Posts

Direttur ta’ Manchester United jinsab Turin għal Rabiot

Id-Direttur ta’ Manchester United, John Murtough jinsab Turin għal numru ta’ laqgħat sabiex il-klabb Ingliż jikseb is-servizzi ta’ Adrien Rabiot. Ilbieraħ hu kellu l-ewwel laqgħa ma’ Juventus, bil-partijiet ilhom li laħqu ftehim sabiex it-trasferiment iseħħ. Illum Murtough għandu jkollu laqgħa direttament mal-omm/aġent ta’ Rabiot bit-tama li jinstab ftehim mal-plejer innifsu. S’issa, milli nafu, Rabiot qed jitlob paga ta’ 10 miljuni fis-sena, somma li hi meqjusa għolja wisq min-naħa ta’ Manchester United. Il-partijiet se jkomplu jiddiskutu bejniethom bit-tama li jintlaħaq ftehim li jikkuntenta lil kulħadd.

Matthew Scerri

Pellegrini misluf lil Eintracht. Għada t-testijiet mediċi

Luca Pellegrini għada se jkun il-Ġermanja għat-testijiet mediċi mat-tim ta’ Eintracht Frankfurt. Hu se jkun qed jingħaqad magħhom b’self għal sena.

Matthew Scerri

Pellegrini lejn self ma’ Eintracht Frankfurt

Ilbieraħ Raffaella Pimenta kienet Turin u kellha laqgħa mad-diriġenza Juventina. Il-partijiet x’aktarx tkellmu dwar il-futur ta’ Kean u Pellegrini, it-tnejn li huma rrappreżentati proprju minn Pimenta. Hemm inċertezza sħiħa dwar il-futur ta’ Kean, filwaqt li Pellegrini għadu jissemma b’saħħa li se jitlaq lil Juventus fil-ġimgħat li ġejjin. Fis-Serie A jriduh b’self Atalanta, Sampdoria u Monza. Madankollu l-iktar destinazzjoni probabbli għalih hi l-Bundesliga fejn Eintracht Frankfurt jinsabu interessati fih biex isaħħu l-linja x-xellugija tagħhom li għadha kif iddgħajfet bil-bejgħ ta’ Kostic lil Juventus.

Matthew Scerri

Arthur-Valencia. Kollox wieqaf

M’hemm xejn ġdid dwar it-trasferiment ta’ Arthur b’self ma’ Valencia. In-negozjati bejn Juventus u l-klabb Spanjol jidhru weqfin bħalissa, bil-partijiet ma jirnexxilhomx isibu ftehim bejniethom. Il-kwistjoni kollha hi marbuta ma’ kif se tinqasam il-paga ta’ Arthur bejn iż-żewġ klabbs. Valencia lesti jħallsu sa massimu ta’ 25% tal-paga ta’ Arthur, filwaqt li Juventus qed jitolbuhom li jħallsu nofs il-paga. Valencia ma jridux jaċċettaw u allura kollox jinsab wieqaf. Probabbli li t-trasferiment, jekk iseħħ, ikun possibbli biss fl-aħħar jiem qabel jagħlaq is-suq tat-trasferimenti.

Matthew Scerri

L-attakk Juventin għadu rebus

Ilna ġimgħat nisimgħu u naqraw ismijiet ta’ attakkanti li jistgħu jingħaqdu ma’ Juventus. S’issa għadna biss b’Vlahovic u Kean bħala attakkanti puri, flimkien ma’ Di Maria u Chiesa (li Allegri stess qal li realistikament se jkun jista’ jagħtu sehmu minn Jannar ‘il quddiem). Das-sajf Juve neħħew lil Dybala u lil Morata, u għaldaqstant it-tim ta’ Allegri għandu bżonn attakkant ieħor.

Bħalissa l-ismijiet li qed isiru huma dawk ta’ Muriel u Depay. Għada l-aġenti ta’ Depay għandhom laqgħa ma’ Barcellona biex forsi jxolju l-kuntratt tal-Olandiż. Irridu ngħidu pero’ li Chelsea qed juru interess f’Aubameyang u qed ikun irrapurtat li Barcellona se jħallu jitlaq wieħed biss bejn Depay u Aubameyang.

Muriel hu l-Alternattiva għal Depay. Il-prezz tiegħu hu ta’ madwar 15-il miljun. Jekk Depay ma jinħallx mill-kuntratt tiegħu ma’ Barcellona, Juventus se jmorru għal Muriel.

Intant qed jerġa’ jissemma li Kean se jitlaq lil Juventus. Dan mhux faċli daqskemm ħafna jaħsbu peress li Kean jinsab misluf mingħand Everton u barra minn hekk Kean hu meqjus bħala hone grown player u allura jaf ikun utli għal Juventus minħabba l-lista taċ-Champions League.

Matthew Scerri

Juventus f’kuntatti mal-aġenti ta’ Depay

L-attakkant il-ġdid ta’ Juventus jista’ jkun Memphis Depay. Jirriżulta li Juventus tkellmu mal-aġenti tiegħu u offrewlu kuntratt ta’ sentejn. S’issa jidher li għadu ma nstab ebda ftehim bejn Depay u Juventus minħabba li l-Olandiż qed jitlob paga għolja. Madankollu jidher li hemm ottimizmu qawwi li l-partijiet jistgħu jsibu ftehim bejniethom. Qabel, iżda, Depay irid ixolji l-kuntratt li għandu ma’ Barcellona, ħaġa li hi probabbli ferm peress li l-klabb Spanjol jeħtieġ inaqqas il-pagi tat-tim tiegħu biex ikun jista’ jirreġistra l-plejers l-ġodda li xtraw.

Matthew Scerri

Kostic mistenni jasal Turin illejla

Filip Kostic jista’ jitqies bħala plejer ġdid ta’ Juventus. Fi stqarrija Eintracht Frankfurt ikkonfermaw li Kostic mhux se jkun qed jilgħab għada kontra Real Madrid fis-Super Cup tal-Ewropa. Skont id-Direttur għall-Isport ta’ Eintracht, Markus Krösche din id-deċiżjoni ttieħdet wara talba min-naħa ta’ klabb li qed jinnegozja l-akkwist ta’ Kostic. Għalkemm ma semmihx, il-klabb hu ovvjament Juventus. Illejla Kostic se jasal Turin biex għada jsirulu t-testijiet mediċi u jkun jista’ jibda jittrenja taħt id-direzzjoni ta’ Allegri u l-istaff tiegħu.

Matthew Scerri

X’qed joffru Manchester United għal Rabiot

Qed ikun irrapurtat li Manchester United lesti jħallsu 18-il miljun Ewro flimkien ma’ 2 miljuni oħra f’bonuses. Ftehim ferm tajjeb, speċjalment meta wieħed iqis li s-sena d-dieħla jasal fi tmiemu l-kuntratt ta’ Rabiot ma’ Juventus. Milli jidher jonqos biss li Manchester United jilħqu ftehim mal-plejer innifsu, ħaġa li ma tidhirx verament diffiċli.

Il-flus li Juventus se jkunu qed idaħħlu, se jiġu investiti fl-akkwist ta’ plejer jew plejers f’nofs il-grawnd. Paredes ilu jissemma, filwaqt li fl-aħħar jumejn bdejna nisimgħu li Juventus għamlu kuntatt ma’ Sassuolo sabiex jixtru lil Frattesi. Dawn jew xi ħadddieħor mistennija jingħaqdu ma’ Juventus biex isaħħu nofs il-grawnd tat-tim ta’ Allegri.

Matthew Scerri

Ftehim fil-qrib għal Kostic

Juventus jinsabu pass ‘il bogħod milli jilħqu ftehim ma’ Eintracht Frankfurt għal Filip Kostic. Il-klabbs resqin bil-mod il-mod lejn ftehim definittiv li għandu jkun madwar il-15 miljun Ewro. Hu maħsub li llum il-klabbs se jkunu qed jiffinalizzaw il-ftehim, b’Kostic ikun jista’ jivvjaġġa lejn Turin għat-testijiet mediċi.

Matthew Scerri

Manchester United miftehma ma’ Juventus biex jixtru lil Rabiot

Fl-Ingilterra qed jirrapurtaw li Manchester United laħqu ftehim ma’ Juventus biex jiksbu lil Adrien Rabiot. L-aħbar qed tingħata minn The Athletic u minn Sky Sport Uk. Issa r-Red Devils jinsabu f’taħdidiet ma’ omm Adrien, Veronique li hi l-aġent tal-midfielder Juventin. Rabiot fadallu sena biss kuntratt u allura Juventus għandhom kull interess li jbigħuh issa minflok iħalluh jitlaqhom b’xejn is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri