Posts

Qed jingħad minn kollox dwar Rabiot

Illum kellna aħbarijiet kuntrastanti dwar il-futur ta’ Adrien Rabiot. Il-ġurnata bdiet bl-aħbar li Manchester United fetħu negozjati mal-aġent ta’ Rabiot (li hi ommu stess). Il-klabb Ingliż, u b’mod partikolari l-kowċ tagħhom, ilhom iridu lil Rabiot mis-sajf li għadda u jidher li issa li se jinbidlu s-sidien tal-klabb, se jkollhom iktar riżorsi biex jibnu tim qawwi. Għalhekk reġa’ ssemma li Rabiot jista’ jingħaqad ma’ Manchester United.

Iktar tard matul il-ġurnata, il-media Taljana bdiet tirraporta li Rabiot innifsu ta l-kunsens tiegħu biex ommu taċċetta l-offerta ta’ Juventus għal kuntratt ta’ sena bl-istess paga li kellu fl-aħħar snin.

Fil-jiem li ġejjin suppost inkunu nafu x’se jiġri verament. Rabiot tal-aħħar sena hu plejer mill-aqwa li żgur jista’ jagħti kwalità lil nofs il-grawnd Juventin. L-ottimiżmu li jibqa’ qiegħed kulma jmur jikber, għalkemm, bħal dejjem, sakemm jiffirma kollox għadu possibbli.

Matthew Scerri

It-trasferimenti uffiċjali ta’ Juventus s’issa

Plejers li ngħaqdu ma’ Juventus

IsemDettalji
Arkadiusz MilikJuventus xtrawh għal kollox mingħand O.Marseille għas-somma ta’ 6.3 miljun Ewro, liema somma se titħallas fi tliet rati. Hemm anki bonus ta’ 1.1 miljun Ewro favur O. Marseille. Milik iffirma kuntratt ma’ Juventus sat-30 ta’ Ġunju 2026.

Cambiaso, Pellegrini, Arthur, McKennie, Rovella, Zakaria, Aké u Pjaca ġew lura ma’ Juventus wara li ntemm il-perjodu ta’ self ma’ klabb ieħor.

Plejers mibjugħa

IsemDettalji
Angel Di MariaIntemmlu l-kuntratt.
Dejan KulusevskiTottenham għażlu li jixtru għal kollox lil Kulusevski u se jħallsu għalih 30 miljun Ewro. Il-pagamenti se jinqasmu f’sitt rati.
Leandro ParedesIntemm il-perjodu ta’ self u Juventus għażlu li ma jixtruhx għal kollox.

Nota: Qed jinġieb hawn kull tip ta’ ftehim ġdid li Juventus laħqu ma’ klabbs oħra wara l-15 ta’ Ġunju 2023. Mhux qed inniżżlu ftehim li sar ma’ klabbs oħra li nstab fis-snin li għaddew u li daħal fis-seħħ das-sajf.

Carnevali jispjega kif jinsabu l-affarijiet għal Frattesi

Ic-CEO ta’ Sassuolo, Carnevali, stqarr li hu kellu kuntatt ma’ Roma, Inter u Juventus dwar Frattesi. Skontu, Milan ma avviċinawx lil Sassuolo għal Frattesi minkejja li fuq il-gazzetti qed jinkiteb mod ieħor. Carnevali żied li Frattesi ma esprima ebda preferenza għal xi klabb partikulari. Qalilhom biss li jrid jibqa’ l-Italja. Ta’ min jgħid li Roma għandhom id-dritt li jdaħħlu 30% tas-somma tal-bejgħ ta’ Frattesi. Carnevali temm jgħid li Sassuolo m’għandhomx il-ħtieġa li jbigħu lil ħadd.

Matthew Scerri

Weah se jkun qed jagħmel it-testijiet mediċi l-ġimgħa d-dieħla

Il-ġimgħa d-dieħla, probabbli l-Ħamis, Timothy Weah se jkun qed jagħmel it-testijiet mediċi biex wara jiffirma kuntratt ma’ Juventus. Il-winger ta’ Lille se jingħaqad ma’ Juventus li se jħallsu għalih 10 miljun Ewro flimkien ma’ żewġ miljuni f’bonuses. Fil-pjanijiet ta’ Juventus, Weah se jkun l-eredi ta’ Juan Cuadrado.

Il-filmat t’hawn taħt jgħinna nibdew insiru nafuh:

Matthew Scerri

Uffiċjali: Paredes jitlaq lil Juventus

Wara Di Maria, Champion ieħor tad-dinja se jitlaq lil Juventus. Tħabbar, fil-fatt, b’mod uffiċjali li Juventus għażlu li ma jixtrux għal kollox lil Leandro Paredes. Hu għaldaqstant se jirritorna ma’ PSG.

Matthew Scerri

Futur inċert għal Chiesa ma’ Juventus

Irridu nippreparaw ruħna għal sajf mimli spekulazzjonijiet li jikkonċernaw il-futur ta’ Federico Chiesa. S’issa diġa’ smajna u qrajna ħafna dwaru. Bħas-soltu rridu noqogħdu attenti għax mhux kulma jinkiteb hu bilfors veru.

L-uniċi żewġ fatti vera huma: (1) Chiesa għandu kuntratt li jorbtu ma’ Juventus sal-2025; u (2) hemm diversi timijiet interessati fih. Għandna nifhmu li Juventus se jagħmlu minn kollox biex iżommuh anki billi joffrulu kuntratt ġdid. Hu ovvju li Juventus mhux se joffrulu paga fenomenali minħabba l-policy li jżommu l-pagi baxxi. Jekk verament Chiesa qed jitlob paga ta’ 8 miljuni, naħsbu li se jkun diffiċli għal Juventus li jikkuntentawh (sakemm fit-8 miljuni ma jkunux inklużi l-bonuses kollha u allura l-ħaġa tiġi fattibbli). Il-fatt li l-kuntratt attwali ta’ Chiesa jintemm fl-2025, hu evidenti li jekk das-sajf Juventus ma jilħqux ftehim mal-attakkant Taljan għat-tiġdid tal-kuntratt, probabbilment ma jkollhomx triq oħra ħlief li jbigħuh bil-għan li jevitaw li jitilfuh b’somma baxxa ħafna s-sena d-dieħla jew b’xejn is-sena ta’ wara.

L-interess minn klabbs oħra hu reali. Ma jistax ikun altrimenti. X’qed joffru verament, hu diffiċli li nkunu nafu. Il-klabbs tal-Premier League jidhru li huma l-iktar interessati u lesti joffru somma kbira (madwar 60 miljun) għalih. Bħal dejjem ir-rieda tal-plejer se tkun deċiżiva. Jekk hu għadu jemmen fil-proġett Juventin, konvinti li se jibqa’. Mill-banda l-oħra jekk dak li qed joffrulu Juventus (u mhux qed nitkellmu biss dwar flus) mhuwiex biżżejjed għalih, allura rridu nirrassenjaw ruħna li nitilfuh.

Matthew Scerri

L-aġent: “Cambiaso se jibqa’ ma’ Juventus”

Giovanni Bia, li hu l-aġent ta’ Andrea Cambiaso, kien mistieden illum fuq il-programm ‘Viola Amore Mio’ li jixxandar fuq Radio Firenze Viola. Hu sostna li 99.9% Cambiaso se jibqa’ ma’ Juventus das-sajf, għalkemm ikkonferma li Bologna u klabbs oħra urew interess fih. Ir-rieda ta’ Juventus, minn dak li ntqallu, hi li Cambiaso jkun qed jifforma parti mill-iskwadra ta’Allegri għas-sena d-dieħla.

Matthew Scerri

Taqtigħa kbira għall-akkwist ta’ Frattesi

Davide Frattesi hu l-plejer tal-mument fis-sens li fuqu bħalissa hemm l-attenzjoni tal-klabbs il-kbar tas-Serie A. Juventus, Inter, Milan u Roma jriduh b’saħħa. Fil-pjanijiet ta’ Juventus, Frattesi għandu jimla l-vojt li se jħalli Rabiot. Nafu li Manna kellu minn tal-inqas tliet laqgħat (ikkonfermati) ma’ Carnevali ta’ Sassuolo għalih. L-aħħar laqgħa saret ilbieraħ stess u jidher li Juventus riedu jkunu ċerti li għad m’hemmx ftehim definittiv bejn Sassuolo u Inter għall-midfielder Taljan. Skont il-gazzetti, Inter huma l-favoriti nett li jixtru lil Frattesi għal 35 miljun Ewro. Skont Carnevali, però, Sassuolo għalissa qed jisimgħu l-offerti ta’ kulħadd u għad m’hemmx tim li jinsab fuq quddiem f’dit-taqtigħa. Dejjem skont Carnevali, Sassuolo lesti jaċċettaw li jkun hemm tpartit ma’ plejers oħra. Hawn irridu nsemmu li allegatament Juventus qed joffru lil Soule’ u flus.

Apparti Juventus u Inter, hemm anki Milan u Roma li jridu lil Frattesi. Il-midfielder Taljan hu prodott tal-youths ta’ Roma u kollox jindika li għad għandhom id-dritt ta’ recompra fuqu (dejjem jekk ikunu għallinqas qed joffru daqs l-aqwa offerta minn klabbs oħra). Imbagħad hemm Milan li f’dawn is-sigħat qed ibigħu lil Tonali għal 80 miljun u allura se jkollhom il-flus biex iressqu offerta aqwa minn dik ta’ Inter.

Nagħlqu billi bħas-soltu nfakkru li Juventus, iktar minn qatt qabel, dis-sena se jkunu qed jinvestu b’mod iktar bil-għalaq u għaldaqstant iktar ma jogħlew l-ewwel minn klabbs oħra, iktar hu probabbli li Juventus ma jirnexxilhomx jiksbuh.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Di Maria jitlaq lil Juventus

Juventus illum sellmu b’mod uffiċjali lil Angel Di Maria li se jitlaq wara li ntemmlu l-kuntratt ta’ sena li ffirma fis-sajf li għadda. Il-kuntratt ta’ Di Maria mhux se jkun imġedded u issa l-istilla Arġentina se tkompli l-karriera tagħha ma’ Benfica jew ma’ xi klabb tal-MLS.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Milik hu kollu kemm hu plejer ta’ Juventus

Juventus ħabbru li xtraw lil Milik għal kollox mingħand O.Marseille. Is-somma li Juventus se jħallsu għalih hi a’ 6.3 miljun Ewro, liema somma se titħallas fi tliet rati. Hemm anki bonus ta’ 1.1 miljun Ewro li Juventus ikollhom iħallsu jekk jintlaħqu ċerti miri f’dan l-istaġun.

Matthew Scerri