Qed jingħad minn kollox dwar Rabiot
Illum kellna aħbarijiet kuntrastanti dwar il-futur ta’ Adrien Rabiot. Il-ġurnata bdiet bl-aħbar li Manchester United fetħu negozjati mal-aġent ta’ Rabiot (li hi ommu stess). Il-klabb Ingliż, u b’mod partikolari l-kowċ tagħhom, ilhom iridu lil Rabiot mis-sajf li għadda u jidher li issa li se jinbidlu s-sidien tal-klabb, se jkollhom iktar riżorsi biex jibnu tim qawwi. Għalhekk reġa’ ssemma li Rabiot jista’ jingħaqad ma’ Manchester United.
Iktar tard matul il-ġurnata, il-media Taljana bdiet tirraporta li Rabiot innifsu ta l-kunsens tiegħu biex ommu taċċetta l-offerta ta’ Juventus għal kuntratt ta’ sena bl-istess paga li kellu fl-aħħar snin.
Fil-jiem li ġejjin suppost inkunu nafu x’se jiġri verament. Rabiot tal-aħħar sena hu plejer mill-aqwa li żgur jista’ jagħti kwalità lil nofs il-grawnd Juventin. L-ottimiżmu li jibqa’ qiegħed kulma jmur jikber, għalkemm, bħal dejjem, sakemm jiffirma kollox għadu possibbli.
Matthew Scerri