Posts

Inċertezza sħiħa dwar il-kowċis tat-timijiet tas-Serie A

Dis-sena se jkun hemm taqlib kbir fis-Serie A. Il-klabbs il-kbar se jkunu qed jibdlu l-kowċ. L-uniku wieħed li jidher ċert li se jżomm postu hu Pioli ta’ Milan. L-oħrajn kollha jidhru li se jkunu qed jiġu mibdula. Fl-aħħar sigħat ħarġet l-aħbar li saħansitra Conte se jkun qed jitlaq lil Inter. S’issa għad m’hemmx indikazzjonijiet min se jkun il-kowċ il-ġdid ta’ kull tim. Fiorentina biss ħabbru l-kowċ il-ġdid tagħhom: Gattuso, li ftit tal-jiem ilu deher qrib ħafna ta’ Juventus. Il-post ta’ Pirlo bħalissa jidher li se jittieħed minn Allegri jew Zidane. Dawn huma biss xnigħat u kif għidna kollox jista’ jinbidel minn mument għall-ieħor.

Matthew Scerri

Ikompli l-għidut li Pirlo se jitneħħa minn kowċ ta’ Juventus

Issa li spiċċa l-kampjonat, id-domanda fuq fomm kulħadd hi: Pirlo se jibqa’ kowċ ta’ Juventus? S’issa ma nafu xejn preċiż għalkemm l-għidut hu li Pirlo mhux se jkun ikkonfermat. Hemm anki xnigħat, mhux konfermati, li dalgħodu Pirlo ġie mgħarraf bid-deċiżjoni. L-ismijiet ta’ min jista’ jieħu post Pirlo huma magħrufa: Allegri, Zidane u Gattuso. Allegri, fil-verità, jidher qrib ħafna li jingħaqad ma’ Real Madrid minflok Zidane. Nafu li Juventus ilhom snin interessati f’Zidane bħala kowċ, ma nafux imma kemm Zidane lest jidħol għal proġett bħal dak Juventin li mistenni jara taqlib kbir fi ħdan it-tim. Gattuso, bħalissa, jidher li qed jinżel stand-by fl-eventwalità li jfallu n-negozjati ma’ Zidane jew Allegri.

Matthew Scerri

L-ismijiet tar-rivoluzzjoni Juventina

Il-kampjonat wasal biex jintemm u kollox qed jindika li resqin lejn rivoluzzjoni fi ħdan it-tim Juventin. Rivoluzzjoni li, kif ilna niktbu, se tara bidliet kbar kemm fid-diriġenza kif ukoll fit-tmexxija teknika tat-tim. Hemm rapporti li fil-jiem li għaddew John Elkann mar fil-Continassa u tkellem mal-plejers. X’intqal, ovvjament, ma nafux. Biss kollox jindika li Andrea Agnelli probabbli mhux se jibqa’ President ta’ Juventus. Kif konna għidna minflok probabbli se jinħatar Nasi. Paratici u Nedved x’aktarx se jitilqu huma wkoll. Qed jissemmew diversi diriġenti: Del Piero bħala Viċi-President, Lippi bħala konsulent tat-Technical Area, Marotta lura bħala CEO u Giuntoli minflok Paratici. Il-kowċ se jinbidel ukoll. Allegri qed jissemma ħafna. Illum hu wasal Turin. Aħbar ili Momblano ta nhar it-Tnejn li għadda. Skontu Allegri kien Turin il-ġimgħa li għaddiet u kellu jmur lura llum. Dejjem skont Momblano, Allegri hu miftiehem ma’ klabb ieħor li mhuwiex il-Juventus. Probabbli, għaldaqstant, li Allegri jinsab Turin għal raġunijiet privati. Fil-fehma tagħna l-kowċ mhux se jkun Allegri, imma xi ħadd ieħor. X’aktarx Juventus qed iħallu li l-attenzjoni ddur fuq Allegri biex huma jkunu jistgħu jinnegozjaw bil-kwiet mal-kowċ il-ġdid.

Matthew Scerri

Allegri mistieden għand Agnelli?

Il Giornale żvela li Massimiliano Allegri ra d-Derby ta’ Turin fuq it-tv meta kien mistieden fil-villa ta’ Andrea Agnelli f’Forte dei Marmi. Din l-aħbar, li la hi konfermat u lanqas miċħuda, qed tiġi interpretata bħala sinjal li Agnelli qed jikkunsidra li jkeċċi lil Pirlo. Hemm ħafna għidut li kjekk Juventus kjitilfu kontra Napoli, il-Bianconeri lesti jibdlu l-kowċ għall-aħħar partiti tal-kampjonat. Ovvjament jista’ jkun li Allegri kien mistieden ta’ Agnelli biss għax għadhom ħbieb u jaf m’hemm ebda konnessjoni mal-futur ta’ Pirlo. Iż-żmien jgħidilna eżattament x’se jiġri.

Matthew Scerri

Allegri jispjega x’wassal biex ma baqax kowċ ta’ Juventus

“Infridna b’mod kważi naturali. Kienet għażla tal-President li jkun hemm bidla fit-tmexxija tat-tim. Għaddejna ħames snin sbieħ immens. Naħseb fattur li wassal għall-firda kien li wara ħames snin kienet qed issir diffiċli nibqa’ ngħaddi l-ideat tiegħi lill-plejers. Bqajt, però, f’relazzjoni tajba ma’ Agnelli u mad-dinja Juventina.” Kliem ta’ Allegri fl-intervista mogħtija lil Sky ilbieraħ filgħaxija.

Matthew Scerri