Posts

L-aġent: “Arthur irid jitlaq lil Juventus”

Federico Pastorello, li hu l-aġent ta’ Arthur, ikkonferma li hemm interess min-naħa ta’ Valencia fil-midfielder Brażiljan. Hu qal li jittama li jinstab ftehim għax Arthur irid jitlaq lil Juventus. Skont Pastorello, Arthur hu plejer tajjeb wisq biex joqgħod jara lill-oħrajn jilagħbu.

Matthew Scerri

X’qed jingħad dwar is-suq tat-trasferimenti Juventin

L-għidut dwar it-tim Juventin mhu jaqta’ xejn hekk kif is-suq tat-trasferimenti riesaq bil-mod il-mod lejn tmiemu. Fadal bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat u nofs, u jekk s’issa n-negozjati mxew b’pass kajman, issa t-timijiet iridu jibdew jiffinalizzaw l-akkwisti tagħhom. Juventus huma attivi ferm kemm mil-lat ta’ bejgħ ta’ plejers, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ plejers ġodda.

Il-plejers li probabbli jitilqu lil Juventus huma Rugani u Arthur. It-tnejn li huma għandhom paga għolja u Juventus lesti jneħħuhom peress li huma meqjusa biss bħala riservi ma’ Juventus. Arthur jinsab qrib ħafna li jingħaqad ma’ Valencia b’self. Rugani, mill-banda l-oħra, x’aktarx ikun mibjugħ. Galatasaray qed joffru 10 miljuni għalih, somma li Juventus lesti jaċċettaw. Rugani jinsab anki fil-mira ta’ klabbs Taljani bħal Empoli u Sampodoria, biss dawn mhumiex joffru daqs Galatasaray.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-akkwist, Juventus nafu li qed ifittxu playmaker, plejer max-xellug u attakkant. Nafu li hemm ftehim kemm ma’ Kostic kif ukoll ma’ Paredes, bil-plejers diġà aċċettaw l-offerta mressqa lilhom minn Juventus. Jonqos issa li Juventus jilħqu ftehim mal-klabb rispettiv tagħhom. Dwar l-attakkant hemm ħafna iktar inċertezza. Issemmew diversi plejers, b’Morata dejjem ikun indikat bħala l-favorit nett, għalkemm fil-verità Atletico ma tantx jidhru disposti jitilquh minn idejhom. Attakkanti oħra li qed jissemmew bħalissa huma: Muriel u Raspadori. Fl-aħħar tajjeb ngħidu li jekk verament jitlaq Rugani, hu probabbli li Juventus jixtru difensur ieħor, b’Milinkovic ta’ Fiorentina jkun il-kandidat prinċipali.

Matthew Scerri

Kostic imsemmi dejjem iktar b’saħħa ma’ Juventus

Juventus se jmorru b’saħħa għal Filip Kostic biex isaħħu n-nofs il-grawnd tagħhom u fuq kollox il-linja x-xellugija tat-tim. Qed ikun irrapurtat li fil-laqgħa tal-lbieraħ, Allegri qabel li jinxtara Kostic u allura d-diriġenti Bianconeri bdew mill-ewwel jaħdmu sabiex jinstab ftehim għall-akkwist tal-plejer Serb mingħand Eintracht Frankfurt. Il-klabb Ġermaniż għandu offerta ta’ madwar 14-il miljun Ewro mingħand West Ham. Juventus, mill-banda tagħhom, s’issa offrew 10 miljun flimkien ma’ bonuses. Hu ovvju li Juventus se jkollhom jgħollu xi ftit l-offerta tagħhom sabiex jiksbu l-ok mingħand Eintracht. Il-ftehim mal-plejer ilu li nstab min-naħa ta’ Juventus, ferm qabel West Ham bdew jinnegozjawh.

Matthew Scerri

Mistennija żviluppi dwar Kostic

Filip Kostic għadu qed jistenna lil Juventus. In-negozjati għall-akkwist tiegħu min-naħa ta’ West Ham jinsabu fi stadju avanzat, anzi skont diversi sorsi jonqos biss li Kostic jiffirma l-kuntratt. Madankollu l-plejer jidher li talab ftit taż-żmien biex jaħsibha sew. Din x’aktarx hi mossa għax Kostic jaf li fl-aħħar jumejn Juventus reġgħu għamlu kuntatt mal-aġent tiegħu. Juventus dejjem kienu l-ewwel preferenza ta’ Kostic u issa jidher li l-Bianconeri jinsabu deċiżi li jiftħu negozjati ma’ Eintracht biex jiksbu s-servizzi tiegħu. Is-sensazzjoni hi li dil-ġimgħa se nkunu nafu jekk Kostic huwiex se jilbes il-flokk ta’ West Ham jew inkella ta’ Juventus.

Matthew Scerri

Laqgħa biex jitfasslu l-istrateġiji Juventini għas-suq tat-trasferimenti

Qed ikun irrapurtat minn sorsi differenti li llum Massimiliano Allegri se jkun qed jiltaqa’ mad-diriġenza Bianconera sabiex flimkien jiflu u jiddiskutu l-istrateġiji għal dan l-aħħar xahar tas-suq tat-trasferimenti. Nafu li hemm xi plejers li jistgħu jitilqu lil Juventus (Rugani, Arthur) u allura jrid ikun deċiż min ġej minflokhom. Hemm anki l-injuries ta’ Pogba u McKennie li Juventus iridu janalizzaw għax, għalkemm mhumiex fit-tul daqskemm maħsub, xorta waħda jaf jirrikjedu li jinbidlu l-pjanijiet tal-klabb (bħal pereżempjun jinżamm xi ħaddieħor miż-żgħar minflok jiġi misluf). Fuq l-agenda hemm anki d-deċiżjoni dwar jekk Rovella, Fagioli u Miretti għandhomx jinżammu jew le. Finalment, se jkun diskuss ukoll liema huma l-akkwisti li għandhom isiru sabiex it-tim ikun verament komplut u kompetittiv. F’das-sens l-għidut tal-aħħar jiem kien li Juventus qed ifittxu playmaker (Paredes), plejer mal-linja x-xellugija (Kostic) u attakkant (Raspadori, Muriel, Mertens).

Matthew Scerri

Arthur lejn self ma’ Valencia

Hu probabbli ferm li Arthur iħalli lil Juventus biex jingħaqad b’self mat-tim ta’ Valencia. Gattuso jridu b’saħħa fit-tim tiegħu u qed jagħmel pressjoni mad-diriġenza tal-klabb Spanjol sabiex jiksbu lil Arthur. Il-Brażiljan, min-naħa tiegħu, mhux jopponi dat-trasferiment u l-klabbs qegħdin jitkellmu bejniethom biex isibu ftehim. Hemm qbil li Arthur jingħaqad ma’ Valencia b’self. Jidher li jonqos l-iktar dettall importanti li dwaru l-klabbs għadhom iridu jsibu qbil: kif se jaqsmu bejniethom il-ħlas tal-paga ta’ Arthur. Valencia qed jagħmluha ċara li ma jifilħux iħallsu l-paga li Arthur għandu ma’ Juventus u allura l-Bianconeri se jkollhom joħorġu d-differenza huma.

Matthew Scerri

Ikomplu l-kuntatti ta’ Juventus ma’ diversi attakkanti

Mhu jieqaf xejn l-għidut dwar l-akkwist ta’ attakkant ġdid min-naħa ta’ Juventus. Fl-aħħar sigħat l-ispekulazzjonijiet kienu marbutin l-iktar ma’ tliet plejers li jilagħbu fis-Serie A: Muriel, Mertens u Raspadori. Allegatament Juventus għamlu kuntatti ma’ dawn it-tliet plejers bil-għan li jitkixxfu sew dwar x’possibiltajiet hemm li jiksbuhom.

L-attakkant Kolombjan ta’ Atalanta hu plejer li ilu jissemma. Fil-bidu jidher li Atalanta riedu 20 miljun għalih, biss issa x’aktarx jinsabu disposti jaċċettaw 12-il miljun għalih, somma li jeħtieġu biex jixtru lil Pinamonti.

Mertens, mill-banda l-oħra, hu free agent. Diversi klabbs offrewlu kuntratt u fost dawn hemm anki Juventus. S’issa ma nafux eżattament kemm Juventus offrewlu. Hemm imma indikazzjonijiet li l-offerta Bianconera għal Mertens hi waħda għolja.

Fl-aħħar nett, Raspadori. Sa jumejn ilu kollox kien jindika li Raspadori se jingħaqad ma’ Napoli. Biss ilbieraħ filgħaxija jidher li Juventus għamlu kuntatt mal-aġent tiegħu u ffissaw appuntament ma’ Sassuolo. L-għan ta’ Juventus, dejjem skont dan l-għidut, hu li jaqbżu lil Napoli u jiksbu l-firma tal-attakkant Taljan.

Matthew Scerri

Konferma li Juventus u Napoli jridu lil Raspadori

Iċ-CEO ta’ Sassuolo, Giovanni Carnevali kkonferma li Juventus u Napoli jinsabu interessati li jiksbu s-servizzi ta’ Raspadori. Hu qal dan f’intervista mogħtija lil Il Giornale. Fi kliemu Sassuolo jixtiequ li tinstab soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun ħalli Sassuolo jkunu jistgħu jissetiljaw lit-tim tagħhom għall-istaġun 2022-23 li se jibda ġimagħtejn oħra.

Matthew Scerri

Min jista’ jkun il-viċi Vlahovic

Ilna ġimgħat nisimgħu u naqraw ħafna ghidut dwar il-Viċi Vlahovic. Juventus jeħtieġu attakkant ieħor żgur peress li neħħew lil Dybala u Morata, filwaqt li ġie biss plejer wieħed: Di Maria. Fl-iskwadra ta’ Allegri apparti Vlahovic u Di Maria hemm attakkant ieħor biss li hu Kean. Kaio Jorge fadallu barra minħabba injury serju. Pjaca se jitlaq b’self. Imbagħad hemm xi plejers tal-Under 23 (Da Graca, Ake, Soule) li ma jagħtux wisq garanziji. Insomma numerikament Juventus jeħtieġu attakkant ieħor biex ikollhom erba’ attakkant flimkien maż-żgħar tal-Under 23.

Huma diversi l-plejers li ssemmew u qed jissemmew ma’ Juventus. Għal żmien twil sar l-isem ta’ Arnautovic iżda s’issa Bologna qatt ma riedu jitilquh minn idejhom. Arrivabene ċaħad, imbagħad, li Juve jridu lura lil Morata imma ħafna mhux jemmnu, għalkemm biex ngħidu kollox dil-ġimgħa kellna l-aħbar li Atletico għarrfu lil Morata li se jibqa’ magħhom.

Issemmew fl-aħħar jiem Belotti u Mertens li qegħdin bla klabb, biss dan l-għidut ma tantx jidher li hu wieħed ta’ min joqgħod fuqu. L-istess jgħodd għal Depay, Martial, Muriel u Werner għax ma jidhirx li Juventus qatt kellmu l-klabbs rispettivi għalihom.

Plejer li nafu li Juventus tkellmu dwaru mal-klabb rispettiv hu Zaniolo. Roma pero’ qed jitolbu ħafna għalih. Għal xi żmien kien hemm ottimizmu dwar il-possibbilta’ li Zaniolo jingħaqad ma’ Juventus, biss issa li daħlu għalih anki Tottenham, hemm inċertezza sħiħa dwaru.

Fl-aħħar nett fil-jiem li għaddew intqal li Firmini jinsab qrib li jingħaqad ma’ Juventus. Anki f’dal-każ s’issa m’hemm ebda konferma li Juventus ressqu offerta lil Liverpool. Klopp stqarr pubblikament li Firmino hu plejer importanti għal Liverpool. Kliem li jixhed li r-Reds ma tantx huma disposti jbigħu lil Firmino.

Ħafna ismijiet imma s’issa għadu diffiċli li wieħed ibassar min se jkun l-attakkant il-ġdid ta’ Juventus. Nemmnu li xi ħadd jiġi żgur. Li rridu naraw hu jekk Juventus humiex se jmorru verament għal xi ħadd bl-istess karatteristiċi ta’ Vlahovic jew inkella jridux plejer li jilgħab b’mod different (bħalna huma Firmino u Zaniolo).

Matthew Scerri

Tliet plejers imsemmija minflok Alex Sandro

Alex Sandro fadallu sena kuntratt u żgur li l-kuntratt tiegħu mhux se jkun imġedded. Illum mingħajr dubju hu l-punt l-aktar dgħajjef tat-tim Juventini. Qed ikun irrapurtat li Juventus lesti jneħħuh immedjatament għalkemm mhux faċli minħabba li għandu paga ta’ 6 miljuni. Jekk jirnexxilhom isibulu tim ġdid, l-eredi tiegħu mistenni jkun wieħed bejn Destiny Udogie (Udinese), David Raum (Hoffenheim) jew Emerson Palmier (Chelsea). Udogie ilu jiġi msemmi u hu żgur l-aqwa talent Taljan f’dik il-pożizzjoni. Emerson Palmier ilu jiġi msemmi snin ma’ Juventus u jidher li hu plejer li anki hu qabad xi ftit jew wisq it-triq tan-niżla. Raum, imbagħad, hu isem ġdid. Għandu esperjenza vasta fil-Bundesliga u bħal ħafna plejers Ġermaniżi jabbina saħħa fiżika ma’ teknika tajba. Ta’ min jgħid, fl-aħħar, li l-akkwist ta’ wieħed minn dawn it-tlieta jista’ jkun possibbli anki jekk Sandro jibqa’ sena oħra ma’ Juventus. Nafu li Pellegrini għandu diversi offerti u jista’ jkun li Juventus ibigħuh biex jixtru full-back xellugi ġdid, b’Sandro jkun ir-riserva tiegħu.

Matthew Scerri