħaddi biex jagħmel il-kunsiderazzjonijiet dwar il-futur tiegħu mal-klabb Juventin. Nafu li fadallu sena kuntratt. Juventus ma jridux ineħħuh biss mhux se jwaqqfuh milli jitlaq. Is-somma li se jkunu qed jitolbu għalih hi ta’ 30 miljun Ewro għax inkella jkunu qed jagħmlu minuvalenza. Fl-istess ħin iridu jkunu jafu x’se jagħmel malajr kemm jista’ jkun minħabba li eventwalment iridu jsibu sostitut denju għalih. Insomma, nistennew li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin ikollna aħbarijiet ċara dwar l-għażla ta’ Ronaldo.

Matthew Scerri

Filmat: Ronaldo jneħħi l-fliexken tal-luminata

Kif kienet se tibda l-konferenza tal-aħbarijiet lejlet Portugall-Ungerija, Cristiano Ronaldo neħħa minn quddiemu l-fliexken tal-Coca Cola u minflok deher jaqbad u jgħolli b’idejh flixkun tal-ilma. Il-messaġġ tiegħu kien li n-nies m’għandhiex tixrob il-luminata u minflok għandha tixrob l-ilma għal raġunijiet marbutin mas-saħħa.

Magħrufa l-Aqwa Plejers tas-Serie A 2020/21

Il-Lega tas-Serie A ħabbret l-aqwa plejer f’kull pożizzjoni fl-istaġun 2020/21. Ir-rebbieħa ntgħażlu fuq il-bażi tal-analiżi ta’ Stats Perform u d-data tracking ta’ Netco Sports.

Ir-rebbieħa f’kull kategorija huma:

L-Aqwa Plejer U/23: Vlahovic (Fiorentina)

L-Aqwa Gowler: Donnaromma (Milan)

L-Aqwa Difensur: Romero (Atalanta)

L-Aqwa Plejer ta’ nofs il-grawnd: Barella (Inter)

L-Aqwa Attakkant: Ronaldo (Juventus)

L-Aqwa Plejer tal-istaġun: Lukaku (Inter)

Matthew Scerri

Ronaldo hu t-topscorer tas-Serie A

Cristiano Ronaldo hu t-topscorer tas-Serie A għall-istaġun 2020/21. Hu skurja 29 gowl f’33 partita. Fit-tieni post insibu lil Lukaku ta’ Inter b’24 gowl, filwaqt li Muriel ta’ Atalanta kien it-tielet l-aqwa skorer tas-Serie A b’22 gowl. Interessanti li Lukaku u Muriel lagħbu 36 partita dis-sena, jiġifieri tlieta iktar minn Ronaldo. L-aħħar plejer Juventin li kien topscorer tas-Serie A kien Alessandro Del Piero fl-2007/08.

Matthew Scerri

Dybala u Ronaldo jagħmluhom mija!

Cristiano Ronaldo u Paulo Dybala skurjaw il-100 gowl tagħhom personali bil-flokk ta’ Juventus. Interessanti li Ronaldo skurja dan l-ammont ta’ gowls fi tliet staġuni biss, filwaqt li Dybala ilu sitt snin ma’ Juventus. Nittamaw li Ronaldo u Dybala jibqgħu ma’ Juventus anki s-sena d-dieħla u li jkomplu jiskurjaw ħafna iktar minn hekk.

Matthew Scerri

Ronaldo hu l-Aqwa Plejer ta’ Udinese-Juventus

Cristiano Ronaldo ġie magħżul mill-qarrejja tal-website tagħna bħala l-Aqwa Plejer tal-partita bejn Udinese u Juventus. Fil-votazzjoni li saret online hu kiseb 79% tal-vot. Grazzi lil kulmin ħa sehem!

Matthew Scerri