L-aġent ta’ Milik jinsab f’laqgħa ma’ uffiċċjali ta’ Roma

Ftit wara nofsinhar l-aġent ta’ Milik, David Pantak wasal f’Trigoria, il-headquarters ta’ Roma. Hu se jkollu laqgħa ma’ uffiċċjali ta’ Roma biex jiffinalizza l-ftehim tat-trasferiment ta’ Milik mal-klabb tal-kapitali. Probabbli li llum stess insiru nafu jekk kollox marx sew. Bl-akkwist ta’ Milik, Roma jkunu mbagħad jistgħu jħallu lil Dzeko jingħaqad ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Suarez xorta se jagħmel l-eżami llum?

La Gazzetta dello Sport qed tkompli ssostni li Luis Suarez illum se jkun Perugia għall-eżami tat-Taljan b’rabta mat-talba tiegħu għal passaport Taljan. Skonthom hu kellu jittrenja ma’ Barcellona filgħodu u waranofsinhar itir lejn l-Italja. Dan hu x’qed jiktbu huma. Fil-verità s’issa għad ma kellna ebda tip ta’ konferma f’das-sens, għalkemm, biex ngħidu kollox, lanqas hemm ċaħda. Irridu nistennew u naraw.

Matthew Scerri

Juventus huma l-ewwel preferenza ta’ Kean

Moise Kean irid b’saħħa li jirritorna ma’ Juventus biex ikun ir-raba’ attakkant fit-tim ta’ Pirlo. Hu kellu offerti anki mingħand Borussia Dortmund, biss il-preferenza tiegħu hi għal ritorn ma’ Juventus. Everton jidhru lesti li jneħħuh. Juventus qed jitkellmu magħhom sabiex isibu ftehim għal dat-trasferiment. X’aktarx se jseħħ fuq bażi ta’ self bl-obbligu għal Juventus li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri

Tlieta mistennija jħallu lil Juventus

Skont Calciomercato.com hemm tliet plejers li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed iħallu lil Juventus. L-ewwel wieħed hu Khedira. Għalkemm s’issa għadu ma nstabx ftehim biex ikun itterminat il-kuntratt tiegħu, jidher li hemm indikazzjonijiet li finalment il-partijiet jistgħu jilħqu ftehim bejniethom. Imbagħad hemm De Sciglio u Pjaca. Il-full-back Taljan hu qrib li jingħaqad ma’ Roma, filwaqt li Pjaca għandu offerti minn diversi klabbs tas-Serie A.

Matthew Scerri

Illum jista’ jkun hemm żviluppi dwar l-akkwist ta’ Dzeko

Illum mistennija żviluppi dwar Dzeko hekk kif Milik se jkun qed jagħti risposta lil Roma. F’każ li Milik verament jaċċetta li jingħaqad ma’ Roma, allura jkun probabbli ferm li Dzeko jiffirma għal Juventus. Il-ftehim bejn Juventus, Roma u Dzeko ilu li nstab. Jonqos biss li Milik jaċċetta l-offerta ta’ Roma u hekk Dzeko jkun jista’ jsir plejer ta’ Juventus.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (17 ta’ Settembru 2020)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum is-17 ta’ Settembru 2020.

Karsdorp iwaqqaf għalissa t-trasferiment ta’ De Sciglio ma’ Roma

It-trasferiment ta’ Mattia De Sciglio ma’ Roma bħalissa jinsab wieqaf. Juventus u Roma kienu mexjin sew fit-taħdidiet tagħhom. Madankollu kollox kellu jieqaf minħabba li Karsdorp għadu ma jridx jaf li jaċċetta li jingħaqad ma’ Genoa. Fil-fatt Roma se jieħdu lil De Sciglio biss bil-kundizzjoni li Karsdorp jitlaqhom. Roma se jkomplu jippruvaw jikkonvinċu lil Karsdorp u jekk jirnexxilhom, suppost m’għandhom ikollhom diffikultà jsibu ftehim ma’ Juventus għal De Sciglio.

Matthew Scerri

L-aġent ta’ Milik jinsab Ruma

Arek Milik illum ma ttrenjax ma’ Napoli. L-aġent tiegħu, David Pantak, jinsab fil-belt kapitali għal laqgħa ma’ Roma. Il-ftehim jidher fil-qrib ħafna. Milik se jkun qed jingħata paga ta’ 5 miljun, filwaqt li Napoli se jdaħħlu komplessivament 25 miljun (3 miljuni għas-self, bl-obbligu li Roma jixtruh għal 15-il miljun, flimkien ma’ 7 miljuni oħra f’bonuses).

Matthew Scerri

El Shaarawy ukoll fil-lista ta’ kandidati għall-attakkant il-ġdid ta’ Juventus

Is-sensiela ta’ attakkanti msemmija ma’ Juventus issa għandha isem ġdid: Stephan El Shaarawy. Ħafna qed ibassru li hu wasal biex jitlaq mill-kampjonat Ċiniż biex jirritorna fis-Serie A. Juventus qed ikunu indikatai bħala l-favoriti li jiksbuh, għalkemm mhuwiex eskluż lanqas ritorn ma’ Milan jew Roma.

Matthew Scerri

Giroud jista’ jkun l-attakkant il-ġdid ta’ Juventus wara l-problemi biex jinkisbu Suarez u Dzeko

Dak kollu li qed jiġri f’dawn is-sigħat hu tassew inkredibbli. Juventus jidhru li ddeċidew li ma jiffirmawx lil Suarez minħabba li l-passaport tiegħu se jdum ma jinħareġ. It-trasferiment ta’ Dzeko mill-banda l-oħra jinsab  imwaqqaf peress li Milik għandu ma jridx jaċċetta li jingħaqad ma’ Roma. Nafu li Roma mhux se jitilqu minn idejhom lil Dzeko qabel Milik ikun iffirma magħhom. Skont Sky f’dan l-istadju l-pożizzjoni ta’ Juventus hi ċara: jekk bejn illum u għada ma jkunx hemm żviluppi, allura se jmorru għal Giroud.

Matthew Scerri