Posts

Nedved jikkonferma li Juventus qed jikkunsidraw aktar akkwisti

Intervistat qabel Sampdoria-Juventus, Pavel Nedved kellu l-opportunita’ li jitkellem fost l-oħrajn dwar is-suq tat-trasferimenti. Fi kliemu m’għandux ikun hemm għaġla, anzi għandha tiġi miflija sew is-sitwazzjoni biex wieħed jifhem x’qed joffri s-suq. “Fil-verita’ s-suq mhuwiex joffri wisq. Irridu nifhmu sew x’inhi l-ħtieġa. Ovvjament, meta naraw it-tim tal-lejla u l-injuries, qed nikkunsidraw serjament li nagħmlu xi nkunu attivi fis-suq tat-trasferimenti,” sostna Nedved. Hu kkonferma li Juventus qed jikkunsidraw li jieħdu lil Depay għax “apparti li jista’ jilgħab flimkien ma’ Vlahovic u Kean, ma’ Barcellona wera li jaf jilgħab anki bħala attakkant estern. Pero’ hu biss wieħed mill-plejers li qed nikkunsidraw, kif inhu xieraq li jkun”.

Matthew Scerri

Juventus jistennew lil Depay imma intant laħqu ftehim għal Milik

It-trasferiment ta’ Memphis Depay ma’ Juventus m’għadux daqshekk ċert daqskemm kien maħsub ftit tal-jiem ili. Allegatament Depay qed jitlob paga ogħla lil Juventus minn dak li kien maqbul bejn il-partijiet fil-ġimgħat li għaddew. X’aktarx Depay għandu offerti mingħand Tottenham u Newcastle bil-konsegwenza li issa hu jista’ jitlob paga aħjar lil Juventus. Depay jibqa’ l-ewwel għażla ta’ Juventus, biss nafu kemm din id-diriġenza hi tal-punt u żgur li mhux se tippermetti sitwazzjoni fejn l-attakkant jitlob iktar minn dak li kien diġà aċċetta verbalment. Barra minn hekk Juventus għandhom id-dubji tagħhom dwar kemm jaqblilhom verament jiffirmaw lil Depya ladarba n-nefqa qed titla’ drastikament għal attakkant li fil-pjanijiet tal-klabb għandu jkun biss riserva. Għaldaqstant Juventus għamlu kuntatt ma’ O.Marseille u allegatament hem qbil magħhom għal Milik. O.Marseille lesti jisilfu lil Milik lil Juventus, bil-Bianconeri jkollhom id-dritt li jixtruh għal kollox għal 10 miljuni s-sena d-dieħla. Barra minn hekk Milik lest jiffirma għal 3.5 miljun Ewro fis-sena. Issa rridu naraw x’se tkun il-mossa li jmiss. Probabbli li Juventus se jistennew jumejn-tlieta lil Depay bit-tama li hu jinżel mit-talbiet tiegħu personali. Jekk ikun hekk, u dejjem jekk Depay jinħeles mill-kuntratt li għandu ma’ Barcellona, Juventus ikunu jistgħu jiffirmaw lill-attakkant Olandiż. F’każ kuntrarju, jiġifieri jekk Depay jibqa’ jitlob paga għolja wisq, allura Juventus jieħdu lil Milik.

Matthew Scerri

Depay-Juventus. Trasferiment allegatament fil-qrib

Kuljum naqraw u nisimgħu li Memphis Depay se jkun qed jingħaqad ma’ Juventus f’temp ta’ 24 siegħa. L-indikazzjonijiet huma li Juventus jinsabu tassew qrib li jiksbu lil Depay u, bħal fil-każ ta’ Pogba u Di Maria, irid ikollna paċenzja. Depay hu miftiehem ma’ Juventus biex jiffirma kuntratt ta’ sentejn b’paga ta’ 6 miljuni (bonuses inklużi). Illum kien hemm l-għidut li Depay talab paga għola lil Juventus fl-aħħar sigħat, biss ma nafux kemm hu attendibbli dawn l-aħbarijiet. Hemm iktar ċertezza dwar il-fatt li Depay qed jinnegozja ma’ Barcellona ftehim sabiex il-kuntratt tiegħu jkun itterminat qabel iż-żmien. Anki hawn kellna għidut li Barcellona lesti jħallu lil Depay jitlaq biss iridu kumpens żgħir mingħand Juventus: ħlas ta’ 2-3 miljuni; jew inkella li Juventus jaċċettaw li ma jingħatawx mingħand Barcellona xi bonuses marbutin mat-trasferiment ta’ Pjanic. Dan l-għidut ukoll ma nafux kemm hu attendibbli għax sa jumejn ilu dejjem intqal li l-ftehim bejn Juventus u Depay kien li l-Olandiż kellu jinħall b’xejn mill-kuntratt li għandu ma’ Barcellona. L-impressjoni f’dan l-istadju hu li rridu nistennew ftit ieħor qabel naraw lil Depay ma’ Juventus. Ħsibna li kien se jkun ma’ Juventus għall-partita kontra Sampdoria … issa nittamaw li jkun jista’ jilgħab kontra Roma.

Matthew Scerri

Min jista’ jitlaq min-nofs il-grawnd Juventin

Diversi plejers fin-nofs il-grawnd ta’ Juventus mhumiex ċerti li finalment se jibqgħu tassew ma’ Juventus. Nafu li Rabiot mhux se jkun qed jingħaqad ma’ Manchester United. Juventus kienu qed jittamaw li jbigħuh sabiex jagħmlu l-wisa’ għal Leandro Paredes. Il-midfielder ta’ PSG hu objettiv ewlieni biex jissaħħaħ nofs il-grawnd ta’ Juventus u għaldaqstant jista’ jkun li, f’każ ta’ offerta tajba, Juventus jagħżlu li jbigħu lil Zakaria jew McKennie bil-għan li jkunu jistgħu jiffirmaw lil Paredes. Fil-verità s’issa ma nafux li kien hemm offerti tajbin wisq għat-tnejn li huma, għalkemm spiss smajna li Tottenham huma interessati ferm f’McKennie. Barra minn hekk it-tnejn li huma s’issa urew li jgawdu mill-fiduċja sħiħa ta’ Allegri. ta’ min isemmi mbagħad li hemm Arthur, plejer li mhuwiex fil-pjanijiet ta’ Allegri, imma jiswa wisq għall-ftit klabbs li urew l-interess li jiksbu s-servizzi tiegħu. F’dan l-istadju kollox jindika li Arthur mhux se jkun jista’ jitlaq lil Juventus das-sajf, dejjem sakemm ma tinqalax xi offerta xi ftit jew wisq konvenjenti għal kulħadd fl-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti.

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żgħar, l-indikazzjonijiet huma li l-plejer li l-aktar ikkonvinċa lil Allegri hu Miretti. Fagioli wkoll mistenni jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm Cremonese u Sampdoria kemm-il darba ħabbtu l-bieb ta’ Juventus biex jiksbu lill-midfielder Taljan b’self. Rovella, imbagħad, hu dejjem iktar probabbli li jingħaqad b’self ma’ Monza.

Matthew Scerri

Filmat: Insiru nafu lil Tommaso Mancini

Juventus jidhru li kisbu l-attakkant ferm promettenti ta’ Vicenza, Tommaso Mancini. Dal-filmat jgħinna nibdew insiru nafu xi ftit.

Pjaca għadu Turin

Mhuwiex Rabiot biss l-uniku plejer li Juventus sabu l-bejgħ tiegħu u li ma jridx jitlaq. Anki Pjaca rrifjuta t-trasferiment ma’ Sampdoria b’self. Mhux magħruf eżatt għala Pjaca ma jridx jilgħab għal Sampdoria. Li hu żgur hu li hu rrifjuta li jmur magħhom u bħalissa qed jittrenja mal-Under 23 sakemm jinstablu tim ieħor li jridu.

Matthew Scerri

Rabiot-Manchester United. Sfaxxa kollox?

Rapporti li ħarġu fl-aħħar sigħat jindikaw li Manchester United mhux se jkunu qed jixtru lil Adrien Rabiot mingħand Juventus. Il-klabbs ilhom li laħqu ftehim bejniethom, biss il-klabb Ingliż ma jistax isib ftehim mal-plejer innifsu. Allegatament Rabiot talab paga ta’ 10 miljuni fis-sena, somma li Manchester United qed isiqu li hi eċċessiva. Barra minn hekk Rabiot ma tantx huwa konvint li jmur jilgħab ma’ Manchester United minħabba l-fatt li huma mhux se jkunu qed jilagħbu fiċ-Champions League dis-sena.

L-aħbar mhix ovvjament tajba għal Juventus li għandhom kull interess li jbigħu lil Rabiot hekk kif is-sena d-dieħla jintemmlu l-kuntratt u jkun jista’ jitlaq b’xejn. Id-deal ma’ Manchester Unitd hu wieħed tajjeb għax kien ta’ madwar 20 miljun Ewro bonuses inklużi. Ta’ min iżid ukoll li fil-pjanijiet ta’ Juventus kien hemm li Rabiot jagħmel il-wisa’ lil Paredes. Ma nafux issa jekk Juventus humiex xorta waħda se jiksbu lil Paredes.

Matthew Scerri

Il-ġimgħa ta’ Paredes u Depay?

Ħafna qed ibassru li dil-ġimgħa Juventus se jkunu qed jiskbu lil Paredes u lil Depay biex isaħħu n-nofs il-grawnd u l-attakk tagħhom. Mat-tnejn li huma allegatament hemm qbil fuq kollox. Depay bħalissa qed jinnegozja ma’ Barcellona sabiex il-kuntratt tiegħu ikun itterminat qabel iż-żmien. Ladarba l-ftehim ma’ Barcellona jkun instab, Depay ikun jista’ jmur Turin għat-testijiet mediċi u l-firma tal-kuntratt ma’ Juventus. Paredes, mill-banda l-oħra, ilbieraħ għamilha ċara pubblikament li jrid jingħaqad ma’ Juventus hekk kif fuq is-social media tella’ ritratt tiegħu qed jara l-partita Juventus-Sassuolo. Barra minn hekk Galtier stqarr ftit tal-jiem ilu li Paredes x’aktarx jitlaq lil PSG minħabba li jrid jilgħab iktar. Juventus qed jiddiskutu ma’ PSG wara li allegatament diġà qablu fuq kollox ma’ Paredes innifsu. Juventus iriduh b’self għal sena bid-dritt jew l-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla. PSG jidhru disposti li jikkuntentaw kemm lil Paredes kif ukoll lil Juventus. Fil-fatt Paredes hu wieħed mill-ħafna plejers fl-iskwadra tagħhom li PSG qed jikkunsidraw bħala ‘żejda’ u mhux indispensabbli għat-tim. Ovvjament Juventus qed jittamaw li Rabiot jinbigħ lil Manchester United biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu l-wisa’ għall-akkwist ta’ Paredes.

Matthew Scerri

Rovella probabbli jkun misluf lil xi tim tas-Serie A

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ lejlet Juventus-Sassuolo, Allegri stqarr li għad irid ikun deċiż liema mill-plejers żgħar ta’ Juventus se jiġi misluf lil xi tim ieħor. Fi kliem Allegri hu inutli li jibqgħu kollha la mhux se jkunu jistgħu jilagħbu spiss. Il-plejer li x’aktarx se jkun qed jitlaq lil Juventus hu Nicolò Rovella. Fagioli u Miretti huma home grown player, filwaqt li Rovella mhuwiex. Għal raġunijiet prattiċi, għaldaqstant, Rovella x’aktarx se jiġi. Jekk jibqa’ jispiċċa jokkupa post fil-lista taċ-Champions League jew inkella jkollu jitħalla barra minnha. Kif għidna, Fagioli u Miretti m’għandhomx dil-problema. Rovella jinsab fil-mira ta’ diversi klabbs tas-Serie A. Monza huma l-iktar li qed jissemmew, għalkemm hemm klabbs oħra li qed isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni u jaf finalment ikunu jistgħu jiggarantulu post fiss mal-ewwel ħdax tat-tim tagħhom (Monza, mill-banda l-oħra, għandhom ħafna plejers f’nofs il-grawnd u jista’ jkun li Juventus ma jaqblilhomx jagħtuh lil Monza minħabba li Rovella jkun jista’ jnaqqas l-ispazju disponibbli għal Ranocchia).

Matthew Scerri

Uffiċjali: Pellegrini misluf lil Eintracht Frankfurt

Luca Pellegrini se jkun qed jilgħab ma’ Eintracht Frankfurt f’dan l-istaġun. It-trasferiment b’self għal sena hu issa uffiċjali. M’hemm ebda indikazzjoni fl-istqarrija ta’ Juventus li Eintracht għandhom xi dritt jew obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri