Douglas Costa misluf lil Bayern Munich. Juventus lesti jieħdu lil Chiesa

B’sorpriża Juventus laħqu ftehim sabiex Douglas Costa jingħaqad b’self ma’ Bayern Munich. Il-Brażiljan se jkun qed jirritorna mal-eks tim tiegħu u hekk issa Juventus jistgħu jiffinalizzaw ma’ Fiorentina l-akkwist ta’ Federico Chiesa.

Matthew Scerri

Kean lejn self ma’ PSG

Moise Kean mistenni jingħaqad b’self ma’ PSG. Everton jidhru li aċċettaw l-istess proposta li kienu ressqu Juventus, imma filwaqt li fil-każ tal-Bianconeri r-risposta kienet le, issa l-Ingliżi qalu iva lil PSG.

Matthew Scerri

Juventus jinsabu fl-Allianz Stadium

Juventus qed jonoraw l-istruzzjonijiet tal-Lega Calcio u jinsabu fl-Allianz Stadium għall-partita kontra Napoli. Nafu li l-partita mhix se tintlagħab għas-sempliċi raġuni li Napoli ma marrux Turin.

Tħabbar li Juventus se jilagħbu b’dawn il-plejers: Szczesny; Danilo, Bonucci, Chiellini; Cuadrado, Arthur, Bentancur, Kulusevski; Ramsey; Ronaldo, Dybala.

Infakkru li Juventus għandhom l-obbligu li jinżlu fil-grawnd għax inkella l-Lega Calcio u l-FIGC jieħdu passi kontrihom ukoll.

Matthew Scerri

Ir-riżultati tal-partiti tat-3 Ġurnata tas-Serie A

Il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru 2020, 8.45 p.m.

Fiorentina-Sampdoria 1-2

Is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2020, 3.00 p.m.

Sassuolo-Crotone 4-1

Is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2020, 6.00 p.m.

Genoa-Torino 1-2

Is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2020, 8.45 p.m.

Udinese-Roma 0-1

Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2020, 12.30 p.m.

Atalanta-Cagliari 5-2

Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2020, 3.00 p.m.

Benevento-Bologna 1-0

Lazio-Inter 1-1

Parma-Verona 1-0

Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2020, 6.00 p.m.

Milan-Spezia 3-0

L-Erbgħa 7 ta’ April 2021, 6.45 p.m.

Juventus-Napoli 2-1

Matthew Scerri

Ma nistgħux nagħlqu għajnejna!

Kulma nqala’ fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa hu tassew inkredibbli u onestament farsesk. F’sitwazzjonijiet bħal dawn hu normali li kulħadd ikollu opinjoni personali u xi ftit jew wisq ikun hemm diversi interpretazzjonijiet fi ħdan l-istess grupp ta’ supporters. Se nipprova nagħti l-opinjoni tiegħi, li naf li x’aktarx mhux se ssib wisq minnkom li taqblu magħha.

Nibda bielli ntenni dak li ili ġimgħa ngħid: Juventus-Napoli kellha titħassar minħabba r-riskju marbut mal-Covid-19. Fil-fehma tiegħi ma rridux naraw biss iż-żewġ plejers ta’ Napoli li s’issa nstabu pożittivi. L-istampa hi ferm usa’ minn hekk: it-tnejn ta’ Napoli ġew infettati kważi żgur għax ġew f’kuntatt mal-plejers ta’ Genoa (infakkar hemm 22 każ!). Il-biża’ tiegħi dejjem kienet li l-plejers ta’ Napoli setgħu jgħaddu l-virus lill-plejers Juventini u hekk konna nispiċċaw bi tliet timijiet infettati. Nemmen li l-prudenza kienet titlob li Juventus-Napoli titħassar fil-bidu tal-ġimgħa meta kien evidenti li l-każijiet ta’ Genoa ma kinux contained u allura l-imxija tal-virus kienet qed isseħħ b’ritmu mgħaġġel. Nemmen li kieku fil-bidu tal-ġimgħa l-plejers ta’ Napoli twaqqfu milli jittrenjaw, is-sitwazzjoni kienet tkun contained u l-ġimgħa d-dieħla kienu jistghu jirritornaw għat-training u għal-logħob. Ma naħsibx li kellna nagħlqu għajnejna quddiem il-gravità tal-każ ta’ Genoa!

It-tieni punt hu dwar ir-regolamenti li ġew deċiżi. Jien mill-ewwel kont għidt li ma naqbilx magħhom għax il-Covid għallimna li mhumiex tant in-numri in sé li huma inkwetanti, imma kemm is-sitwazzjoni hi contained jew le. Tim jista’ jkollu tlettax-il plejer jew iktar tajbin biex jilagħbu, imma ma jfissirx li dawk il-plejers ma ħadux il-virus mingħand sħabhom. Nafu li t-test jaqbad il-virus biss f’ċertu stadju, u allura għall-fini ta’ prudenza naħseb li kien ikun aħjar li kull sitwazzjoni kienet tkun miflija minn bord ta’ nies esperti tas-settur u nies oħra li m’għandhom ebda rkonnessjoni mal-klabbs tas-Serie A sabiex huma, grazzi għall-għerf tagħhom, jistabilixxu jekk partita tistax tintlagħab jew le mingħajr riskji żejda għall-plejers.

L-aħħar punt, u dan hu wieħed li spiss nagħmel, hu li l-futbol Taljan ma jistax jibqa’ jaqa’ għar-ridikolu quddiem id-dinja kollha b’dal mod. Stupida kemm hi stupida r-regola li ħarġet dil-ġimgħa, irridu nfakkru li din ġiet maqbula mill-Presidenti tas-Serie A. Ir-regoli jsiru biex jiġu segwiti u rispettati. Din l-idea li nies bħal De Laurentis u Lotito mingħalihom jistgħu jagħmlu li jridu trid tinqata’. Il-Lega Calcio u l-FIGC qegħdin hemm biex jagħmlu l-ġid komuni, mhux biss biex iħarsu l-interessi ta’ xi klabbs fuq dawk tal-oħrajn. Jekk verament l-ASL waqqfet li Napoli milli jmorru Turin, kien ikun biżżejjed li jintbagħat id-dokument konċernat lil-Lega u l-partita żgur kienet titħassar. La ma tħassritx sintendi li Napoli ma kellhomx f’idejhom xejn x’juru. Issa minn x’imkien tfaqqas xi ittra żgur u l-Karnival jerġa’ jibda!

Matthew Scerri

Rebħa walkover għal Juventus u punt imnaqqas għal Napoli

Juventus-Napoli llejla mhux se tintlagħab minħabba li Napoli ma marrux Turin għall-partita. Dan ifisser li se jittieħdu passi dixxiplinari fil-konfront ta’ Napoli. Juventus se jingħataw rebħa walkover ta’ 3-0, filwaqt li Napoli x’aktar jitnaqqsilhom punt fil-klassifika.

Matthew Scerri

U issa tibda l-battalja legali

It-teatrin ta’ Juventus-Napoli mhux se jkollu tmiem malajr daqskemm ħafna qed ibassru. Irridu nippreparaw ruħna għax ġejja battalja legali twila u li minnha ċertament se joħroġ tellief il-futbol Taljan (li biex ngħidu kollox diġà twaqqa’ għaż-żuffjett bil-farsa tal-aħħar erba’ u għoxrin siegħa). Il-kwisjtoni kollha se tkun marbuta ma’ kemm Napoli se jirnexxilhom jippruvaw li l-awtoritajiet lokali ordnawlhom li ma jmorrux Turin. Online hemm ittra maħruġa mill-ASL fejn hu speċifikat li l-plejers ta’ Napoli għandhom jitqiesu ‘contatti stretti’ u jridu jitpoġġew taħt kwarantina minħabba kwistjoni marbuta mas-saħħa pubblika. L-ASL qed tirrimarka li l-plejers żgur kien se jkollhom kuntatt ma’ terzi persuni fil-vjaġġ tagħhom bir-riskju li l-virus ikompli jinfirex. Dad-dokument, dejjem jekk hu awtentiku, jista’ jagħti l-bażi legali biex Napoli jirbħu l-appell kontra d-deċiżjoni probabbli li Juventus jingħataw rebħa walkover ta’ 3-0.

Matthew Scerri

Il-Lega ttenni: “Juventus-Napoli trid tintlagħab illejla”

Il-Lega Calcio ħareġ stqarrija oħra b’rabta mat-talba ta’ Napoli biex il-partita tal-lejla tkun posposta. Skont il-Lega, id-dokumenti li għaddewlhom Napoli ma jippruvawx li l-awtoritajiet lokali jew nazzjonali ordnawlhom biex ma jmorrux Turin jilagħbu l-partita. Skont il-Lega fid-dokumenti li ġew mgħoddija lilha, l-awtoritajiet tar-reġjun tal-Campania ordnaw li jkunu taħt kwarantina l-‘contatti stretti’ ta’ Zielinski u Elmas (biex niftehmu dawk il-kuntatti huma l-qraba u mhxu il-plejers l-oħra tat-tim skont ma kien ġiet stipulat mill-Kumitat Tekniku-Xjentifiku u l-Ministeru tas-Saħħa). Fl-istqarrija tal-Lega naqraw li r-regoli jridu jiġu rispetti minħabba kwistjoni ta’ lealtà sportiva u anki sabiex kulħadd ikun ittrattat bl-istess mod. Issemmew il-każijiet ta’ plejers pożittivi f’timijiet oħra, liema timijiet xorta niżlu għal-logħob. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, Juventus-Napoli trid tintlagħab illejla.

Matthew Scerri

De Sciglio misluf lil O.Lyon

Mattia De Sciglio wasal biex isellem lil Juventus. Fil-fatt Calciomercato.com qed jirrapurtaw li De Sciglio lest jaċċetta trasferiment b’self ma’ O. Lyon għal sena.

Matthew Scerri

Il-plejers mgħajta minn Pirlo għal Juventus-Napoli

Il-plejers Juventini mgħajta għall-partita kontra Napoli huma:

Gowlers: Szczesny, Pinsoglio, Buffon.

Difensuri: De Sciglio, Chiellini, Danilo, Cuadrado, Bonucci, Demiral, Frabotta

Plejers ta’ nofs il-grawnd: Arthur, Ramsey, McKennie, Bentancur, Portanova, Nicolussi Caviglia, Kulusevski

Attakkanti: Ronaldo, Morata, Dybala, Douglas Costa, Vrioni

Matthew Scerri