Ronaldo hu l-Aqwa Plejer ta’ Juventus-Udinese

Cristiano Ronaldo ġie magħżul mill-qarrejja tal-website tagħna bħala l-Aqwa Plejer tal-partita bejn Juventus u Udinese. Fil-votazzjoni li saret online hu kiseb 54% tal-voti, segwit minn Chiesa b’14% tal-voti, filwaqt li fit-tielet post insibu lil Ramsey u Dybala b’13% tal-voti kull wieħed. Grazzi lil kulmin ħa sehem!

Matthew Scerri

Quagliarella b’ċans li jirritorna ma’ Juventus

Illum issemma anki Fabio Quagliarella bħala akkwist possibbli ta’ Juventus. L-aħbar ma ġietx miċħuda minn Ranieri li qal: “Issa naraw x’se jiġri. Li hu żgur hu li jkun premju kbir għal Quagliarella. Li fl-età ta’ 38 sena jfittxek klabb klabb naħseb li hi ħaġa li għandha tagħti pjaċir lil Fabio.”

Matthew Scerri

Cuadrado wkoll pożittiv għall-Covid-19

Juan Cuadrado wkoll instab pożittiv għall-Covid-19 u se jkollu jitlef Milan-Juventus. Illejla reġgħu saru swab tests lill-plejers kollha ta’ Juventus. Għada filgħodu se joħorġu r-riżultati u wara t-tim ikun jista’ jerħila lejn Milan.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (5 ta’ Jannar 2021)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum il-5 ta’ Jannar 2021.

Bħal-lum fil-passat (5 ta’ Jannar)

Nhar il-5 ta’ Jannar 2014 Juventus taw tislima kif tixraq lil David Trezeguet. Dan sar qabel il-partita tal-kampjonat Juventus-Roma, liema partita ntemmet bl-iskor ta’ 3-0 favur Juventus b’gowls ta’ Vidal, Bonucci u Vucinic.

Il-prezz li Juventus qed jitolbu għal Bernardeschi

L-għidut hu li Juventus qed jippruvaw isibu klabb xerrej għal Federico Bernardeschi. Skont Il Corriere della Sera Juventus qed jitolbu somma ta’ 20 miljun Ewro għalih. Wieħed irid jara kemm verament se jkun hemm klabbs interessati fih.

Matthew Scerri 

L-ismijiet li qed isiru għall-attakk Juventin

Pirlo tkellem ċar: Juventus se jippruvaw jiksbu attakkant ieħor. Fl-intervista ta’ wara l-partita, malli ssemmilu isem Giroud, Pirlo ma qagħadx lura milli jgħid li hu t-tip ta’ plejer li Juventus jeħtieġu. Giroud, imma, jidher li mhux se jitlaq lil Chelsea peress li qed ikun regolari magħhom u jrid jikseb post mat-tim nazzjonali Franċiż għall-Kampjonat Ewropew. Issemma ħafna Depay, plejer ieħor li l-klabb tiegħu ma jridx ibigħ għalkemm il-fatt li għandu kuntratt li jiskadi f’Ġunju jaf iwassal biex O.Lyon jibdlu fehmthom. Ovvjament lesti jibdlu fehmthom biss quddiem offerta tajba (li bħalissa Juventus ma jistgħux u lanqas iridu jressqu). Hemm imbagħad l-isemijiet li l-inqas qed jogħġbu lis-supporters: Llorente, Pellè u Pavoletti. Pellè nafu li qiegħed bla klabb u allura hu l-iktar wieħed faċli li jinkiseb. Llorente, mill-banda l-oħra, x’aktarx mhux se jitħalla jitlaq minn Napoli qabel is-Super Cup (tard wisq għal Juventus!). Imbagħad hemm Pavoletti li jista’ jinkiseb bi tpartit ma’ xi plejer jew plejers li hemm fi ħdan it-tim Juventin. Dawn huma wħud mill-ismijiet li qed isiru s’issa. Nifhmu li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se joħorġu ismijiet, li hi ħaġa normali f’sitwazzjonijiet bħal dawn għax żgur li Paratici se jikkunsidra diversi plejers qabel jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Nittamaw li dan l-imbierek raba’ attakkant ma jdumx ma jasal għal bħalissa Pirlo verament għandu bżonn sostitut għal Ronaldo/Morata/Dybala.

Matthew Scerri

Milan-Juventus. Ħarsa lejn il-konfronti tal-passat

Juventus u Milan iltaqgħu kontra xulxin f’konfronti diretti 233 darba fil-passat. Minn dawn Juventus rebħu 91, kien hemm 75 draw u 67 rebħa għal Milan. Jekk inħarsu biss lejn il-konfronti tas-Serie A, insibu 170 partita, b’66 rebħa għal Juventus, 54 draw u 50 rebħa għar-Rossoneri. Il-partiti tas-Serie A f’San Siro jammontaw għal 85. Hawn Milan rebħu iktar minn Juventus (29 rebħa għal Milan kontra t-23 rebħa ta’ Juventus, b’33 konfront jintemm fi skor ta’ draw). L-aktar plejer Juventin li lagħab f’dal-konfronti hu Buffon (14-il darba), filwaqt li dak li skurja l-aktar hu Bettega (5 gowls). F’Lulju li għadda Milan kienu għelbu lil Juventus 4-2 wara li kienu żewġ gowls minn taħt.

Matthew Scerri

Giroud jindika li mhux se jitlaq lil Chelsea

Intervistat minn Dauphiné Libéré, Olivier Giroud tkellem dwar il-futur tiegħu. Hu sostna li l-objettiv tiegħu personali hu li jikseb post mat-tim nazzjonali Franċiż għall-Kampjonat Ewropew tas-sajf. Għall-mistoqsija dwar fejn jara lilu nnifsu fil-futur, Giroud wieġeb: “Fil-futur qarib narani ma’ Chelsea.”

Matthew Scerri