L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (4 ta’ Ottubru 2020)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum l-4 ta’ Ottubru 2020.

Uffiċjali: Rugani b’self ma’ Rennes

Juventus ħabbru li Daniele Rugani ngħaqad b’self mat-tim Franċiż ta’ Rennes. Rugani ħalla lil Juventus wara ħames snin, b’ħames scudetti mirbuħa, tliet Coppa Italia u żewġ Super Cups tal-Italja.

Matthew Scerri

Rugani jsellem lis-supporters: “Grat lejn Juventus”

https://www.instagram.com/p/CF5I7fjKV61/?utm_source=ig_web_copy_link

Uffiċjali: Juventus xtraw lil Mandragora

Rolando Mandragora hu mill-ġdid plejer ta’ Juventus. Il-Bianconeri xtrawh mingħand Udinese għal 10.7 miljun Ewro, liema somma se titħallas f’sentejn. Hemm anki 6 miljun oħra f’bonuses. Mandragora ffirma kuntratt ma’ Juventus sal-2025 u se jibqa’ b’self ma’ Udinese għal dis-sena. Barra minn hekk, jekk iridu, Udinese se jkunu jistgħu jżommuh b’self magħhom anki fl-istaġun 2021/2022.

Matthew Scerri

Rebħa Walkover?

Ir-regolamenti huma ċari u kienu maqbula dil-ġimgħa stess waqt laqgħa tal-Lega Calcio: il-partiti ma jistgħux jitħassru sakemm tim ikollu tlettax-il plejer li jistgħu jinżlu fil-grawnd. Kull tim għandu d-dritt li darba fis-sena jitlob li partita titħassar jekk ikollu minn tal-inqas għaxar plejer bil-Covid. Ir-regolamenti jgħidu ukoll li dar-regoli ma jgħoddux biss jekk ikun hemm ordni min-naħa ta’ awtoritajiet lokali jew nazzjonali biex partita ma tintlagħabx.

Minn dak li nafu s’issa, Napoli għandhom biss żewġ plejers pożittivi u l-ebda awtorità ma ħarġet ordni biex it-tim ma jmurx Turin għall-partita tal-lejla. Il-Lega Calcio kkonfermat li l-partita se tintlagħab b’mod regolari. Fi kliem ieħor jekk Napoli llejla ma jkunu Turin għall-partita, huma se jkunu qed jingħataw telfa walkover ta’ 3-0.

Matthew Scerri

Ħadd ma jidher li ordna li Napoli ma jmorrux Turin!

L-aġenzija tal-aħbarijiet Ansa żvelat b’mod esklussiv li rat kopja tad-dokumenti li l-ASL ta’ Napli (jiġifieri l-awtorità tas-saħħa lokali) għaddiet lit-tim ta’ Napoli. Fid-dokument ma hemm l-ebda ordni biex il-plejers ta’ Napoli ma jmorrux Turin u jibqgħu minflok kwarantina f’darhom. Fi kliem ieħor Napoli setgħu jivvjaġġaw lejn Turin li kieku riedu. L-uniku ordni tal-ASL jidher li kien li t-tim irid ikun maqtugħ kemm jista’ jkun mill-bqija tan-nies l-oħra. Barra minn hekk irid jerġa’ jsir swab test illum bir-riżultat li joħroġ qabel il-partita.

Matthew Scerri

L-istqarrija tal-Lega Calcio: “Il-partita se tintlagħab”

Il-Lega Calcio kkonfermat permezz ta’ stqarrija uffiċjali li l-partita Juventus-Napoli ma tħassritx. Il-partita għadha se tintlagħab illejla fid-8.45 p.m.

Matthew Scerri

L-istqarrija ta’ Juventus: “Se ninżlu għal-logħba”

Permezz ta’ stqarrija uffiċjali, Juventus ħabbru li huma se jkunu qed jinżlu fil-grawnd għall-partita b’mod normali llejla fid-8.45 p.m.

Matthew Scerri

Napoli ma tħallewx jitilqu lejn Turin!

Hemm ċans kbir li Juventus-Napoli se jkollha titħassar ukoll. L-awtoritajiet tas-saħħa tal-belt ta’ Napli żammew lit-tim Naplitan milli jitlaq lejn Turin. Is-sitwazzjoni bħalissa tidher inċerta ferm u għaddejjin taħdidiet bejn Napoli u l-awtoritajiet biex jifhmu x’se jiġri. Ftit tal-minuti ilu tħabbar li hemm anki żewġ ħaddiema ta’ Juventus (la mhumiex plejers u lanqas parti mill-istaff tekniku jew mediku) li huma pożittivi. It-tim Juventin jinsab f’iżolament. F’dan l-istadju xejn ma jista’ jiġi eskluż. Is-sens komun jgħidlek li l-partita għandha titħassar biex tkun imħarsa s-saħħa ta’ kulħadd. Nifhmu però li hemm interessi oħra qawwija li jistgħu jwasslu, b’xorti ħażina, għal deċiżjoni oħra.

Matthew Scerri