Posts

90 sena ilu l-aħħar partita ta’ Carlo Bigatto

Illum, 21 ta’ Diċembru, jaħbat l-anniversarju tal-aħħar partita ta’ wieħed mill-captains leġġendari ta’ Juventus: Carlo Bigatto. Kien proprju fil-21 ta’ Diċembru tal-1930 li Bigatto libes għall-aħħar darba l-flokk ta’ Juventus fil-partita li l-Bianconeri tilfu kontra Lazio bl-iskor ta’ 2-1. Wara dik il-partita Bigatto ma felaħ jilgħab iktar minħabba l-ħafna injuries li kellu. Hekk waslet fi tmiemha karriera twila ta’ 17-il sena ma’ Juventus, b’total ta’ 238 partita mal-Bianconeri. Tajjeb ngħidu li fl-istorja Juventina kien Del Piero biss li lagħab ma’ Juventus għal iktar staġuni.

Id-debutt ta’ Bigatto ma’ Juventus imur lura għat-12 ta’ Ottubru 1913 fil-partita li l-Bianconeri rebħu kontra Libertas Milano bl-iskor ta’ 3-1. Hu skorja fil-partita tad-debutt tiegħu. Għall-ewwel hu kien jilgħab bħala attakkant, iżda wara li ħa sehem fl-Ewwel Gwerra Dinjija, iddeċieda li jibdel il-pożizzjoni u sar centre-half. Il-kotba tal-istorja jiftakruh bħala plejer makakk u li jħobb jiddribbilja. Bigatto lagħab anki 5 darbiet għall-Italja.

Fil-grawnd Bigatto kien jilbes f’rasu kappell bil-kuluri ta’ Juventus. Fuq kollox però kien bniedem li tant kien iħobb lit-tim Juventin li dejjem irrifjuta kull tip ta’ ħlas biex jilgħab. Il-laqam tiegħu kien ‘Id-dilettant’, proprju għax qatt ma ried li jitħallas. Hu kien jgħid li ma riedx li jidħlu l-flus bejnu u t-tim ta’ qalbu.

Komplessivament Bigatto rebaħ 2 scudetti ma’ Juventus bħala plejer (1925-26 u 1930-31). Fis-sena 1934-35 hu nħatar kowċ ta’ Juventus u rebaħ dak li kien il-ħames scudetto infila ta’ Juventus (fil-kotba tal-istorja dan il-perjodu hu magħruf bħala il-Quinquennio d’oro, jiġifieri l-ħames snin tad-deheb).

Lil hinn mir-rebħ ma’ Juventus u l-kwalitajiet tekniċi, Bigatto jibqa’ magħruf u mfakkar għall-imħabba tiegħu għal Juventus. Hu plejer ta’ epoka oħra meta l-futbol kien biss xi ħaġa marbuta mal-passjoni u s-sentiment. Bigatto hu persunaġġ romantiku li ċertament se jibqa’ mfakkar fis-snin li ġejjin.

Matthew Scerri