Posts

Allegri se jkollu l-ewwel laqgħa mad-diriġenza

Nhar il-Ħamis Massimiliano Allegri se jkun qed jiltaqa’ mad-diriġenza Bianconera sabiex flimkien jibdew ifasslu l-istrateġiji għas-suq tat-trasferimenti. Diversi sorsi qed jagħtu bħala ċerta dil-laqgħa. Ma nafux imma min se jiltaqa’ ma’ Allegri min-naħa ta’ Juventus hekk kif Cherubini u Arrivabene għadhom ma ġewx ikkonfermati fil-karigi tagħhom. Nifhmu li Nedved għandu jkun preżenti peress li x’aktarx bħalissa hu qed jimla’ temporaneament il-vojt ta’ Paratici. Ovvjament jista’ jkun ukoll li bejn illum u għada tingħata l-aħbar tal-ħatriet il-ġodda ta’ Cherubini u Arrivabene biex b’hkk huma jkunu jistgħu jibdew jħadmu id f’id ma’ Allegri. F’an l-istadju hemm ħafna xi jsir fis-suq tat-trasferimenti. Ibda biex wieħed irid jara x’se jkun il-futur ta’ Ronaldo. Barra minn hekk hemm il-kuntratti ta’ Chiellini u Dybala x’jiġġeddu. Fl-istess ħin hemm xi plejers li jridu jinbigħu biex Juventus ikunu jistgħu jsaħħu nofs il-grawnd tagħhom. Insomma, hemm ħafna xi jsir u ż-żmien qed jagħfas.

Matthew Scerri

Filmat: Merħba lura, Allegri!

Uffiċjali: Allegri mill-ġdid kowċ ta’ Juventus!

Juventus ħabbru li Massmiliano Allegri se jkun mill-ġdid il-kowċ tat-tim tagħhom. Allegri hu mingħajr dubju wieħed mill-aktar kowċis rebbieħa fl-istorja ta’ Juventus. S’issa hu rebaħ ħames kampjonati, erba’ Coppa Italia u żewġ Super Cups tal-Italja. Nawgurawlu li jkompli jżid ħafna iktar unuri ma’ dawn.

Matthew Scerri

It-tiġdid għaddej ġmielu!

Ir-rivoluzzjoni bdiet! Kif tafu ilna ħafna nirrapurtaw aħbarijiet li das-sajf kien se jkun hemm ħafna taqlib fi ħdan Juventus. Tafu li spiss sostnejna l-punt li l-affarijiet ma setgħux jibqgħu għaddejjin kif kienu. Min-naħa tagħha dejjem appellajna biex ikun hemm bidliet f’kull livell. Fl-aħħar jumejn kellna żewġ bidliet importanti: telqu Paratici u Pirlo. It-tnejn li huma taw ħafna lil Juventus, biss hu evidenti li ma kienx jagħmel sens li jiġu kkonfermati fil-karigi tagħhom

It-tluq ta’ Paratici se jfisser anki li mil-lat amministrattiv Juventus mhux biss se jkollhom uċuħ ġodda imma anki se jkun struttura totalment differenti minn dak tal-aħħar sentejn fejn vera rbaħna imma saru anki żbalji ħoxnin (tipo l-każ Suarez). Jalla min se jieħu post Paratici jagħraf ikompli jibni fuq it-tajjeb li għamel u jġib il-bidliet li tant ilhom jinħassu meħtieġa.

Minflok Pirlo rritorna Allegri. Issa tafu tajjeb li jien qatt ma kont xi fan kbir ta’ Pirlo. Sentejn ilu kont nemmen li kellu jitlaq għax ma kienx tajjeb biex jgħin lit-tim jagħmel il-qabża ta’ kwalità li kienet meħtieġa. Illum Allegri qed jirritorna f’kuntest kompletament differenti. Illum it-tim mhuwiex nettament superjuri għall-avversarji (għallinqas fl-Italja) daqs tlieta-erba’ snin ilu. Illum taħt ħafna aspetti t-tim irid jinbena mill-ġdid u Allegri għandu l-esperjenza u l-kapaċità li jagħmel dan. Bi ftit għaqal fit-tmexxija tat-tim u b’akkwisti bis-sens f’nofs il-grawnd, Juventus jistgħu jkomplu jirbħu anki fis-snin li ġejjin. Iċ-ċiklu forsi ma spiċċax … spiċċat biss waħda mill-fażijiet ta’ daċ-ċiklu leġġendarju!

Matthew Scerri

Allegri ffirma!

Dal-lejl Massimiliano Allegri ffirma l-kuntratt li se jorbtu ma’ Juventus għall-erba’ snin li ġejjin. L-aħbar uffiċjali se tingħata llum. Allegri s ejun qed jirritorna ma’ Juventus wara sentejn. Did-darba jidher li se jkollu rwol kemxejn differenti mill-passat hekk kif se jkun involut iktar fl-għażliet tal-plejers li se jinxtraw u jinbigħu.

Matthew Scerri

Riflessjonijiet fuq l-aħħar żviluppi fi ħdan l-ambjent Juventin

Ħallejt ftit ġranet jgħaddu mill-finali tal-Coppa Italia mirbuħa kontra l-Atalanta, fejn rajna l-iskwadra tagħna titrijonfa b’tieni taqsima milgħuba mill-aqwa u b’hekk stajna nifirħu bl-14 il-Coppa Italia fl-istorja tal-klabb glorjuż tagħna.  Kien hemm ukoll il-wirja stupenda li biha t-tim rebaħ b’ ċerta faċilita’ kontra Bologna b’logħob veloċi u vertikaliżżazjonijiet mill-aqwa, u b’Kulusevski f’vena straordinarja f’dawn l-aħħar logħbiet.  B’din ir-rebħa u bl-eventi li ġraw fil-grounds l-oħra, assikurajna l-kwalifikazzjoni għaċ-Champions League li jmiss propju kif kienu jiddeskrivu it-telekronisti Taljani ‘in zona Cesarini’ cioe’ fl-aħħar nifs.

Bl-eventi li ġraw, l-għada tal-logħba kont konvint u anke xtaqt ħafna li d-diriġenza tiddeċiedi li żżomm lil Pirlo u tagħtih ċans jiggwida lit-tim għall-istaġun li jmiss.  Nemmen li se jkun hawn min ma jaqbilx miegħi u jibqa jemmen li minħabba xi prestazzjonijiet mhux daqshekk tajbin bħall-partiti kontra Benevento (home u away), Crotone, Torino u anke oħrajn li ma semmejtx hawn, it-tim kellu joħroġ b’iktar punti minnhom biex anke jekk din is-sena ma kienx destinat li nirbħu l-iscudetto, almenu ma kienx ikollna bżonn niddependu minn riżultati ta’ timijiet oħra biex nassiguraw post fic-Champions League li imiss.  Il-konferma ta’ Pirlo ma waslitx u kif forsi kulhadd jaf, bejn illum u għada l-iktar tard, se jinħatar lura bħala kowċ Massimiliano Allegri li żgur ħalla legacy pożittiva u bit-tmexxija tiegħu irbaħna 11 il-tazza fil-5 snin li għamel magħna.  Hu żgur fatt li Allegri hu meqjus mill-President Agnelli bħala garanzija u forsi din wasslet biex jerġa jintgħażel hu bħala kowċ, anki biex jerġa jagħti stabilita’ u ottimiżmu lill-ambjent Juventin fil-ġejjieni l-aktar viċin.  Nittama li issa d-diriġenza tagħraf tagħti l-ikbar support lil Allegri biex jerġa jwassalna għall-unuri li rebaħ fl-ewwel era bħala kowċ tagħna.  Nittama wkoll li l-kampanja ta’ trasferimenti tkun għaqlija b’akkwisti fejn l-iktar it-tim għandu bżonn jissaħħaħ – fuq il-ġnub u b’mod speċjali f’nofs il-ground.

Nagħlaq billi nawgura l-ikbar ‘in bocca al lupo’ lil Max Allegri u ninsab fidiċjuż li jerġa jmexxina għas-suċċess bħal fl-ewwel era tiegħu mal-Juventus!

Insellmilkom bil-qalb, Juventini

Massimo Grioli

Allegatament Allegri aċċetta li jkun mill-ġdid il-kowċ ta’ Juventus

Juventus allegatament laħqu ftehim ma’ Massimiliano Allegri biex jerġa’ jkun il-kowċ tagħhom. L-aħbar għadha mhux uffiċċjali. Il-ftehim x’aktarx se jkun għal tlieta jew erba’ snin b’paga ta’ 9 miljuni fis-sena.

Matthew Scerri