Posts

Milħuq ftehim biex Juventus jixtru lil Milik

Juventus u O. Marseille laħqu ftehim sabiex Milik isir kollu kemm hu plejer ta’ Juventus. Il-Bianconeri se jkunu qed iħallsu 6 miljun Ewro għalih, flimkien ma’ 1 miljun Ewro ieħor f’bonuses. Fis-sajf li għadda l-klabbs kienu qablu li Juventus setgħu jixtruh għal 7 miljuni flimkien ma’ 2 miljuni f’bonuses. Manna u Calvo rnexxilhom jikkonvinċu lil O. Marseille jbigħu lil Milik għal prezz inqas minn dak maqbul sena ilu.

Matthew Scerri

Juventus jistennew li jsiru jafu min se jibqa’

Apparti l-ħidma ta’ Manna biex il-plejers li ġewwa lura mis-self ma’ timijiet oħra, Juventus bħalissa qed jistennew xi risposti mingħand plejers li l-kuntratt tagħhom wasal fi tmiemu. Rabiot, Cuadrado u Milik jinsabu fil-pjanijiet ta’ Juventus, imma l-futur tagħhom ma jiddipendix biss minn Juventus. Il-kuntratti ta’ Rabiot u Cuadrado se jiskadu fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Juventus offrewlhom kuntratt ġdid ta’ sena kull wieħed u issa qed jistennew risposta mingħandhom. It-tnejn li huma għandhom offerti minn klabbs oħra u għaldaqstant mhuwiex mija fil-mija ċert li se jaċċettaw dak li qed joffrulhom Juventus. Milik, mill-banda l-oħra, mar lura ma’ O. Marseille wara li ntemm is-self tiegħu ta’ sena. Milik diġà stqarr pubblikament li jixtieq jibqa’ ma’ Juventus, biss issa rridu naraw x’se tkun id-deċiżjoni tal-klabb Franċiż. O. Marseille ma jridux jisilfuh lil Juventus għal sena oħra u allura Manna offrilhom li Juventus jixtruh għal kollox f’kundizzjonijiet differenti minn dawk maqbula sena ilu.

Ftit tal-jiem oħra u nkunu nafu jekk Rabiot, Cuadrado u Milik humiex se jibqgħu jilbsu l-flokk ta’ Juventus.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Tottenham xtraw lil Kulusevski għal kollox

Dejan Kulusevski hu kollu kemm hu plejer ta’ Tottenham. Il-perjodu ta’ self tiegħu wasal fi tmiemu u Tottenham issa ħallsu 30 miljun Ewro biex jixtruh għal kollox mingħand Juventus. Is-somma se titħallas f’sitt rati.

Matthew Scerri

L-ewwel il-bejgħ!

Manna, assistit minn Tognozzi, bħalissa għaddej b’ħidma intensiva bil-għan li jirnexxilu jbigħ jew jislef il-plejers li kienu mislufin u li m’għadhomx parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Qed nirreferu għal plejers bħal Arthur, Zakaria, Kulusevski u oħrajn.

Il-bejgħ ta’ dawn il-plejers mhux se jkun faċli, ovvjament, anki għax uħud minnhom ġejjin minn staġun kemxejn deludenti. Hawn trid tidher il-bravura ta’ Manna u Tognozzi. Interess fil-plejers jidher li hemm u l-uffiċċjali ta’ Juventus iridu jkunu bil-għaqal biżżejjed biex dak l-interess jibdluh f’opportunità vera ta’ trasferiment.

Il-pjanijiet ta’ Juventus ma jieqfux hawn. Qed ikun irrapurtat minn diversi sorsi li Elkann ta istruzzjonijiet sabiex il-klabb inaqqas l-operational costs tiegħu u dan jinkludi anki għażliet li jwasslu biex jonqsu l-pagi tal-plejers fit-tim. Mhux eskluż li plejers b’paga għolja bħal Szczesny u Alex Sandro jinbigħu. F’din l-ottika rridu nifhmu anki, pereżempju, għala Juventus ma xtrawx lil Milik għal kollox bil-prezz maqbul sena ilu. Milik kien u għadu plejer li Juventus japprezzaw, imma x’aktarx iridu jixtruh għal somma inqas jew inkella jippruvaw iġeddu s-self tiegħu għal sena oħra.

Jista’ jkun ukoll li jinbigħu xi stilel tat-tim bħal Chiesa jew Vlahovic jekk tasal offerta tassew kbira (s’issa imma ma jidhirx li hemm għalihom offerti sensazzjonali). Hawn ta’ min jgħid li Chiesa għandu kuntratt li jiskadi fl-2025 u allura Juventus das-sajf iridu jifhmu jekk il-winger Taljan iridx iġedded il-kuntratt ma’ Juventus bil-kundizzjonijiet tal-Bianconeri jew inkella għandux miri oħra (jekk dan ikun il-każ allura issa hu l-aqwa żmien għall-bejgħ tiegħu!)

Kif għidna, l-ewwel il-bejgħ. Juventus bħalissa ma tantx jidhru li qed jinnegozjaw l-akkwist ta’ plejers ġodda. L-unika eċċezzjoni hu Frattesi li għalih Juventus diġà kellhom żewġ laqgħat ma’ Sassuolo. Hu meqjus is-sostitut ideali għal Rabiot, imma hawn irridu ngħidu li hemm xnigħat li Juventus offrew anki kuntratt ġdid ta’ sena lill-Franċiż bl-istess paga li kellu fl-aħħar snin. Apparti Frattesi ma nafux li Juventus realment qed jippruvaw jixtru lil ħadd iktar.

Il-bejgħ fiċ-ċentru tal-attenzjoni tad-diriġenti Juventini. Il-bejgħ u t-tnaqqis tal-operational costs. Qed tissemma minn diversi sorsi s-somma ta’ 120-130 miljun Ewro li Juventus iridu jiffrankaw dis-sena. Ħadd ma spjega minfejn ħarġet dis-somma jew kif ġiet ikkalkulata. Hi x’inhi s-somma li Juventus iridu jiffrankaw, li hu żgur hu li, kif kien beda jagħmel Arrivabene, qed jinbidel l-operat ta’ Juventus: daqshekk infiq bla rażan; daqshekk pagi għoljin; tmexxija iktar għaqlija mil-lat finanzjarju; u klabb li jimmira li jkun self-sustainable filwaqt li jibqa’ kompetittiv.

Matthew Scerri

Ake misluf lil Dijon

Marley Ake telaq lil Juventus fl-aħħar mumenti tas-suq tat-trasferimenti. Hu rrifjuta kull offerta li waslitlu tant li kien maħsub li se jtemm il-kampjonat ma’ Juventus. Madankollu mbagħad bidel fehmtu u aċċetta li jingħaqad b’self ma’ Dijon sa Ġunju.

Matthew Scerri

Id-dettalji tat-trasferiment ta’ McKennie ma’ Leeds United

Weston McKennie llum se jkun qed jagħmel it-testijiet mediċi qabel jiffirma l-kuntratt ma’ Leeds United. Hu se jingħaqad magħhom b’self b’Leeds ikollhom id-dritt li jixtruh għal kollox fis-sajf għal 34 miljun Ewro. Id-dritt isir obbligu jekk Leeds ma jisfgħux delegati u McKennie jilgħab minn tal-inqas 10 partiti. Is-self se jkun imħallas 1.5 miljun Ewro. McKennie se jkun qed jaqla’ 4 miljuni fis-sena.

Matthew Scerri

Juventus aċċettaw l-offerta għal McKennie skont Allegri

Weston McKennie wasal fi tmiem l-avventura tiegħu ma’ Juventus. Allegri spjega li mhux se jkun mgħajjat għall-partita t’ghada kntra Monza minħabba raġunijiet marbuta mas-suq tat-trasferimenti. Żied li jidhirlu li Juventus laħqu ftehim mal-klabb xerrej (fl-aħħar jiem issemmew ħafna Leeds). Irridu issa naraw jekk McKennie huwiex se jaċċetta l-offerta li waslitlu.

Matthew Scerri

Nicolussi Caviglia lejn self ma’ Salernitana

Hans Nicolussi Caviglia mistenni jibdel it-tim tiegħu f’dax-xahar ta’ Jannar. Hu mistenni jingħaqad ma’ Salernitana b’self. Fis-sajf li għadda Juventus kienu silfuh lil Sudtirol. Issa jidher li Nicolussi Caviglia se jitlaq lit-tim tas-Serie B biex jagħmel esperjenza fis-Serie A ma’ Salernitana.

Matthew Scerri

Tinfetaħ is-sessjoni tax-xitwa tas-suq tat-trasferimenti

Illum infetħet b’mod uffiċjali s-sessjoni tax-xitwa tas-suq tat-trasferimenti. Il-klabbs tas-Serie A se jkunu jistgħu jixtru, ibigħu u jisilfu plejers sal-31 ta’ Jannar.

Min-naħa tagħhom ma jidhirx li Juventus se jkunu qed jixtru lil ħadd f’Jannar. Qed jissemma ħafna li jista’ jitlaq McKennie jekk tasal offerta ta’ madwar 35-40 miljun Ewro. Jekk McKennie verament jinbiegħ għal fis-somma, allura Juventus ikollhom il-flus biex forsi jagħmlu investiment mal-linja fejn nafu li das-sajf x’aktarx jitilqu Cuadrado u Alex Sandro.

Matthew Scerri

Imsemmi Mac Allister ma’ Juventus, iżda…

L-aħbar tal-ġurnata, kif mogħtija minn La Gazzetta dello Sport, hi li Alexis Mac Allister qal iva għall-offerta ta’ Juventus. L-aħbar ma sabitx konferma, anzi z-ziju tal-plejer stqarr li saru jafu li Juventus huma interessati fih mill-gazzetti. Brightin qed jitolbu somma bejn 35 u 40 miljun Ewro għalih. Jidher li hemm konkorrenza qawwija għalih, b’Liverpool, Tottenham, Chelsea u A.Madrid lesti jixtruh. Juventus, mill-banda tagħhom, ikunu jistgħu jixtru lil Mac Allister jekk ibigħu lil McKennie.

Matthew Scerri