Posts

Anniversarju: 29/5/1985 it-Traġedja tal-Heysel

It-traġedja tal-Heysel, 29 ta’ Mejju, 1985
Finali Tazza taċ-Champions, Liverpool vs Juventus

Tajjeb li nġibu fil-qosor x’seħħ dakinhar tat-traġedja tal-Heysel . Siegħa qabel il-kick-off tal-Finali, grupp ta’ partitarji Ingliżi attakkaw lill-partitarji li kienu qed jokkupaw l-area newtrali, il-famuża Curva Z fl-istadium tal-Heysel. L-ispettaturi fil-Curva Z, fil-maġġor parti tagħhom Juventini, beżgħu u rtiraw lura mal-avvanz tal-hooligans Ingliżi iżda sabu ma’ wiċċhom il-ħajt tal-concrete tal-Curva. Qam pandemonju sħiħ, iġsma sfaw mgħaffġa minn sħabhom stess, partikularment dawk li kienu qrib il-ħajt, li eventwalment spiċċa ċeda.

Ħafna kienu li rnexxilhom jaqbżu fil-grawnd u salvaw, iżda 39 partitarju innoċenti kienu inqas ixxurtjati għax mietu mgħaffġa taħt is-saqajn ta’ persuni oħra mwerwra bħalhom filwaqt li 600 mija oħra sfaw midruba.

Il-logħba ntlagħbet wara bosta ħin fuq ordni tal-UEFA, minkejja li minxura mal-art barra l-grawnd kien hemm il-katavri Juventini bix-xalpi u l-bnadar suwed u bojod mdawra magħhom.

IN MEMORIAM- Biex qatt ma ninsew il-vittmi tal-Heysel

Balli Bruno, Alfons Bos, Casula Andrea, Casula Giovanni, Cerullo Nino, Chielens Willy, Conti Giuseppina, Danenecky Dirk, Fabbro Dionisio, Francois Jacques , Galiano Eugenio, Galli Francesco,  Gonnelli Giancarlo, Guarini Alberto, Lorentini Roberto, Lusci Barbara, Martelli Franco, Messore Loris, Mastroiaco Ganni, Mazzino Sergio, Papaluca Luciano, Pidone Luigi, Pistolato Benito, Radcliffe Patrick, Raganese Antonio, Robert Claude, Ronchi Mario, Russo Domenico, Salvi Tarcisio, Sarto Gianfrnco, Spanu Mario, Venturin Tarcisio, Walla Jean Michel u Zavaroni Claudio.

48 sena ilu twaqqaf il-Juventus Club (Malta)

Illum qed niċċelebraw l-isbaħ u l-iktar anniversarju għal qalbna, dak tat-twaqqif tal-Juventus Club DOC Vero Amore (Malta 1975). Kien proprju fit-13 ta’ April 1975 li ssejħet l-ewwel Laqgħa Ġenerali tal-Club u dakinhar kien imwaqqaf uffiċjalment il-Club tagħna.

Ftit xhur qabel, preċiżament fit-8 ta’ Frar 1975, fil-gazzetta ‘Il-Ħajja’ deher avviż li permezz tiegħu l-Juventini kollha ta’ dawn il-gżejjer ġew mistiedna jingħaqdu u jerġgħu jagħtu ħajja ġdida lill-Club Nazionale Amici della Juve (Malta), li kien imwaqqaf f’Malta fl-1964 u li kien spiċċa fix-xejn ftit snin wara.

L-avviż tal-1975 kien sar minn Tony Dimech, illum wieħed mill-Presidenti Onorarji tal-Club, li fl-avviż stieden lil dawk kollha interessati b’dan il-kliem: “Il-partitarji kollha juventini li jixtiequ jsiru membri tal-Club Nazionale Amici della Juve (Malta) huma ġentilment mitluba jiktbu u jibagħtu 1c 5m f’bolol lil Tony Dimech, Barbara Bastion, il-Belt.”

L-inizjattiva ta’ Tony Dimech qanqlet mill-ġdid l-interess ta’ diversi Juventini Maltin, fosthom in-Nutar Cachia u Manwel Scerri. Huma bdew jiltaqgħu u jaraw kif setgħu jħejju għat-twaqqif tal-Club il-ġdid fuq bażi iktar sodi minn dawk tas-Snin Sittin.

Fis-16 ta’ Marzu 1975, fil-Każin tal-Banda La Vallette fil-Belt, saret laqgħa informali għal dawk kollha interessati f’din l-inizjattiva. Dakinhar inħatret Kummissjoni Speċjali bl-għan li tħejji l-preparattivi u s-sejħa għal-Laqgħa Ġenerali li fiha kellu jitwaqqaf uffiċjalment il-Club u jinħatar l-ewwel Kumitat Eżekuttiv li kellu jmexxi lill-Club.

Il-Kummissjoni sejħet l-ewwel Laqgħa Ġenerali fl-istorja tal-Club nhar il-Ħadd 13 ta’ April 1975 u għaliha kien preżenti 46 persuna. Għal darb’oħra intużat is-Sala tal-Każin La Vallette. Il-Laqgħa Ġenerali approvat it-twaqqif tal-Club bl-isem ta’ Juventus Club (Malta) fost entuzjażmu kbir ta’ dawk kollha preżenti.

Matul il-Laqgħa ġie wkoll elett l-ewwel Kumitat Eżekuttiv li mexxa lill-Club għas-sena 1975/76. In-Nutar Joseph Cachia bħala Chairman u s-Sinjuri Richard Muscat u Robert Caruana kienu magħżula biex imexxu l-elezzjoni. Immedjatament iċ-Chairman staqsa min fost il-membri preżenti xtaq jikkontesta l-elezzjoni. Kien hemm ħdax-il persuna interessata, fosthom anki mara (ħaġa mhux daqstant komuni għal dawk iż-żminijiet meta n-nisa ftit li xejn kienu jinteressaw ruħhom fil-futbol). Minn dawn kellhom jintgħażlu seba’ persuni biex jiffurmaw l-ewwel kumitat. Wara li ntlaqgħu n-nominazzjonijiet kollha, beda l-proċess tal-votazzjoni. Ir-riżultat tal-votazzjoni kien:

Riżultati tal-votazzjoni għall-Kumitat 1975/76
Tony Dimech 46 vot
Manwel Scerri 42 vot
Joseph Aloisio 40 vot
Carmelo Vella 38 vot
Albert Callus 36 vot
Charles Galea 28 vot
Publius Vassallo 22 vot
Joe Attard u Josephine Galea 20 vot
Mario Troisi 14-il vot
Lino Bonello 10 voti

Bil-qari tar-riżultat tal-votazzjoni, saru magħrufa l-ismijiet tal-ewwel seba’ eletti li ffurmaw l-ewwel Kumitat Eżekuttiv fl-istorja tal-club li kellu jservi għall-perjodu ta’ sena 1975/76.

Fi tmiem il-laqgħa, in-Nutar Joseph Cachia u s-Sur Franco Facchetti (illum t-tnejn mejta) kienu unanimament maħtura l-ewwel Presidenti Onorarji fl-istorja tal-Club bħala rikonoxximent għall-ħidma, il-kollaborazzjoni u l-għajnuna bla qies li taw biex setgħet tibda t-triq twila iżda glorjuża tal-Juventus Club (Malta).

Minn dakinhar għaddew 48 sena. Tmienja u erbgħin sena ta’ storja rikka immens, snin ta’ ħbiberija u għaqda li dejjem irrenjat fil-Club tagħna, snin ta’ imħabba inkundizzjonata lejn it-tim Juventin. Illum ninsabu kburin immens li l-Club wasal għal dan l-anniversarju u ninsabu konvinti li għad fadallu ħafna paġni sbieħ x’jikteb.

Matthew Scerri u Manwel Scerri

Sittax-il sena mill-mewt ta’ Ale & Ricky

Illum jaħbat is-sittax-il anniversarju mit-traġedja li fiha ħallew ħajjithom Riccardo Neri u Alessio Ferramosca. Iż-żewġ plejers tat-tim ‘Berretti’ ta’ Juventus kienu mietu proprju fil-15 ta’ Diċembru 2006 fit-training grounds ta’ Vinovo wara li waqgħu fi speċi ta’ lag artifiċjali, jew ġiebja kbira jekk irridu, li fiha jinħażen l-ilma li jservi biex jissaqqa l-ħaxix tal-grawnds f’Vinovo. Huma kienu marru jiġbru xi blalen li waqgħu fil-lag u bi żball spiċċaw fl-ilma huma wkoll. Il-kesħa qawwija ta’ dakinhar wasslet biex mietu mill-ewwel.

Jien, flimkien ma’ Manwel Scerri, dakinhar kont f’Vinovo waqt il-ħin tat-traġedja. Konna qed nirrappreżentaw lill-Club tagħna fid-DOC Day organizzata proprju f’Vinovo. Niftakar kesħa qawwija. Niftakar kemm konna bqajna sorpriżi meta rajna lill-bugħaddasa deħlin fil-faċilitajiet ta’ Turin. Ħadd ma kien jaf b’xejn sa dak il-ħin. L-aħbar kienet għadha ma ħarġitx. Imbagħad tlaqna lejn l-iStadio Olimpico fejn kellha tintlagħab Juventus-Cesena u malli wasalna smajna li l-partita tħassret b’rispett lejn il-vittmi.

Ale & Ricky jgħixu għal dejjem f’qalbna!

Matthew Scerri

Happy birthday, Juventus!

Illum jaħbat il-125-il anniversarju mit-twaqqif ta’ Juventus F.C. Tradizzjonalment id-data tal-1 ta’ Novembru 1897 hi meqjusa bħala l-jum li fih twaqqaf il-klabb Juventin minn grupp ta’ ħbieb li kienu jattendu l-Liceo Massimo D’Azeglio f’Turin. Nafu li dawn il-ħbieb kienu ilhom jiltaqgħu u jipprattikaw flimkien diversi tipi ta’ sports, fosthom anki l-futbol li ddaħħal fl-Italja proprju minn xi nies minn Turin li kienu marru jgħixu u jaħdmu l-Ingilterra ftit tas-snin qabel. Fl-1897, l-istudenti tal-Liceo Massimo D’Azeglio, flimkien mal-aħwa Canfari u xi ħbieb oħra, waqqfu uffiċjalment il-Juventus Sports Club, li biż-żmien sar il-Juventus Football Club.

Matthew Scerri

Anniversarju: 2/10/1935 twieled Omar Sivori

Omar Sivori, imlaqqam “El Cabezon” għax-xagħar goff li kellu, hu mingħajr dubju wieħed mill-aqwa plejers li qatt libes il-flokk ta’ Juventus. Twieled fl-Arġentina fit-2 ta’ Ottubru 1935. Komplessivament hu skorja 167 gowl f’253 partita ma’ Juventus u fl-1961 rebaħ il-Ballun tad-Deheb. Flimkien ma’ Silvio Piola għandu r-rekord tal-ikbar numru ta’ gowls skurjati f’partita waħda fis-Serie A. Fil-fatt fl-10 ta’ Ġunju 1961 hu skorja 6 gowls kontra Inter fir-rebħa storika ta’ 9-1.

Il-filmat t’hawn taħt fih profil dettaljat dwar Sivori.

Anniversarju: 3/9/1989 ħalliena Gaetano Scirea

Illum jaħbat l-anniversarju tal-mewt ta’ wieħed mill-akbar plejers Juventini ta’ dejjem: Gaetano Scirea. Hu libes il-flokk ta’ Juventus għal erbatax-il staġun bejn l-1974 u l-1988 b’total ta’ 552 partita u 32 gowl. Ma’ Juventus, Scirea rebaħ kull kompetizzjoni u sar anki champion tad-dinja mal-Italja fl-1982. Scirea jibqa’ f’qalb is-supporters Bianconeri mhux biss għat-teknika kbira u l-intelligenza tattika li kellu, imma fuq kollox għall-mod sinjorili, ġentili u korrett li dejjem mexa bih ġewwa u barra l-grawnd.

Il-filmat t’hawn taħt ifakkarna ftit min kien Scirea:

Matthew Scerri

Anniversarju: 11 ta’ Lulju 1982 l-Italja tirbaħ it-Tazza tad-Dinja

11 ta’ Lulju 1982 l-Italja rebħet it-Tazza tad-Dinja għat-tielet darba fl-istorja. Fil-filmat t’hawn taħt tistgħu taraw il-finali bejn Italja u Ġermanja.

Anniversarju 31/5/2009 Nedved jirtira mill-futbol

Bħal-lum 13-il sena Pavel Nedved lagħab l-aħħar partita tiegħu bil-flokk ta’ Juventus u b’mod ġenerali waqaf mill-karriera tiegħu ta’ plejer. Komplessivament lagħab 8 staġuni ma’ Juventus b’total ta’ 327 partita u 65 gol. Fi tmien snin rebaħ 4 scudetti. Hi opinjoni ta’ kulħadd li Juventus tilfu l-Finali taċ-Champions League fl-2003 għax Nedved kien sospiż. Dik is-sena Nedved kien l-aqwa plejer fl-Ewropa tant li rebaħ il-Ballun tad-Deheb. Hu minn dejjem ħabb lil Juventus u saħansitra niżel magħna fis-Serie B. Lejn tmiem il-karriera kellu l-opportunità li jingħaqad ma’ Inter, biss hu għażel li ma jmurx magħhom għax kif spjega: “Jien Juventin. Tlift il-flus ta’ Inter, imma żammejt id-dinjità tiegħi.”

L-aħħar partita fil-karriera tiegħu kienet Juventus-Lazio tal-31 ta’ Mejju 2009. Id-destin ried li hu jirtira fi tmiem partita bejn iż-żewġ timijiet li lagħab magħhom fl-Italja. Dakinhar tal-31 ta’ Mejju s-supporters ta’ Juventus sellmulu bl-iktar mod xieraq. Il-video t’hawn taħt jurina x’ġara dakinhar. Barra minn hekk għandkom żewġ videos oħra biex niftakru minn kien Pavel Nedved:

Matthew Scerri

Anniversarju: Il-25 ta’ Mejju hu jum speċjali għal Scirea u Zoff

Id-data tal-lum, il-25 ta’ Mejju, hi ġurnata speċjali fil-ħajja u l-karriera ta’ żewġ leġġendi ta’ Juventus: Gaetano Scirea u Dino Zoff. L-ewwel wieħed twieled proprju f’dan il-jum: fil-25 ta’ Mejju 1953. Tletin sena wara, fil-25 ta’ Mejju 1983, Dino Zoff lagħab l-aħħar partita tiegħu bil-flokk ta’ Juventus. Dakinhar kienet partita speċjali: il-Finali tat-Tazza taċ-Champions. Ix-xorti riedet li Zoff temm il-karriera ma’ Juventus b’telfa kontra Hamburg.

Matthew Scerri

Anniversarju: 22/5/1996 Juventus jirbħu ċ-Champions League għat-tieni darba

Sitta u għoxrin sena ilu Juventus rebħu t-tieni u s’issa l-aħħar Champions League fl-istorja tagħhom. Dakinhar l-avversarji kienu Ajax. Juventus kellhom wirja kbira u marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Ravanelli. Wara kien hemm id-draw ta’ Litmanen. L-assedju Juventin fuq il-lasta ta’ Ajax ma ħalliex il-frott mistenni u l-partita kellha tiġi deċiża bil-penalties.

AJAX-JUVENTUS 1-1 (2-4 (wara l-għoti tal-penalties)
Skorjaw: Ravanelli (J), Litmanen (A)

Ajax: Van der Sar, Silooy, Blind, De Boer F. (Scholten), Bogarde, De Boer R. (Wooter), Finidi, Davids, Kanu, Litmanen, Musampa (Kluivert). Kowċ: Van Gaal.

Juventus: Peruzzi, Ferrara C., Pessotto, Torricelli, Vierchowod, Paulo Sousa (Di Livio), Deschamps, Conte (Jugovic), Vialli, Del Piero, Ravanelli (Padovano). Kowċ: Lippi.

Referee: Diaz Vega (Spanja)

Penalties: Davids (milqugħ), Ferrara (gowl), Litmanen (gowl), Pessotto (gowl), Scholten (gowl), Padovano (gowl), Silooy (milqugħ), Jugovic (gowl).