Awguri!

Il-President u l-Kumitat kollu tal-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) jawguraw Muilied hieni u sena ġdid mimlija risq u barka lill-membri, lill-familjari tagħhom u lis-supporters Juventini kollha Maltin u Għawdxin. Nawguraw lil kulħadd li dan ikun żmien ta’ paċi, mistrieħ u mħabba li jibqgħu magħna tul is-sena kollha 2022.

Avviż importanti dwar emails li mhux jaslu għandkom il-membri

Qed jaslulna ħafna rapporti mingħand il-membri tal-Club li l-emails tagħna ġejjin minn [email protected] sfortunatament mhux qegħdin jaslu fl-inbox individwali tagħkom.

Fil-jiem li ġejjin se nkunu qed nibgħatu email oħra dwar il-Laqgħa Ġenerali annwali iżda ħafna minnkom probabbilment mhux se jkunu qed jirċevuha.

Is-Segretarjat tal-Club jixtieq jagħmilha ċara li dejjem jibgħat email ta’ konferma f’qasir żmien malli jsir il-ħlas tas-sħubija kif ukoll il-mistoqsijiet li tibgħatulna ta’ kuljum jiġu mwieġba wkoll malajr ħafna drabi dakinhar stess.

Sfortunatament pero’ l-emails tagħna qegħdin isibu ruħhom misterjosament fl-ispam folders għax kull min irrapporta li ma rċeviex risposta kollha qegħdin isibuha ġewwa dan il-folder mimli emails mhux mixtieqa.

Dan jgħodd kemm għal indirizzi Gmail kif ukoll għal Outlook/Windows Live/Hotmail. Yahoo saħansitra ġieli lanqas sal-ispam folder ma jaslu.

Din hija problema li konna niltaqgħu magħha kultant qabel iżda issa qisu saret ir-regola. Għaldaqstant inħeġġukom tiċċekkjaw l-ispam folder iktar sikwit u jekk issibu xi email tagħna iftħuha u

  • għal Gmail għafsu “Report as not spam”
  • għal Outlook / Windows Live / Hotmail għafsu “Its not junk”
  • għal Yahoo għafsu “Not spam”

Tistgħu wkoll iżżidu [email protected] fis-Safe senders list mis-settings tal-email account tagħkom.

Niskużaw ruħna ta’ dan l-inkonvenjent u lejn dawk li forsi ħasbu li nqasnihom.

F’kas ta’ diffikulta’ tistgħu wkoll iċċemplu fuq 79618994.

Nirringrazzjakom,
Darren Micallef

Uffiċjal Tesseramenti
Assistent Segretarju u Assistent Segretarju Internazzjonali

Avviż importanti lill-membri 2020/21 u 2021/22 dwar biljetti

Il-Kumitat javża li minn nhar is-Sibt 28 ta’ Awwissu qabel il-partita kontra Empoli se jibda uffiċjalment jilqa’ minn ġewwa l-uffiċju tal-Club bookings għall-biljetti tas-Serie A u taċ-Champions League mingħand il-membri kollha in regola mal-ħlas tas-sħubija għal dan l-istaġun 2021/22.

L-istaġun li għadda kien wieħed diffiċli ħafna għall-finanzi tal-Club għaliex l-ispejjeż baqgħu għoljin biex stajna nibqgħu operattivi iżda d-dħul naqas drastikament.

Għaldaqstant il-Kumitat irid iżomm mal-wegħda li kien għamel matul l-istaġun li għadda 2020/21 ma’ dawk il-membri li minkejja l-għeluq tal-Club u tal-Juventus Stadium minħabba l-pandemija laqgħu l-appelli kontinwi tagħna u għamlu s-sħubija xorta.

Dawn il-membri hekk kif kienu ġew imwiegħda se jingħataw perjodu ta’ priorita’ għal biljetti.

Il-Club qiegħed jistieden lill-membri 2020/21 u li reġgħu ħallsu s-sħubija dan l-istaġun 2021/22 sabiex jekk huma interessati li jakkwistaw biljett għal xi partita ta’ Juventus matul dan l-istaġun jirrikorru l-uffiċju tal-Club f’dawn id-dati imsemmija hawn taħt sabiex igawdu minn dan il-mekkanismu li jagħtihom priorita’

Is-Sibt 28 ta’ Awwissu bejn 7pm u 8.45pm kif ukoll wara l-partita
It-Tlieta 31 ta’ Awwissu bejn 6.30pm u 8.00pm
Il-Hamis 2 ta’ Settembru bejn 6.30pm u 8.00pm
It-Tlieta 7 ta’ Settembru bejn 6.30pm u 8.00pm
Il-Hamis 9 ta’ Settembru bejn 6.30pm u 8.00pm

F’dawn l-istess dati jistgħu jitolbu biljett anki dawk il-membri li huma msieħba dan l-istaġun iżda ma kinux l-istaġun li għadda.

Minħabba l-kapaċita’ limitata ta’ 50% tal-Juventus Stadium u l-indisponibilita’ ta’ użu ta’ abbonamenti matul l-istaġun kull min se jirrikorri l-uffiċju biex jirriserva biljett huwa mitlub li jimxi ma’ dawn l-istruzzjonijiet spjegati hawn taħt sabiex nippruvaw inkunu l-iktar trasparenti possibbli u l-biljetti jitqassmu bl-aħjar mod ekwu possibbli.

  • kull membru jista’ jirriserva sa massimu ta’ tliet partiti matul l-istaġun;
  • jista’ jigi riservat biljett wieħed kontra avversarju tal-ewwel faxxa. L-avversarji li huma kkunsidrati tal-ewwel faxxa huma Inter, Milan, Atalanta, Napoli, Roma, Lazio u Torino;
  • kull membru li jiġi l-uffiċju jista’ strettament jirriserva biljett f’ismu u f’isem membru ieħor biss. Isiru eċċezzjonijiet biss f’kas ta’ familji fejn ikun hemm l-ulied.

Il-Kumitat se jkun qiegħed iżomm ukoll waiting list għal kull partita sabiex kulħadd ikun jista’ xorta jpoġġi ismu fiha fuq bazi ta’ first come first served. Jekk ikun hemm possibilita’ li naqdu iktar membri ikun pjaċir tagħna u nagħmlu mezz biex navżawhom b’mod antiċipat tajjeb biex is-safra tkun tista’ tiġi ppjanata b’mod komdu.

Il-biljetti jistgħu jiġu riservati minn l-uffiċju biss permezz ta’ depositu fuq bazi ta’ first come first served.

Kull min jixtieq jirriserva biljett apparti li jkun membru mal-Club irid ikun ukoll membru fil-JOFC (Fan Club) kif ukoll ikun fil-pussess ta’ Juventus Card valida (jew Tessera del Tifoso)

Fl-eventwalita’ li partita ta’ Juventus tiġi kkanċellata minħabba l-pandemija jew raġunijiet oħra u l-Club ikun diġa’ għamel il-ħlas dovut tal-biljetti lil Juventus, ir-refund favur il-membru jiġi rilaxxat dejjem jekk u meta Juventus jiddeċiedu li jirrifondu lura lil Club l-ammont dovut sħiħ.

Grazzi
Darren Micallef

Uffiċjal Tesseramenti
Assistant Segretarju u Assistant Segretarju Internazzjonali

Miftuħa l-Kampanja Tesseramenti 2021/22

🏆 KAMPANJA TESSERAMENTI MIFTUĦA 🏆

🖤🤍 IFFORMA PARTI MILL-AKBAR JUVENTUS CLUB 🖤🤍

Dar għas-supporters Juventini kollha li hi ta min iżurha u jkun parti minnha. Club b’46 sena ta’ storja. Żortna diġà? X’qed tistenna biex issir membru ta’ wieħed mill-akbar u mill-eqdem Juventus Clubs fid-dinja?

⚽ Tistgħu tinkitbu online permezz tal-website fuq http://juventusclubmalta.com/membership/subscribe-online permezz ta’ Paypal, Revolut jew ċekk kif ukoll minn l-uffiċċju tal-Club kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis bejn 6.30pm u 8pm,

Hoodies u Polo Shirts tal-Club għall-bejgħ

Maskri tad-drapp għall-bejgħ mill-Club tagħna

Maskri tad-drapp li jgħattu l-ħalq u l-imnieħer jinsabu għall-bejgħ mill-premises tal-Club tagħna. Dal-maskri għandhom fuqhom il-logo tal-klabb u/jew ta’ Juventus. Il-maskri jistgħu jixtraw mis-segretarjat waqt il-ħin ta’ ftuħ.

Mugs tal-Club għall-bejgħ

Il-Club tagħna għadu kemm ħareġ għall-bejgħ mugs bil-logo l-ġdid. Dawn jistgħu jinkisbu mis-segretarjat tal-Club għall-prezz ta’ €5. Żgur li kull supporter Juventin Malti għandu jkollu wieħed minn dawn il-mags fil-kollezzjoni tiegħu/tagħha.