Wiċċ ġdid fl-istaff tekniku ta’ Allegri?

L-eks captain ta’ Sassuolo, Francesco Magnanelli mistenni jibda jifforma parti mill-istaff tekniku ta’ Massimiliano Allegri. Allegatament kien Allegri stess li offrilu li jibda jaħdem miegħu. Mhux magħruf x’se jkunu l-kompiti ta’ Magnanelli ma’ Juventus. Probabbli li Allegri jridu minħabba l-kwalitajiet ta’ leader barra l-grawnd li hu għandu. Intant, l-istaff tekniku ta’ Juventus fil-jiem li għaddew tilef lil Paolo Bianco li nħatar kowċ ta’ Modena.

Matthew Scerri

Taqtigħa kbira għall-akkwist ta’ Frattesi

Davide Frattesi hu l-plejer tal-mument fis-sens li fuqu bħalissa hemm l-attenzjoni tal-klabbs il-kbar tas-Serie A. Juventus, Inter, Milan u Roma jriduh b’saħħa. Fil-pjanijiet ta’ Juventus, Frattesi għandu jimla l-vojt li se jħalli Rabiot. Nafu li Manna kellu minn tal-inqas tliet laqgħat (ikkonfermati) ma’ Carnevali ta’ Sassuolo għalih. L-aħħar laqgħa saret ilbieraħ stess u jidher li Juventus riedu jkunu ċerti li għad m’hemmx ftehim definittiv bejn Sassuolo u Inter għall-midfielder Taljan. Skont il-gazzetti, Inter huma l-favoriti nett li jixtru lil Frattesi għal 35 miljun Ewro. Skont Carnevali, però, Sassuolo għalissa qed jisimgħu l-offerti ta’ kulħadd u għad m’hemmx tim li jinsab fuq quddiem f’dit-taqtigħa. Dejjem skont Carnevali, Sassuolo lesti jaċċettaw li jkun hemm tpartit ma’ plejers oħra. Hawn irridu nsemmu li allegatament Juventus qed joffru lil Soule’ u flus.

Apparti Juventus u Inter, hemm anki Milan u Roma li jridu lil Frattesi. Il-midfielder Taljan hu prodott tal-youths ta’ Roma u kollox jindika li għad għandhom id-dritt ta’ recompra fuqu (dejjem jekk ikunu għallinqas qed joffru daqs l-aqwa offerta minn klabbs oħra). Imbagħad hemm Milan li f’dawn is-sigħat qed ibigħu lil Tonali għal 80 miljun u allura se jkollhom il-flus biex iressqu offerta aqwa minn dik ta’ Inter.

Nagħlqu billi bħas-soltu nfakkru li Juventus, iktar minn qatt qabel, dis-sena se jkunu qed jinvestu b’mod iktar bil-għalaq u għaldaqstant iktar ma jogħlew l-ewwel minn klabbs oħra, iktar hu probabbli li Juventus ma jirnexxilhomx jiksbuh.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Di Maria jitlaq lil Juventus

Juventus illum sellmu b’mod uffiċjali lil Angel Di Maria li se jitlaq wara li ntemmlu l-kuntratt ta’ sena li ffirma fis-sajf li għadda. Il-kuntratt ta’ Di Maria mhux se jkun imġedded u issa l-istilla Arġentina se tkompli l-karriera tagħha ma’ Benfica jew ma’ xi klabb tal-MLS.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Milik hu kollu kemm hu plejer ta’ Juventus

Juventus ħabbru li xtraw lil Milik għal kollox mingħand O.Marseille. Is-somma li Juventus se jħallsu għalih hi a’ 6.3 miljun Ewro, liema somma se titħallas fi tliet rati. Hemm anki bonus ta’ 1.1 miljun Ewro li Juventus ikollhom iħallsu jekk jintlaħqu ċerti miri f’dan l-istaġun.

Matthew Scerri

Jibdew jaqgħu l-akkużi!

Il-Procura ta’ Turin talbet li jkunu arkivjati l-akkużi fil-konfront ta’ Juventus li nħarġru invoices foloz b’rabta mal-hekk imsejħa plusvalenze fittizji. Prattikament intalab li wieħed minn kapiijiet tal-akkuża jaqa’ għal kollox peress li nstab li f’dak li għandu x’jaqsam mal-ftehim ta’ tpartit ta’ plejers bejn Juventus u timijiet oħra, Juventus qatt ma ħarġu invoices foloz u lanqas ħadu vantaġġi f’termini ta’ taxxa. Il-ftehim kien isir biss bil-għan li l-accounts ta’ kull sena jkunu in regola mal-parametri tal-Fair Play Finanzjarju billi jkun hemm dħul li jkun irreġistrat b’mod immedjat fl-accounts ta’ dik is-sena partikulari, filwaqt li l-ħruġ jiġi mqassam fuq iktar minn sena finanzjarja waħda. Il-Procura ta’ Turin irrikonoxxiet li dan mhuwiex reat u li m’hemm xejn irregolari.

Infakkru li l-kawża tal-plusvalenze, li hi magħluqa darba għal dejjem quddiem il-Ġustizzja Sportiva, għadha tibda tinstema fil-Qrati Ċivili. Juventus u l-eks uffiċċjali tagħha huma mixlija b’diversi kapi ta’ akkuża. Wieħed mill-kapijiet tal-akkuża, għaldaqstant waqa, biss il-kawża se tkompli tinstema u l-eks uffiċċjali Juventini jridu jwieġbu għall-kapijiet l-oħra tal-akkuża, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-manovra stipendi u l-istqarrijiet għall-aħbarijiet mhux preċiżi li kienu nħarġu u li allegatament setgħu ingannaw lill-investituri u lis-suq tax-shares.

Matthew Scerri

Milħuq ftehim biex Juventus jixtru lil Milik

Juventus u O. Marseille laħqu ftehim sabiex Milik isir kollu kemm hu plejer ta’ Juventus. Il-Bianconeri se jkunu qed iħallsu 6 miljun Ewro għalih, flimkien ma’ 1 miljun Ewro ieħor f’bonuses. Fis-sajf li għadda l-klabbs kienu qablu li Juventus setgħu jixtruh għal 7 miljuni flimkien ma’ 2 miljuni f’bonuses. Manna u Calvo rnexxilhom jikkonvinċu lil O. Marseille jbigħu lil Milik għal prezz inqas minn dak maqbul sena ilu.

Matthew Scerri

Juventus jistennew li jsiru jafu min se jibqa’

Apparti l-ħidma ta’ Manna biex il-plejers li ġewwa lura mis-self ma’ timijiet oħra, Juventus bħalissa qed jistennew xi risposti mingħand plejers li l-kuntratt tagħhom wasal fi tmiemu. Rabiot, Cuadrado u Milik jinsabu fil-pjanijiet ta’ Juventus, imma l-futur tagħhom ma jiddipendix biss minn Juventus. Il-kuntratti ta’ Rabiot u Cuadrado se jiskadu fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Juventus offrewlhom kuntratt ġdid ta’ sena kull wieħed u issa qed jistennew risposta mingħandhom. It-tnejn li huma għandhom offerti minn klabbs oħra u għaldaqstant mhuwiex mija fil-mija ċert li se jaċċettaw dak li qed joffrulhom Juventus. Milik, mill-banda l-oħra, mar lura ma’ O. Marseille wara li ntemm is-self tiegħu ta’ sena. Milik diġà stqarr pubblikament li jixtieq jibqa’ ma’ Juventus, biss issa rridu naraw x’se tkun id-deċiżjoni tal-klabb Franċiż. O. Marseille ma jridux jisilfuh lil Juventus għal sena oħra u allura Manna offrilhom li Juventus jixtruh għal kollox f’kundizzjonijiet differenti minn dawk maqbula sena ilu.

Ftit tal-jiem oħra u nkunu nafu jekk Rabiot, Cuadrado u Milik humiex se jibqgħu jilbsu l-flokk ta’ Juventus.

Matthew Scerri