X’qed jingħad dwar it-trasferiment ta’ Vlahovic ma’ Juventusby Matthew Scerri
Nhar it-Tnejn 31 ta’ Jannar jagħlaq is-suq tat-trasferimenti tax-xitwa. F’dil-ġimgħa li fadal żgur li se nisimgħu ħafna dwar it-trasferiment possibbli ta’ Vlahovic ma’ Juventus. Li nafu s’issa hu li Fiorentina lesti jbigħuh f’dis-sessjoni tal-mercato. Ix-xnigħat nafu li huma li l-plejer ilu miftiehem ma’ Juventus (kuntratt ta’ 5 snin b’paga ta’ 7 miljuni fis-sena) u se jkun qed jirrifjuta trasferimenti ma’ klabbs oħra. Issa jonqos li jinstab il-ftehim bejn Juventus u Fiorentina. Vlahovic għandu kuntratt li jiskadi f’Ġunju tas-sena d-dieħla u Fiorentina huma mwerwra li se jitilfuh b’xejn. Għaldaqstant lesti jitkellmu ma’ Juventus biex isibu ftehim konvenjenti għalihom. Skont Sportitalia dal-lejl il-klabbs bdew ifasslu d-dettalji finali tal-ftehim: 67 miljun Ewro lil Fiorentina għal Vlahovic, ma’ liema somma jridu jiżdiedu l-bonuses. Sportitalia qegħdin saħansitra jsostnu li bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa Vlahovic se jkun Turin għat-testijiet mediċi.
Nirrepetu li s’issa dan għadu biss għidut u l-unika ħaġa ċerta s’issa hi li Fiorentina lesti jbigħu lil Vlahovic f’Jannar. Sal-Ħadd Juventus kienu għadhom ma ressqu ebda offerta għal Vlahovic u s’issa m’għandna ebda konferma li l-offerta Juventina verament tressqet.
Tajjeb ngħidu wkoll li hemm ħafna xnigħat li minħabba t-trasferiment ta’ Vlahovic ma’ Juventus, Morata se jkun qed jitħalla jitlaq ma’ Barcellona. F’das-sens hemm anki għidut li l-aġenti tiegħu jinsabu l-Italja. Fiorentina, min-naħa tagħhom, jidhru li qed ifittxu sostitut għal Vlahovic, b’Milic indikat bħala l-favorit li jimla l-vojt li se jħalli l-attakkant Serb.
Matthew Scerri