Il-plejers Juventini mgħajta għall-partita kontra Napoli

Il-plejers mgħajta minn Pirlo għall-partita kontra Napoli huma:

Goalers: Szczesny, Pinsoglio, Buffon.

Difensuri: Chiellini, De Ligt, Alex Sandro, Danilo, Cuadrado, Demiral, Di Pardo, Dragusin, Frabotta.

Plejers ta’ nofs il-grawnd: Arthur, Ramsey, McKennie, Chiesa, Rabiot, Bentancur, Fagioli, Kulusevski.

Attakkanti: Ronaldo, Morata, Dybala, Felix Correia.

Matthew Scerri

L-Olimpico se jilqa’ fih lis-supporters fl-okkażjoni tal-Kampjonat Ewropew tan-Nazzjonijiet

Il-Gvern Taljan aċċetta li l-Istadio Olimpico jiftaħ il-bibien tiegħu għas-supporters fl-okkażjoni tal-Kampjonat Ewropew tan-Nazzjonijiet. Il-konferma waslet illum mill-President tal-FIGC, Gravina. Hu ħabbar li l-Ministru tas-Saħħa, Roberto Speranza għarrfu bil-miktub b’did-deċiżjoni. Issa jmiss lill-Kumitat Tekniku Xjentifiku joħloq protokoll.

Matthew Scerri

Id-Direttur tal-ASL: “Għada l-partita se tintlagħab”

Radio Kiss Kiss ħadu kumment mingħand il-Professur Carlo Picco li hu d-Direttur tal-ASL ta’ Turin. Hu kkonferma li m’hemmx riskju li l-partita t’għada ma tintlagħabx. Fil-fatt fi ħdan Juventus attwalment m’hemm l-ebda cluster ta’ infezzjonijiet u allura s-sitwazzjoni hi taħt kontroll mil-lat mediku bil-protokoll tal-FIGC.

Matthew Scerri

Demiral fieq!

Merih Demiral fieq mil-Covid-19. Dan tħabbar direttament minn Juventus permezz ta’ stqarrija. Kif jitlob il-protokoll, illum sarulu żewġ testijiet u t-tnejn li huma taw riżultat negattiv. Għaldaqstant għada jista’ jilgħab.

Matthew Scerri

Mariani se jmexxi Juventus-Napoli

Mariani se jmexxi l-partita bejn Juventus u Napoli. Il-partita l-oħra li se tintlagħab fis-7 ta’ April hi Inter-Sassuolo. Din se tkun fdata f’idejn ir-referee Irrati.

Matthew Scerri

Dybala se jilgħab kontra Napoli

Paulo Dybala se jkun mgħajjat għall-partita t’għada kontra Napoli. Mistoqsi jekk huwiex se jibda mill-ewwel minuta, Pirlo ma tax risposta ċara. La qal le u lanqas iva. Qal biss li Dybala ma jiflaħx jilgħab disgħin minuta sħaħ, biss sostna li hu importanti għat-tim li rkupra lill-istilla Arġentina. Nifhmu li Dybala għada se jilgħab, ma nafux imma hejj hux se jibda jew se jidħol fit-Tieni Taqsima.

Matthew Scerri

Pirlo: “Il-President avżani li kien se jiltaqa’ ma’ Allegri”

“Il-President avżani li kien se jiltaqa’ ma’ Allegri. Aħna kollha professjonisti u barra l-impenji tal-futbol hemm ħbiberiji. Ma nara xejn ħażin. Anki jien nista’ nitkellem ma’ Maldini, imma ma jfissirx li l-għada tistgħu tiktbu li se mmur nikkowċja lil Milan. Għandi relazzjoni tajba mal-President u nitkellmu kuljum. Naf li għandu fiduċja fija.” Hekk tkellem Pirlo waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ lejlet Juventus-Napoli. Hu żied anki li jħoss li jgawdi mill-fiduċja tal-plejers u li jemmen li qed isegwuh f’dak li jgħidilhom. Finalment, Pirlo tkellem dwar il-futur tiegħu. Hu sostna li ma jħossx li għadha hi partita deċiżiva għalih. Tenna li l-futur tiegħu jiddependi minnu u mir-riżultati li se jinkisbu minn issa sa tmiem l-istaġun.

Matthew Scerri

Bernardeschi pożittiv għall-Covid-19

Federico Bernardeschi hu pożittiv għall-Covid-19. Dan ħabbruh Juventus ftit tal-minuti ilu. Hu m’għandux sintomi. Kif jitlob il-protokoll, Bernardeschi beda jagħmel il-kwarantina u se jkun segwit mill-istaff mediku.

Matthew Scerri

Bdil Rabiot-van de Beek

Soccernews.nl huma konvinti li das-sajf Juventus u Manchester United se jkun qed ipartu xi plejers. Jidher fil-fatt li r-Red Devils lesti jħallu lil Donny van de Beek jitlaq u qed jipproponu lil Juventus tpartit ma’ Rabiot.

Matthew Scerri