Id-dati u ħinijiet tal-ewwel erba’ partiti tal-kampjonat

Il-Lega tas-Serie A ħabbret id-dati u l-ħinijiet preċiżi tal-partiti mill-1 sar-4 Ġurnata tal-kampjonat 2020/21. Juventus se jkunu impenjati kif ġej:

L-1 Ġurnata: Juventus-Sampdoria (Il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.)

It-2 Ġurnata: Roma-Juventus (Il-Ħadd 27 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.)

It-3 Ġurnata: Juventus-Napoli (Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2020, 8.45 p.m.)

Ir-4 Ġurnata: Crotone-Juventus (Is-Sibt 17 ta’ Ottubru 2020, 8.45 p.m.)

Matthew Scerri

Xejn ġdid dwar Higuain u Khedira

Għaddiet ġurnata oħra u għad ma kellna ebda aħbar ċerta dwar it-tluq ta’ Higuain. Pirlo u ħu Higuain għamluha uffiċjali li l-Pipita se jitlaq lil Juventus, biss s’issa l-kuntratt tiegħu għadu ma ġiex annullat. Ilna nisimgħu li Higuain għandu ftehim ma’ Inter Miami. Issa llum kien hemm l-għidut li anki DC United ressqu offerta lil Higuain. Ħafna għidut, iż-żmien għaddej, u xejn uffiċjali mhu jseħħ.

L-istess jgħodd anki għal Khedira. F’dal-każ, fil-verità, Pirlo kien iddikjara li kull deċiżjoni dwar il-futur ta’ Khedira se tittieħed wara li jkun daħal lura mill-injury. Fi kliem ieħor lanqas hu ċert li se jitlaq lil Juventus. Minn dak li nafu, hemm interess minn xi klabbs biss ebda offerta konkreta.

Nittamaw li dawn is-sitwazzjonijiet jissolvew malajr għall-ġid ta’ Juventus!

Matthew Scerri

Ftehim Juventus-Atalanta għal Romero

It-trasferiment ta’ Romero ma’ Atalanta hu prattikament maqbul u skont Di Marzio l-klabbs jinsabu fil-fażi li jgħaddu lil xulxin id-dokumenti tat-trasferiment. Romero se jingħaqad ma’ Atalanta b’self għal sentejn.  Fl-2022 Atalanta jkollhom id-dritt, li jsir obbligu taħt ċerta kundizzjonijiet, li jixtru lil Romero għal kollox għal somma bejn 23 u 25 miljun Ewro.

Matthew Scerri

Marchisio se jsir kummentatur tal-partiti tat-tim nazzjonali

Claudio Marchisio se jkun qed jibda esperjenza ġdida. Fil-fatt hu se jkun wieħed mill-kummentaturi ta’ Rai fl-okkażjoni tal-partita bejn l-Italja u l-Bosnija.

Matthew Scerri

Pirlo jitkellem dwar akkwisti ġodda

F’intervista mogħti lil Juventus Tv, Andrea Pirlo sostna li t-triq hi twila. It-tim beda jaħdem u, minkejja li sar ħafna xogħol, xorta waħda għad fadal wisq xi jsir. Dan l-għaliex hemm plejers li jinsabu impenjati mat-timijiet nazzjonali. Barra minn hekk hemm “oħrajn li għad iridu jingħaqdu mat-tim biex isaħħu l-iskwadra.” Fi kliem ieħor Pirlo wera biċ-ċar li Juventus minn hawn sal-5 ta’ Ottubru se jkunu qed jagħmlu diversi akkwisti. Interessanti li f’kull intervista jew intervent pubbliku, Pirlo qiegħed dejjem jindika li se jkun akkwisti oħra, kważi qisu jħoss il-ħtieġa ta’ plejers ġodda fit-tim Juventin.

Mathew Scerri

Olivieri se jkun misluf lil Empoli

Gianluca Di Marzio ta l-aħbar li Empoli laħqu ftehim ma’ Juventus biex jiksbu b’self lil Olivieri. L-attakkant ta’ 21 sena, li kellu wirjiet tajba fl-aħħar partiti tal-era Sarri, se jkun qed jibda esperjenza ġdida fejn se jkun jista’ jilgħab regolari u jikseb l-esperjenza meħtieġa biex xi darba jkun jista’ jirritorna ma’ Juventus. Il-ftehim ma’ Empoli hu biss fuq bażi ta’ self mingħajr ebda dritt jew obbligu għal Empoli li jixtruh għal kollox.

Matthew Scerri

Suarez diġà tkellem ma’ Chiellini u Bentancur

Allegatament fl-aħħar jumejn Luis Suarez għamel xi telefonati lil plejers ta’ Juventus. Skont La Gazzetta dello Sport, l-ewwel telefonata saret lil Chiellini li kien vittma ta’ gidma min-naħa ta’ Suarez fit-Tazza tad-Dinja tal-2014. Tajjeb ngħidu li t-tnejn li huma kienu diġà ċċaraw dak l-episodju bejniethom jumejn wara l-gidma. Issa Suarez ried ikun ċert li Chiellini kien nesa l-episodju u li m’għandux problemi li jkunu fl-istess tim. It-tieni telefonata li allegatament saret, did-darba skont IlBianconero.com, rat lil Suarez jitkellem ma’ Bentancur. It-tnejn li huma jilagħbu flimkien fit-tim nazzjonali u jidher li Suarez xtaqt isir jaf ‘minn ġewwa’ lit-tim Juventin.

Matthew Scerri

Filmat: Messaġġ minn Arthur mill-Allianz Stadium

https://www.facebook.com/Juventus/posts/4014012538625945

Injury għal Ronaldo

Cristiano Ronaldo jaf ikollu jitlef il-partita tal-Portugall kontra l-Kroazja. Hu mhux qed jittrenja minħabba infezzjoni f’suba’ ta’ saqajh. S’issa m’hemmx rapporti li għandu injury gravi, biss ma ninsewx li s-Serie A se tibda ħmistax oħra u Juventus diġà għandhom barra lil Dybala.

Matthew Scerri

Dejjem iktar probabbli s-self ta’ Romero ma’ Atalanta

Juventus u Atalanta resqin lejn ftehim għat-trasferiment ta’ Romero mat-tim ta’ Gasperini. Il-partijiet jidhru li qed jaqblu li Romero jkun misluf lil Atalanta, bil-klabb minn Bergamo jkollu l-obbligu li jixtrih għal kollox aktar ‘il quddiem għal valur komplessiv ta’ 25 miljun.

Matthew Scerri