Posts

Uffiċjali: Juventus xtraw lil Vlahovic

Juventus ħabbru li xtraw mingħand Fiorentina lil Dusan Vlahovic. Il-prezz li Juventus se jħallsu għalih hu ta’ 70 miljun Ewro, liema somma se titħallas fi tliet rati. Juventus se jħallsu anki 11.6 miljun Ewro f’solidarity payments kif mitlub mir-regolamenti tal-FIFA peress li Vlahovic għandu inqas minn 23 sena. Barra minn hekk Juventus qablu li jħallsu 10 miljun Ewro oħra f’bonuses jekk jintlaħqu ċerti miri sportivi. Vlahovic iffirma kuntratt ma’ Juventus sal-2026 u se jkun qed jilbes il-flokk numru 7.

Matthew Scerri

Filmat: Vlahovic jasal fil-JMedical

Dusan Vlahovic jinsab fil-JMedical għat-testijiet mediċi qabel aktar tard jiffirma l-kuntratt li se jorbtu ma’ Juventus għas-snin li ġejjin. Mal-wasla tiegħu fil-JMedical hu sab jistennieh grupp mdaqqas ta’ supporters. L-avventura ta’ Vlahovic ma’ Juventus bdiet illum!

Matthew Scerri

Prev 1 of 1 Next
Prev 1 of 1 Next

Vlahovic jinsab pass ‘il bogħod milli jsir plejer ta’ Juventus

Kollox jindika li Dusan Vlahovic se jkun qed jingħaqad ma’ Juventus fis-sigħat li ġejjin. L-uffiċċjali ta’ Juventus ilhom f’kuntatti kontinwi ma’ Fiorentina għal dawn l-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa. Fiorentina qed jitolbu 75 miljun Ewro cash, biss il-ftehim li wasal biex jintlaħaq x’aktarx hu ta’ 60 miljun flimkien ma’ 7 miljuni oħra f’bonuses. Intant f’Firenze s-supporters ta’ Fiorentina xebgħu jwaħħlu streamers ta’ tgħajjir fil-konfront ta’ Vlahovic. Il-Questura ta’ Firenze kellha tibgħat pulizija jgħasses ir-residenza privata ta’ Vlahovic minħabba li hemm il-biża’ li s-sitwazzjoni tiddeġenera u xi ħadd jħebb għall-attakkant Serb.

Matthew Scerri

X’qed jingħad dwar it-trasferiment ta’ Vlahovic ma’ Juventus

Nhar it-Tnejn 31 ta’ Jannar jagħlaq is-suq tat-trasferimenti tax-xitwa. F’dil-ġimgħa li fadal żgur li se nisimgħu ħafna dwar it-trasferiment possibbli ta’ Vlahovic ma’ Juventus. Li nafu s’issa hu li Fiorentina lesti jbigħuh f’dis-sessjoni tal-mercato. Ix-xnigħat nafu li huma li l-plejer ilu miftiehem ma’ Juventus (kuntratt ta’ 5 snin b’paga ta’ 7 miljuni fis-sena) u se jkun qed jirrifjuta trasferimenti ma’ klabbs oħra. Issa jonqos li jinstab il-ftehim bejn Juventus u Fiorentina. Vlahovic għandu kuntratt li jiskadi f’Ġunju tas-sena d-dieħla u Fiorentina huma mwerwra li se jitilfuh b’xejn. Għaldaqstant lesti jitkellmu ma’ Juventus biex isibu ftehim konvenjenti għalihom. Skont Sportitalia dal-lejl il-klabbs bdew ifasslu d-dettalji finali tal-ftehim: 67 miljun Ewro lil Fiorentina għal Vlahovic, ma’ liema somma jridu jiżdiedu l-bonuses. Sportitalia qegħdin saħansitra jsostnu li bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa Vlahovic se jkun Turin għat-testijiet mediċi.

Nirrepetu li s’issa dan għadu biss għidut u l-unika ħaġa ċerta s’issa hi li Fiorentina lesti jbigħu lil Vlahovic f’Jannar. Sal-Ħadd Juventus kienu għadhom ma ressqu ebda offerta għal Vlahovic u s’issa m’għandna ebda konferma li l-offerta Juventina verament tressqet.

Tajjeb ngħidu wkoll li hemm ħafna xnigħat li minħabba t-trasferiment ta’ Vlahovic ma’ Juventus, Morata se jkun qed jitħalla jitlaq ma’ Barcellona. F’das-sens hemm anki għidut li l-aġenti tiegħu jinsabu l-Italja. Fiorentina, min-naħa tagħhom, jidhru li qed ifittxu sostitut għal Vlahovic, b’Milic indikat bħala l-favorit li jimla l-vojt li se jħalli l-attakkant Serb.

Matthew Scerri

Pradè: “Lesti nbigħu lil Vlahovic anki issa. Bibien miftuħin anki għal Juventus”

F’intervista mogħtija lil Sportitalia, id-Direttur tal-Isports ta’ Fiorentina, Daniele Pradè tkellem ċar u tond dwar il-futur ta’ Dusan Vlahovic. Hu tenna mill-ġdid li Fiorentina rċevew diversi offerti tajbin għal Vlahovic biss l-aġenti tal-plejer qatt ma wrew ebda sinjal li jistgħu jilqgħuhom. Żied: “Il-bibien tagħna huma miftuħin. Irridu nkunu nafu xi jrid hu u xi jridu l-aġenti tiegħu. Lesti nitkellmu mill-ġdid dwar it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Għandna offerti tajbin biex inbigħuh. Qed ngħid dan għax klabb li għandu dħul ta’ 75 miljun Ewro fis-sena u għandu asset li jiswa l-flus, ma jistax jitilfu b’xejn. Il-bibien tagħna huma miftuħin għal kollox.”

Mistoqsi jekk il-bibien humiex miftuħa anki għal Juventus, Pradè wieġeb: “Miftuħin għal kollox. L-aġenti jridu jgħidulna, però, x’inhi r-rieda tagħhom. Il-prezz tiegħu hu ta’ iktar minn 70 miljun, mingħajr bdil ma’ plejers oħra u l-ħlas ma jistax inkun imqassam fuq numru ta’ snin. Dan imponieh il-President. Lesti nbigħuh anki minn issa.”

Matthew Scerri

Icardi jew Vlahovic għall-attakk Juventin

Fil-laqgħa li Allegri kellu ma’ Cherubini ftit tal-jiem ilu, jidher li l-prijorità bħalissa hi li jinxtara attakkant. Hemm inċertezza sħiħa dwar jekk Ronaldo huwiex se jibqa’ ma’ Juventus. Jibqa’ jew ma jibqax, xorta waħda Juventus se jkunu qed jixtru attakkant tal-kaxxa. L-ismijiet li qed isiru huma dawk ta’ Vlahovic ta’ Fiorentina u Maurizio Icardi ta’ PSG. Vlahovic għandu valur ta’ bejn 50 u 60 miljun Ewro. Icardi, mill-banda l-oħra, ilu snin imsemmi ma’ Juventus. Did-darba jista’ jkun li hu verament jingħaqad ma’ Juventus bi tpartit proprju ma’ Ronaldo.

Matthew Scerri