Sassuolo mhux ippreparati biex jiftħu l-Mapei Stadium għan-nies

Ħarġu iktar dettalji dwar il-permess mogħti mill-awtoritajiet tar-reġjun tal-Emilia Romagna biex 1000 supporters jitħalla jidħol fl-istadiums. L-awtoritajiet talbu lill-klabbs konċernati biex jipprovdu dokument bil-protokoll li se jintuża. Sassuolo, imma, għarrfu lill-awtoritajiet li huma ma jinsabux lesti biex f’temp tant qasir jipprovdu dan id-dokument. Il-paradoss hu li Juventus ilhom ġimgħat li ħejjew il-protokoll u għaddewh lill-awtoritajiet imma qatt ma ngħataw il-permessi meħtieġa. Klabbs oħra, mill-banda l-oħra, ma ħadmux biex jiftħu l-istadium imma spiċċaw kisbu l-permessi li lanqas biss talbu.

Matthew Scerri

Waqfa kemxejn twila għal Alex Sandro?

Illum mistennija joħorġu r-riżultati tat-testijiet li t-tobba ta’ Juventus se jagħmlu b’rabta mal-injury muskolari ta’ Alex Sandro. Bosta siti u gazzetti qed ibassru li se jkollu jibqa’ barra bejn tliet ġimgħat u xahar.

Matthew Scerri

Pjaca misluf lil Genoa

Marko Pjaca lbieraħ waranofsinhar mar Genova fejn beda l-avventura tiegħu ma’ Genoa. Hu ngħaqad magħhom b’self. Juventus se jkunu qed jiffrankaw madwar 3 miljuni b’rabta mal-paga tiegħu. S’issa għadu mhux magħruf jekk Genoa għandhom dritt jew obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri

Juventus reġgħu tkellmu ma’ Raiola dwar Kean

Ilbieraħ Juventus tkellmu ma’ Mino Raiola. Il-partijiet tkellmu dwar Pellegini u Bernardeschi. Allegatament Juventus taw istruzzjonijiet lil Raiola biex ikompli bit-taħdidiet ma’ Everton għat-trasferiment ta’ Kean mal-Bianconeri. It-trasferiment se jkun x’aktarx fuq bażi ta’ self, għal liema self Juventus se jħallsu somma flus. Is-sena d-dieħla, jew iktar probabbli ta’ wara, Juventus ikollhom l-obbligu li jixtruh għal kollox. Il-valur kumplessiv tat-trasferiment se jaqbeż il-25 miljun.

Matthew Scerri

Stadiums miftuħin għall-pubbliku fl-Emilia Romagna

L-awtoritajiet tar-reġjun tal-Emilia Romagna ddeċidew li mil-lum l-istadiums jistgħu jiftħu l-bibien għall-pubbliku. Fl-istadiums ta’ dar-reġjun se jkunu jistgħu jilqgħu sa massimu ta’ 1000 supporter li jridu jsegwu regoli preċiżi sabiex ikun evitat kull tip ta’ riskju ta’ tixrid tal-Covid-19. Fi kliem ieħor elf supporter se jkunu jistgħu jassistu għal Parma-Napoli u Sassuolo-Cagliari.

Hu tassew sabiħ li s-supporters se jerġgħu jibdew deħlin fl-istadiums. Ħasra imma li l-go-ahead wasal biss ilbieraħ u allura l-klabbs jaf ma fadlilhomx iż-żmien jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ. Barra minn hekk ninsabu rrabbjati li talba simili min-naħa ta’ Juventus ma ntlaqgħetx mill-Gvernatur tal-Piemonte. Juventus kienu ħejjew protokoll dettaljat ferm imma ma ngħatawx permess. Issa l-permess ħareġ għall-ħaddieħor li sa fejn nafu aħna ma kienx ħejja bl-istess mod. Ta’ min jgħid ukoll li ċ-CEO tal-Lega tas-Serie A, De Siervo sostna lbieraħ li din hi sitwazzjoni paradossali għax f’Lulju ngħata lill-Gvern Taljan dokument ta’ 300 paġna bil-protokoll u risk assessment għal kull stadium. S’issa l-awtoritajiet kienu prudenti, kif inhu xieraq, imma mhux sew li issa r-regoli se jibdew ikunu differenti f’kull reġjun. Ir-regoli għandhom ikun għal kulħadd l-istess!

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (19 ta’ Settembru 2020)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum id-19 ta’ Settembru 2020.

Dzeko għada se jkun impenjat ma’ Roma

Edin Dzeko għada se jkun mat-tim ta’ Roma għall-partita kontra Verona. Fonseca stess ħabbar dan aktar kmieni llum. Wara l-partita, probabbli l-Ħadd jew it-Tnejn, Dzeko se jkun qed imur Turin biex jagħmel it-testijiet mediċi ma’ Juventus u jiffirma l-kuntratt.

Matthew Scerri

Manchester United interessati f’Khedira

Xaqq ta’ tama għal Juventus li  tinstab soluzzjoni dwar Sami Khedira. Fil-fatt The Sun qed tirraporta li Manchester United huma interessati li jiffirmawh. Konvinti li din tista’ tkun soluzzjoni li togħġob lil Khedira u twasslu biex isib ftehim ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Injury muskolari għal Alex Sandro

Jumejn qabel l-ewwel partita tal-kampjonat, Andrea Pirlo tilef lil Alex Sandro minħabba injury muskolari. Hu fil-fatt kellu jieqaf mit-training illum peress li ħass uġigħ. Jidher li hu injury ta’ tip muskolari. Għada se jsirulu xi testijiet mill-istaff mediku ta’ Juventus.

Matthew Scerri