Posts

Chelsea jinsistu b’saħħa għal De Ligt

Sorsi qrib il-klabb Juventin qed jikkonfermaw li bejn illum u għada Chelsea għandhom jiltaqgħu ma’ Juventus. Il-partijiet se jiddiskutu diversi plejers. Ovvjament l-‘piatto forte’ ma jistax jonqos li jkun De Ligt. Chelsea jriduh b’saħħa, għalkemm nafu li hemm interess min-naħa tagħhom anki f’Skriniar. Ir-rieda ta’ Juventus hi li jilħqu ftehim ma’ De Ligt biex jiffirma kuntratt ġdid għax iriduh ikun il-kolonna tad-difiża tagħhom u fl-istess ħin ma jridux jirriskjaw li jitilfu b’xejn sentejn oħra meta jintemmlu l-kuntratt attwali. Bħas-soltu se tkun ir-rieda tal-plejer li se tiddetermina l-futur tiegħu. De Ligt dan l-aħħar donnu bidel fehemtu u m’għadux daqshekk konvint li jibqa’ ma’ Juventus kif kien qed jistqarr sa ftit tal-ġimgħat ilu. Interessanti li dil-bidla min-naħa ta’ De Ligt waslet eżatt malli l-klabb ta’ Chelsea bidel is-sid tiegħu. Jekk hu se jkun irid jitlaq, Juventus mhux se jġegħluh jibqa’ għalkemm se jkunu qed jinsistu li titħallas il-penali ta’ 120 miljun Ewro biex hu jinħall mill-kuntratt. Probabbli, però, li jekk Chelsea joffru somma bejn 80 u 100 miljun, Juventus xorta waħda jkunu se jaċċettaw għax wara dis-sena l-prezz tiegħu jitbaxxa u jkun hemm riskju tassew kbir li jitlaq b’xejn żewġt isjuf oħra.

Matthew Scerri

Di Maria-Juventus. Qed jitlesta l-kuntratt

It-telenovela ta’ Angel Di Maria tidher li riesqa lejn it-tmiem tagħha hekk kif ilna mill-Ħadd filgħaxija nisimgħu li l-Arġentin finalment qal ‘iva’ lil Juventus. L-għażla min-naħa ta’ Di Maria saret u issa l-aġenti tiegħu jinsabu f’taħdidiet ma’ Juventus sabiex ilestu l-parti burokratika tat-trasferiment, jiġifieri jħejju l-kuntratt li Di Maria se jiffirma. Nafu li l-burokrazija jaf tieħu ż-żmien u allura hu probabbli li Di Maria, l-istess bħal Pogba, jitħabbar minn Juventus fl-ewwel ġimgħa sħiħa ta’ Lulju, dik li tibda mill-4 ta’ Lulju.

Matthew Scerri

L-aħbarijiet mis-suq tat-trasferimenti (26 ta’ Ġunju)

Is-sajf hu żmien il-calciomercato u huma tassew bosta l-aħbarijiet marbutin mas-suq tat-trasferimenti Juventin bħalissa. Fi ħdan it-tim Juventin mistennija jkun hemm bidliet kbar u għaldaqstant ma jistax jonoqs li l-aħbarijiet huma tassew numerużi.

De Ligt
Fl-aħħar jiem kien hemm bosta għidut li Chelsea lesti jagħmlu minn kollox biex jixtru lil De Ligt mingħand Juventus. Allegatament l-ewwel offerta tagħhom kienet ta’ 40 miljun Ewro flimkien mat-trasferiment ta’ Werner ma’ Juventus. Id-diriġenza Bianconera lesta tisma’ biss offerti cash għal De Ligt mingħajr bdil ta’ plejers. F’każ li jitlaq De Ligt, is-sostitut tiegħu ma’ Juventus x’aktarx ikun wieħed bejn Koulibaly (Napoli), Gabriel (Arsenal), Igor jew Milenkovic (Fiorentina).

Zaniolo
Qed jingħad li Nicolò Zaniolo għarraf lil Roma li mhuwiex intenzjonati jiffirma kuntratt ġdid magħhom. Fl-istess ħin hu ma jridx imur jilgħab barra mill-Italja. Juventus u Milan huma l-klabbs li jriduh fl-Italja. Il-Bianconeri qed joffru lil Roma tpartit ma’ Arthur (flimkien ma’ somma flus) jew inkella b’self għal sena mħallas 10 miljuni bl-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Pellegrini
Plejer li kważi ċertament se jitlaq lil Juventus das-sajf hu Luca Pellegrini. West Ham u Fulham avviċinaw lil Juventus u wrew interess li jixtruh. Fl-Italja hemm Monza li jriduh.

Kostic
Ilna ħafna nisimgħu li Juventus għandhom f’idejhom lil Filip Kostic. Allegatament hemm qbil bejn il-partijiet kollha konċernati biex Kostic jingħaqad ma’ Juventus għal 15-il miljun Ewro. Il-plejer mistenni jiffirma kuntratt ta’ tliet snin, bil-possibbiltà ta’ sena oħra kuntratt ukoll, b’paga ta’ 2.5 miljun Ewro. L-aħbar għadha mhix uffiċjali.

Mandragora
Ftehim ieħor li qed jingħata bħala wieħed maqbul u definittiv hu dak bejn Juventus u Fiorentina għal Mandragora. It-tim ta’ Comisso se jkun qed iħallas ftit inqas minn 10 miljuni biex jikseb is-servizzi ta’ Mandragora.

Ramsey
Suleyman Hurman, li hu l-President ta’ KAragumruk, ikkonferma li t-tim tiegħu kien jinsab f’negozjati ma’ Ramsey, biss wara numru ta’ laqgħat it-tim Tork qata’ qalbu li jista’ jilħaq ftehim mal-midfielder minn Wales.

Cambiaso
Jidhru li jinsabu fi stadju avvanzat ferm it-taħdidiet bejn Jvuentus u Genoa għal Andrea Cambiaso. Juventus lesti jixtruh għal madwar 10 miljuni, biss ma jridux li jħallsu s-somma kollha cash. Huma qed jipproponu lil Genoa li jieħdu lil Dragusin fil-ftehim u milli jidher Genoa huma interessati.

Matthew Scerri

Di Maria: “Għadni nirrifletti”

Intervistat waqt il-programm ‘Playroom’ imxandar fuq ESPN, Angel Di Maria stqarr dan li ġej dwar Juventus: “Huma l-iktar klabb importanti tal-Italja. Juventus huma fost il-klabbs interessati fija. Qed nirrifletti imma bħalissa moħħni fil-vaganzi u l-familja”. Xejn ġdid i domna. L-għidut hu li Juventus għadhom b’cans kbir li jiksbu l-firma tiegħu biss s’issa għad m’hemmx xejn ikkonfermat 100%.

Matthew Scerri

Sitwazzjoni inċerta dwar il-kuntratt il-ġdid ta’ De Ligt

Fil-belt ta’ Milan, id-diriġenza Bianconera kellha lbieraħ laqgħa mal-avukata Raffaela Pimenta li qed tmexxi l-aġenzija ta’ Mino Raiola. Fil-laqgħa ġew finalizzati l-aħħar dettalji burokratiċi għar-ritorn ta’ Paul Pogba ma’ Juventus. Hemm għidut, għalkemm mhix aħbar konfermata, li Pogba se jkun qed imur Turin bejn il-5 u t-8 ta’ Lulju għat-testijiet mediċi.

Il-laqgħa serviet ukoll biex ikun diskuss it-tiġdid tal-kuntratt ta’ Matthijs De Ligt. Is-sitwazzjoni bħalissa mhix daqstant ċara. Sa ftit tal-ġimgħat ilu, De Ligt kien jidher determinat li jiffirma kuntratt ġdid ma’ Juventus. Issa, però, l-impressjoni hi li hu qed jaħsibha. Juventus għandhom ċerta għaġla li jilħqu ftehim ma’ De Ligt dwar il-kuntratt tiegħu hekk kif il-kuntratt attwali jiskadi fl-2024 u jridu jevitaw ir-riskju li jitilfuh b’xejn.

Matthew Scerri

Aġġornament dwar Di Maria

Tard ilbieraħ filgħaxija bdiet tiċċirkola online l-aħbar li Juventus xebgħu jistennew ir-risposta ta’ Di Maria u għażlu li ma jkonplux in-negozjati miegħu. Nafu li Juventus ressqulu offerta li hu qrib ferm dak li hu kien qed jitlob: kuntratt għal sena waħda biss b’paga ta’ 7 miljuni. Ir-risposta definittiva ta’ Di Maria għadha ma waslitx u għalhekk ibieraħ ħarġet din l-aħbar li Juventus qatgħu qalbhom li jiksbu s-servizzi tal-Arġentin. Issa, però, irridu noqogħdu attenti għax din l-istorja kollha jaf tkun biss parti min-narrattiva tal-gazzetti li bħalissa ma tantx għandhom fuq xiex jiktbu u allura jibdew jipotizzaw x’jista’ jiġri bil-għan li jqajmu l-interess tal-qarrejja tagħhom. Fil-fehma tiegħi hu probabbli ferm li Juventus qed imexxu negozjati oħra ma’ plejers oħra (Berardi u Zaniolo) waqt li qed jistennew ir-risposta ta’ Di Maria. Minħabba raġunijiet ovvji, Di Maria jibqa’ l-għażla numru wieħed ta’ Juventus. Hu ovvju wkoll li Juventus ma jistgħux jistennew wisq fit-tul lil Di Maria hekk kif f’Awwissu diġà hemm erba’ partiti tal-kampjonat. Nifhmu li dit-telenovela waslet biex tintemm f’temp ta’ ġimgħa jew tnejn. Li hemm favur Juventus hu li, minn dak li nafu, Di Maria m’għandu ebda offerta oħra minn top club ieħor u allura hu probabbli li jirnexxilhom jiksbu l-firma tal-Arġentin.

Matthew Scerri

Ħafna qlajjiet dwar allegat trasferiment ta’ Neymar ma’ Juventus

F’dawn il-jiem qrajna kemm-il darba li Luis Campos ta’ PSG ippropona lil Juventus li jiksbu lil Neymar. Hu m’għadux iktar fil-pjanijiet ta’ PSG u s-sidien tal-klabb iridu jeħilsu minnu minħabba l-paga fenomenali li għandu. Minn dak li nistgħu nifhmu, Juventus mhumiex wisq interessati li jiksbu lil Neymar. Ta’ min jirrimarka li s-sidien tal-klabb ta’ PSG, is-sinjuruni mill-Qatar, kienu xtraw lil Neymar bi ftehim wisq jew wisq skandaluż minħabba l-enormità tal-prezz imħallas. Dak iż-żmien parti sostanzjali mill-ħlas tax-xiri kienet ġiet direttament minn entità li kellha l-għan li toħloq interess madwar it-Tazza tad-Dinja fil-Qatar. Hekk PSG setgħu jduru mar-regoli tal-Fair Play Finanzjarju u ma jeħlux sanzjonijiet. Illum, ftit tas-snin wara dak il-ftehim ‘skandlu’, PSG lesti letteralment ‘jarmu’ lil Neymar biex jeħilsu minnu. Viva l-futbol tan-nies!

Matthew Scerri

Interess f’Rabiot minn klabbs barranin

Mhuwiex eskluż li Adrien Rabiot jħalli lil Juventus das-sajf. Skont La Gazzetta dello Sport hu diġà rċieva offerta mingħand Newcastle biss irrifjutaha minħabba li jrid tim li qed jikkompeti fiċ-Champions League. Qed jissemma wkoll li hemm interess fih min-naħa ta’ Chelsea u PSG iżda minn dak li nafu għad m’hemm ebda offerta uffiċjali.

Matthew Scerri

Ramsey. X’qed joffrulu Juventus biex jittermina l-kuntratt

Aaron Ramsey jidher li wasal biex isellem lil Juventus darba għal dejjem. Arrivabene u Cherubini għamluha ċara mal-aġent tiegħu li m’hemmx spazju ma’ Juventus għal Ramsey u l-partijiet jinsabu f’taħdidiet biex il-kuntratt ikun itterminat. Juventus qed joffru somma ta’ 2 miljuni biex Ramsey jaċċetta li l-kuntratt tiegħu jkun itterminat sena qabel iż-żmien, filwaqt li jidher li l-aġenti talbu minflok somma ta’ 4 miljuni. Għad hemm distanza bejn domanda u offerta, imma l-ftehim x’aktarx jinstab anki minħabba l-fatt li Ramsey irid tim fejn ikun jista’ jilgħab sabiex ma jitħalliex barra mit-tim nazzjonali ta’ Wales għat-Tazza tad-Dinja. Intant, sakemm jinstab il-ftehim bejn Ramsey u Juventus, l-aġent diġà beda jisma l-offerti ta’ xi klabbs oħra. Cardiff u Karagumruk ta’ Pirlo jinsabu interessati ferm li jiksbu s-servizzi ta’ Ramsey.

Matthew Scerri

Ottimiżmu dwar Di Maria

Illum Angel Di Maria hu mistenni li jagħti r-risposta definittiva tiegħu lil Juventus. F’dal-jiem hu jinsab Ibiza jqatta’ l-btajjel tiegħu u proprju llum mistenni jitkellem mal-aġenti tiegħu dwar il-proposta ta’ Juventus. Jidher li fl-ambjent Juventin hemm ottimiżmu qawwi li Di Maria se jkun qed jaċċetta l-proposta mressqa lilu min-naħa ta’ Juventus. Il-ġimgħa li għaddiet għolliet kemxejn l-offerta tagħha lil Di Maria u hekk kif Barcellona jidhru li mhumiex verament interessati fih, kollox jindika li l-Arġentin se jkun qed jgħid iva lil Juventus.

Matthew Scerri