Wasal fi tmiemu l-iżolament ‘fiduciario’ fil-JHotel

L-iżolament ‘fiduciario’ tal-plejers u l-istaff ta’ Juventus fil-JHotel wasal fi tmiemu wara li saru żewġ serje ta’ swab tests fl-aħħar jumejn li taw riżultati negattivi. L-ASL ta’ Turin tat il-permess lill-plejers u l-membri tal-istaff biex jitilqu mill-JHotel u jmorru jkomplu l-iżolament fid-djar tagħhom. Huma se jkunu xorta waħda jistgħu joħorġu biex imorru għat-training fil-jiem li ġejjin.

Matthew Scerri

Genoa għad għandhom 17-il plejer pożittiv

Genoa ħabbru li s-17-il plejer tagħhom għadhom pożittivi għall-Covid-19. Għaxra minn dawn is-sbatax-il plejer diġa’ sarulhom żewġ swab tests u r-riżultat kien dejjem pożittiv.

Matthew Scerri

Id-Direttur tal-ASL ta’ Turin: “Juventus imxew b’mod eżemplari”

Illum reġa’ kien hemm ħafna għidut dwar il-plejers ta’ Juventus li ma baqgħux fl-iżolament ‘fiduciario’ tagħhom. L-aħbar tpinġiet, minn min kellu kull interess li jħammeġ lil Juventus, qishom Juventus ma mxewx mar-regolamenti, daqslikieku kienu t-tim ta’ Napoli. Il-verità hi li Juventus għarrfu lill-ASL ta’ Turin li xi plejers kienu se joħorġu mill-iżolament sabiex jingħaqdu mat-timijiet nazzjonali. Il-plejers inkwistjoni huma Bentacur, Cuadrado, Danilo, Dybala u Ronaldo. Magħhom żdiedu anki Buffon u Demiral li marru d-dar tagħhom. Malli Juventus infurmaw lill-ASL dwar dan, l-ASL mill-ewwel għarrfet lill-Procura ta’ Turin kif kien fid-dmir tagħha. Id-Direttur tal-ASL stqarr illum li l-imġiba ta’ Juventus kienet eżemplari u li issa l-Procura trid tistabilixxi jekk il-plejers imsemmija wettqux reat minħabba li ma stennewx iż-żewġ swab tests ta’ dawn il-jiem qabel setgħu jinħallu mill-iżolament. Tajjeb ngħidu li jekk jinstabu ħatja, il-plejers jistgħu jeħlu multa ta’ 400 Euro kull wieħed.

Matthew Scerri

Juventus-Napoli. Se jsir kollox a la Taljana!

Kmieni l-ġimgħa d-dieħla mistennija toħroġ is-sentenza dwar Juventus-Napoli. Kollox jindika li l-FIGC, fuq pressjoni anki tal-Gvern, se tkun qed issib ħatja lil Napoli biss li kisru l-protokoll meta ma ħolqux il-bubble wara li nstab Zielinski pożittiv. Ta’ dan huma se jitnaqqsilhom punt fil-klassifika. Mhux se jkunu ħatja però li ma niżlux għall-partita u għaldaqstant mhux se jkun hemm ebda walkover. Juventus-Napoli se tintlagħab fit-13 ta’ Jannar 2021. Hekk ikun instab is-soltu kumprumess a la Taljana u l-futbol Taljan ikun ġie għal darb’oħra mżeblah quddiem id-dinja kollha. Kif dejjem għidt il-partita kellha titħassar mill-ewwel. La darba ma tħassritx u tfassal regolament, la darba għal darbtejn il-Lega fliet id-dokumenti ta’ Napoli u ordnat li l-partita kellha tintlagħab xorta waħda, allura ma dal-kumprumess tassew ma jagħmilx sens!

Matthew Scerri

Possibbiltà konkreta ta’ Play-Offs għas-Serie A

Jeżisti ċans kbir li l-kampjonat dis-sena jkollu jibdel il-format tiegħu f’każ ta’ waqfa oħra minħabba l-pandemija. Fil-fatt il-Lega Calcio u l-FIGC tkellmu mal-Ministru Spadafora fil-jiem li għaddew dwar il-possibbiltà li jkun hemm play-offs sabiex ikun determinat ir-rebbieħ tas-Serie A dis-sena. Il-bidla se tidħol eventwalment fis-seħħ jekk ikun hemm lockdown ieħor jew l-kampjonat ikollu jieqad għal xi żmien. Nafu li fl-2021 se jkun hemm il-Kampjonat Ewropew għan-Nazzjonijiet u allura mhuwiex possibbli li bħas-sena li għaddiet il-kampjonat jibqa’ għaddej fis-sajf. L-idea hi li jkun hemm Final Eight stil taċ-Champions League dis-sena, b’sistema imma li tagħti ftit tal-vantaġġ lit-timijiet li jkunu spiċċaw fl-ewwe;l erba’ postijiet.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (7 ta’ Ottubru 2020)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum is-7 ta’ Ottubru 2020.

Bħal-lum fil-passat (7 ta’ Ottubru)

Lura għall-passat meta proprju bħal-lum fl-1962 Juventus għelbu f’darhom lil Bologna bl-iskor ta’ 3-1.

L-Imħallef tal-Isports jeħtieġ iktar żmien qabel jaqta’ s- sentenza dwar Juventus-Napoli

Ir-riżultat ta’ Juventus-Napoli għadu u se jibqa’ sub iudice għalissa hekk kif l-Imħallef tal-Isports jeħtieġ aktar żmien biex jifli l-każ qabel joħroġ is-sentenza tiegħu. Fi kliem ieħor s’issa għad m’hemm l-ebda deċiżjoni min-naħa tiegħu.

Matthew Scerri

Arthur hu t-tieni l-aktar plejer li sewa flus fl-Ewropa

Is-sit Fichajes.net ippubblika l-klassifika tal-aktar ħames trasferimenti li swew flus das-sajf fl-Ewropa. Fl-ewwel post insibu lil Kai Havertz li Chelsea xtraw għal 80 miljun. Warajh hemm l-akkwist ta’ Juventus, Arthur, li sewa 72 miljun. Fit-tielet post Osimen ta’ Napoli (70 miljun), li kien jiswa ftit iktar minn Ruben Dias (Manchester City ħallsu 68 miljun għalih). Fil-ħames post, imbagħad, hemm l-akkwist ta’ Pjanic għal 60 miljun Ewro min-naħa ta’ Barcellona.

Matthew Scerri

Il-plejers Bianconeri qed jistennew ir-riżultati tal-iswab tests qabel jingħaqdu mat-timijiet nazzjonali

Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet ippubblikati mill-Gazzetta dello Sport, Bonucci u Chiellini għadhom fil-JHotel u mhux se jmorru Coverciano mat-tim nazzjonali Taljan qabel joħroġ ir-riżultati tal-iswab tests li sarilhom mill-ġdid. Għada se jkun hemm swab tests oħra u jekk kollox ikun negattiv, Juventus ikunu jistgħu jwaqqfu l-iżolament ‘fiduciario’ tagħhom wara li s-Sibt nstabu żewġ ħaddiema pożittivi. Il-plejers Bianconeri l-oħra li huma mgħajta mat-timijiet nazzjonali tagħhom, illum ingħataw il-permess li jitilqu mill-JHotel u jmorru fid-djar tagħhom. Jekk l-iswab test tagħhom ikun negattiv, allura l-awtoritajiet se jkunu jistgħu joħorġulhom il-permessi biex imorru mat-timijiet nazzjonali rispettivi.

Matthew Scerri