Insellmu l-memorja ta’ Kathia Vidal

Illum qed insellmu l-memorja ta’ supporter Juventina kbira oħra li ħallietna. Dalgħodu fuq il-mezzi tal-media soċjali, ħafna kitbu maħsuda dwar Kathia Vidal. Jien personali ma kontx naf, biss fil-ħafna kummenti li qrajna kulħadd iddeskriviha bħala persuna b’karattru mill-isbaħ. Illum tlifna Juventina oħra u jkolli ngħid li kull darba li jkollna nirrapurtaw stejjer ta’ niket bħal din, inħoss li l-familja Juventina tagħna tkun ġarrbet telfa tassew kbira. Nies bħal Kathia jagħmluna kburin li aħna parti minn dil-familja Juventina. M’għandix dubju li Kathia se tibqa’ tgħix fil-qlub ta’ dawk kollha li kienu jafuha.

Minn hawn nibagħtu l-kondoljanzi lill-familja tagħna.

Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (26 ta’ April 2021)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum is-26 ta’ April 2021.

Pirlo: “M’iniex kuntent u naħseb li lanqas il-klabb mhu kuntent”

Andrea Pirlo għall-ewwel darba għamel mea culpa: “Fil-bidu kulħadd kien qed jistenna aħjar, kemm jien kif ukoll it-tim. Ma naħsibx li għamilt xogħli kif xtaqt u kif xtaq kulħadd, Kull partita titgħallem u tipprova tmur aħjar. M’iniex kuntent u naħseb li lanqas il-klabb mhu kuntent.”

Matthew Scerri

Morata: “Se nibqa’ ma’ Juventus? Mhux dejjem nistgħu nagħżlu”

“Jien plejer professjonali u rrid nagħti kollox sakemm nibqa’ hawn. Kulħadd jaf li li kien għalija nilgħab għal Juventus għal dejjem. Il-futbol, però, hu business u aħna mhux dejjem nistgħu nagħżlu.” Kliem Alvaro Morata fi tmiem Fiorentina-Juventus.

Matthew Scerri

Fiorentina-Juventus bir-ritratti

Qed inwasslulkom ġabra ta’ ritratti tal-aqwa mumenti tal-partita Fiorentina-Juventus. Din il-photogallery hi magħmula minn ritratti li ġew ippubblikati fil-websajt ta’ Juventus.

Sors: Juventus.com

Morata: “Sena tqila”

https://www.youtube.com/watch?v=tIst_ZbBLF8

De Ligt se jkun sospiż kontra Udinese

Matthijs De Ligt se jkun qed jitlef il-partita li jmiss kontra Udinese. Hu kien fil-lista tad-diffidati u bil-karta safra li qala’ kontra Fiorentina, hu se jkun awtomatikament sospiż għal partita waħda.

Matthew Scerri

Fiorentina-Juventus 1-1

Fiorentina-Juventus kienet qisha film li diġà rajna diversi drabi f’dan l-istaġun: l-Ewwel Taqsima kienet diżastru totali b’Pirlo li bidel is-sistema kompletament; filwaqt li t-Tieni Taqsima Juventus lagħbu ferm aħjar wara li Pirlo għamel il-bidliet meħtieġ biex it-tim jilgħab bl-istess sistema ta’ logħob li drajna fl-aħħar xhur. Minkejja li lagħbu aħjar fit-Tieni Taqsima, il-Bianconeri ma rnexxilhomx jirbħu. Il-Juventus ta’ dis-sena hi Juventus inkonsistenti ferm, kif ilna nafu, u l-impressjoni tagħna hi li spiss tkun żbaljata l-mentalità li biha t-tim jidħol fil-grawnd. Apparti l-kwalità baxxa ta’ nofs il-grawnd Juventin, fl-aħħar ġimgħat rajna spiss lil Ronaldo maqtugħ wisq mil-logħba, filwaqt li Szczesny li m’għadux jagħti kunfidenza lill-bqija tad-difiża. Jekk imbagħad inżidu anki l-ħmerija li jagħmlu ċertu plejers fil-grawnd (tipo l-penalty għalxejn li Rabiot ikkawża llum), faċli nifhmu għalfejn Juventus qed ibatu daqstant dis-sena. Kif dejjem għidna kellna kollox biex niġġieldu għar-rebħ tal-kampjonat sal-aħħar, biss ma tistax tkun kompetittiv jekk f’sena tikseb punti minn żewġ partiti kontra Benevento u punt ieħor fil-konfront doppju ma’ Fiorentina.

FIORENTINA-JUVENTUS 1-1

Skurjaw: Vlahovic (pen.) (F), Morata (J)

Fiorentina (3-5-2): Dragowski; Caceres, Milenkovic, Pezzella; Venuti (Martinez Quarta), Amrabat, Pulgar, Castrovilli (Eysseric), Igor (Biraghi); Vlahovic, Ribery (Kouame). Kowċ: Iachini.

Juventus (3-4-1-2): Szczesny, De Ligt, Bonucci (Kulusevski), Chiellini; Cuadrado, Bentancur, Rabiot, Alex Sandro; Ramsey (McKennie), Ronaldo, Dybala (Morata). Kowċ: Pirlo.

Referee: Massa.

Karti sofor: Igor (F), Caceres (F), De Ligt (J), Biraghi (F).

Matthew Scerri