Posts

Maħtur il-Bord tad-Diretturi l-ġdid ta’ Juventus

Illum inħatar b’mod uffiċjali l-Bord tad-Diretturi l-ġdid ta’ Juventus. L-uniċi nomini kienu dawk mressqa minn Exor, li huma x-share-holders ewlenin tal-klabb Juventin b’63.8% tax-shares. Il- ħames kandidati ġew maħtura bħala Diretturi ta’ Juventus wara votazzjoni fil-Laqgħa tax-share-holders. Il-ħames Diretturi huma: Fioranna Vittoria Negri, Maurizio Scanavino, Gianluca Ferrero, Diego Pistone u Laura Cappiello. Huma kollha esperti fil-qasam legali u f’dak amministrattiv-finanzjarju. Huma se jkunu qed jaqilgħu 40,000 Ewro fis-sena.

Matthew Scerri

Scanavino: “Tmexxija ġdida imma mhux se jinbidlu l-ambizzjonijiet u l-miri tal-klabb”

Maurizio Scanavino indirizza l-Laqgħa tax-shareholders ta’ Juventus. F’intervent ta’ ftit minuti. Scanavino wiegħed impenn sħiħ favur Juventus u sostna li se juża l-esperjenza kollha tiegħu personali għall-ġid tal-klabb. Sostna li ilu xahrejn jaħdem għal Juventus u laqtu l-fatt li sab nies professjonali immens jaħdmu għall-klabb. Wiegħed kontinwità ta’ ħidma sabiex jitkomplew il-proġetti sportivi u kummerċjali li nbdew diġà. Faħħar il-proġett tan-Next Gen li fi kliemu se jkun qed iħalli frott kbir kemm mil-lat sportiv kif ukoll mil-lat finanzjarju. Scanavino qal li minkejja li kemm tmexxija ġdida, mhix se jinbidlu l-għanijiet sportivi, amministrattivi u kummerċjali tal-klabb. Hu temm jgħid li jqis li l-għan ewlieni għas-snin li ġejjin se jkun li jiġu attirati persuni oħra li jiżdiedu mas-supporters tat-tim. B’mod partikolari Juventus se jkunu qed jattiraw aktar żgħażagħ u jinstabu swieqi ġodda kemm fuq skala nazzjonali kif ukoll internazzjonali.

Matthew Scerri

Juventus f’idejn tim ta’ esperti. U Del Piero?

Eżatt mar-riżenja ta’ Andrea Agnelli flimkien mal-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi, Juventus ħabbru l-ħatra ta’ Maurizio Scanavino biex ikun id-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-klabb. Hu espert fil-management u mexxa b’suċċess diversi kumpaniji li jiffurmaw parti mid-dinja tal-Fiat. Scanavino hu ħabib intimu ta’ Elkann sa minn żmien l-universita’ u jista’ jitqies bħala person of trust tiegħu. Fil-passat ħadem mill-qrib ma’ Sergio Marchionne biex isaħħaħ il-management tal-Fiat.

L-għada mbagħad Exor ħabbru li fit-18 ta’ Jannar 2023 se jressqu l-kandidatura ta’ Gianluca Ferrero għall-kariga ta’ President ta’ Juventus. Hu accountant/awditur espert u ta’ fama internazzjonali. Saħansitra hu l-awditur personali tal-membri tal-familja Agnelli.

L-ismijiet l-oħra tad-diriġenti l-ġodda u tal-Bord tad-Diretturi li se jkunu pproponuti min-naħa ta’ Exor għadhom ma tħabbrux. Kollox jindika li se jkunu kollha (jew kważi) esperti fil-qasam legali u finanzjarju bil-għan li Juventus ikunu difiżi sew f’dil-burraxka u fl-istess ħin jitranġaw id-difetti li hemm fl-istruttura amministrattiva tal-klabb.

Il-kapitlu Del Piero. Madwar erbat ijiem ilu kellna l-aħbar li Del Piero se jkun qed jifforma parti mid-diriġenza Juventina. Del Piero stess fuq Instagram kiteb li ma jħossx li għandu “jikkummenta aħbarijiet li jistgħu jsiru spekulazzjonijiet”. Kif għidna Elkann irid diriġenti esperti fil-qasam legali u finanzjarju. Hemm indikazzjonijiet li verament jista’ jkun eks plejer Juventin fid-diriġenza, biss dan x’aktarx se jkun figurehead iktar minn kollox. Mhux suppost ikollu, biex niftehmu, l-istess responsabbiltajiet ta’ Bettega jew Nedved. Semmai xogħlu se jkun li jiddjaloga mat-tim flimkien ma’ Cherubini, u fl-istess ħin ikun il-kelliem tal-klabb mas-supporters u l-media. Jekk huwiex se jkun Del Piero jew le li jokkupa fil-pożizzjoni s’issa mhux magħruf. Għalissa l-aħbar ta’ Del Piero tidher li biss spekulazzjoni min-naħa tal-gazzetti u xejn iktar.

Fit-18 ta’ Jannar se jkollna l-ħatra tal-Bord il-ġdid tad-Diretturi. Sa dakinhar probabbli jkollna idea ċara wkoll dwar id-diriġenti l-ġodda. Ta’ min jgħid li l-bidliet li qed isiru ntlaqgħu tajjeb mis-swieq u mill-investituri tant li x-shares ta’ Juventus, għalkemm tilfu mill-valur tagħhom, ma kellhomx il-kollass li normalment wieħed jistenna f’każijiet bħal dawn.

Matthew Scerri