Posts

De Ligt se jingħaqad ma’ Bayern Munich

Matthijs De Ligt hu prattikament plejer ta’ Bayern Munich hekk kif il-klabb Ġermaniż għolla l-offerta tiegħu, liema offerta tissodisfa t-talba ta’ Juventus. Qed ikun irrapurtat li Juventus aċċettaw l-offerta l-ġdida mressqa minn Bayern Munich. Hemm ħafna spekulazzjonijiet dwar is-somma li Bayern se jkunu qed iħallsu għal De Ligt. Jidher li Juventus se jkunu qed idaħħlu somma madwar 80 miljun Ewro. Issa rridu naraw kif se jiżviluppaw l-affarijiet fil-jiem li ġejjin. L-interess, ovvjament, issa jdur fuq min se jkun jew ikunu l-plejers li se jieħdu post De Ligt ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Cambiaso misluf lil Bologna

Andrea Cambiaso diġà ħalla lil Juventus hekk kif hu ngħaqad b’self ma’ Bologna sa tmiem l-istaġun. Din se tkun opportunità tajba għalih biex jilgħab b’mod regolari fis-Serie A u jiksber l-esperjenza meħtieġa biex mis-sajf li ġej ikun jista’ jieħu post Alex Sandro ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Imsemmija Bremer u Pau Torres imma hemm ċans li De Ligt jibqa’ ma’ Juventus

Min se jkun qed jilgħab flimkien ma’ Bonucci fiċ-ċentru tad-difiża ta’ Juventus? Din hi bħalissa l-ikbar mistoqsija tas-supporters Juventini. Koulibaly ingħaqad ma’ Chelsea u allura waħda mill-ħolmiet tas-supporters sfaxxat fix-xejn. Il-ħolma l-oħra għandha l-isem ta’ Bremer, imma f’dal-każ dejjem intqal li l-Brażiljan ilu miftiehem ma’ Inter. Qed jissemma ħafna Pau Torres ta’ Villareal għalkemm is-somma ta’ 50 miljun li qed tissemma tagħmel dat-trasferiment mhux wisq fattibbli. Intant fl-aħħar sigħat bħal donnu bdew jinbidlu l-affarijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ De Ligt. L-offerta ta’ Bayern Munich għalih hi baxxa wisq u s’issa ma wrewx sinjali li lesti jgħollu l-offerta tagħhom sabiex jissodisfaw it-talba ta’ Juventus. Fid-dawl ta’ dis-sitwazzjoni beda jingħad li De Ligt jista’ jibqa’ ma’ Juventus u jiffirma kuntratt ġdid. Diffiċli bħalissa li wieħed ibassar x’se jiġri. Li hu żgur hu li llum nistgħu ngħidu li hemm inqas ċertezza minn ftit tal-jiem ilu li De Ligt se jitlaq lil Juventus.

Matthew Scerri

Uffiċjali t-trasferimenti ta’ Cambiaso u Dragusin

Juventus ħabbru li xtraw lil Andrea Cambiaso mingħand Genoa għas-somma ta’ 8.5 miljun Ewro, liema somma se titħallas f’żewġ rati. Fil-ftehim hemm anki bonuses oħra li jilħqu l-massimu ta’ 3 miljun Ewro.

Radu Dragusin, mill-banda l-oħra, ingħaqad b’self ma’ Genoa. Jekk f’dan l-istaġun il-klabb tiegħu jilħqu miri sportivi speċifiċi, Genoa jkollhom l-obbligu li jixtruh għal kollox għal 5.5 miljun Ewro. Anki f’dal-każ hemm xi bonuses li jammontaw għal 1.8 miljun Ewro.

Matthew Scerri

Koulibaly se jingħaqad ma’ Chelsea

Koulibaly se jkun qed iħalli lil Napoli u se jingħaqad ma’ Chelsea li offrewlu kuntratt ta’ 10 miljuni fis-sena. Id-difensur mis-Senegal kien ikkuntattjat minn Juventus il-ġimgħa li għaddiet biss hu għażel li ma jaċċettax l-offerta tal-Bianconeri peress li: (i) Juventus kienu qed joffrulu inqas (6.5 miljuni); u (ii) hu ma ħassux li għandu jingħaqad ma’ tim rivali ta’ Napoli.

Matthew Scerri

Aktar aġġornamenti dwar De Ligt

Iż-żjara ta’ Salihamidzic ilbieraħ f’Turin kienet waħda qasira u inkonklużiva. Milli nafu ma kienx hemm laqgħa formali bejn Salihamidzic u d-diriġenti ta’ Juventus. Kien hemm biss kuntatt informali, li hu t-tieni wieħed wara dak tal-ġimgħa li għaddiet fil-belt ta’ Milan. L-ewwel offerta ta’ Bayern hi ta’ 60 miljun (xi wħud qed isostnu li offrew 65 miljun) flimkien ma’ 8-10 miljuni f’bonuses. Il-Bianconeri jixtiequ jbigħuh għal 100 miljun komplessivament, somma li però s’issa la Bayern u lanqas Chelsea ma resqu lejha. Fl-istess ħin, però, hu ovvju li Juventus ma jridux jgħaġġlu bil-għan li jdaħħu kemm jistgħu minn fuq il-bejgħ ta’ De Ligt. Realistikament bħalissa l-aktar probabbli hu li jinstab ftehim ma’ xi klabb fuq bażi ta’ 80 miljun (il-parti fissa), ma’ liema somma jiżdiedu xi bonuses oħra. Intant qed ikun irrapurtat li De Ligt għarraf lil Juventus li hu jrid jingħaqad ma’ Bayern. Issa jmiss li Bayern u Juventus ikomplu jiddiskutu bejniethom sabiex jintlaħaq ftehim. Li hu ċert hu li Juventus ma jridux tpartit ta’ plejers. Minflok jippreferu somma cash biss ħalli jkunu jistgħu jinvestuha fl-akkwsit ta’ sostitut jew sostituti għall-Olandiż. L-ismijiet nafuhom: Bremer, Koulibaly, Milenkovic, Gabriel, Pau Torres u Kimpembe.

Matthew Scerri

Salihamidzic tkellem mal-aġent ta’ De Ligt

Hasan Salihamidzic telaq lura l-Ġermanja wara li kellu laqgħa mal-aġent ta’ De Ligt, Rafaela Pimenta. Hi tinsab Turin minħabba t-trasferiment ta’ Pogba. Bayern Munich huma interessati ferm li jiksbuh u allegatament għandhom ftehim biex jagħtuh paga ta’ 12-il miljun fis-sena. Issa jonqos li jinstab verament ftehim ma’ Juventus. Illum ma jirriżultax li Salihamidzic tkellem ma’ Juventus u hemm għidut li l-laqgħa proprju bejn Bayern u Juve se ssir aktar tard dil-ġimgħa. Juventus qed jinsistu li jridu 100 miljun. Bayern, min-naħa tagħhom waslu sa 70 miljun bil-possibbiltà li jżidu xi bonuses għal somma globali ta’ bejn 80 u 90 miljun Ewro. Intant kemm qabel kif ukoll wara l-laqgħa ma’ Pimenta, Salihamidzic stqarr mal-ġurnalisti li hemm “ottimiżmu” min-naħa ta’ Bayern.

Matthew Scerri

Uffiċċjal ta’ Bayern Munich wasal l-Italja biex jinnegozja l-akkwist ta’ De Ligt mingħand Juventus

Ftit tal-ħin ilu wasal Turin id-Direttur għall-iSports ta’ Bayern Munich, Hasan Salihamidzic. Hu se jkun qed jiltaqa’ ma’ Juventus u se jressaq l-ewwel offerta tal-klabb Ġermaniż għal De Ligt. L-għidut hu li De Ligt qed jagħti l-ewwel preferenza tiegħu lil Bayern Munich, li min-naħa tagħhom qed joffru allegatament 80 miljun Ewro flimkien ma’ 10 miljuni oħra f’bonuses.

Matthew Scerri

L-ammonti tal-commissions lill-aġenti ta’ Di Maria u Pogba

Angel Di Maria u Pogba huma issa uffiċjalment plejers ta’ Juventus. Mill-istqarrijiet għall-aħbarijiet maħruġa minn Juventus F.C. sirna nafu li l-commissions li se jitlħallsu lill-aġenti jammontaw għal 1.3 miljun Ewro (Di Maria) u 2.5 miljun Ewro (Pogba). Dan jixhed hemm verament id-diriġenza attwali qed tibdel l-istil tat-tmexxija tat-tim. Fil-passat Marotta u Paratici kienu magħrufa għax kienu jħallsu flejjes kbar lill-aġenti f’commissions. Issa l-affarijiet inbidlu u n-nefqa f’commissions naqset drastikament.

Matthew Scerri

Di Maria jinsab Turin. Illejla jasal Pogba

Angel Di Maria wasal Turin b’titjira privata għall-ħabta tal-10.38 p.m. tal-lejl li għadda. Dalgħodu hu se jkun qed jagħmel it-testijiet mediċi fil-JMedical u wara jiffirma l-kuntratt li se jorbtu ma’ Juventus għal dis-sena.

Intant illejla mistenni jasal Pogba Turin biex anki hu għada jkun jista’ jagħmel it-testijiet mediċi u jiffirma l-kuntratt li se jorbtu ma’ Juventus.

Żewġ akkwisti kbar, li ma swew xejn lil Juventus, u li konvinti li se jgħollu sew il-valur tekniku-tattiku tat-tim immexxi minn Allegri.

Matthew Scerri