Posts

Aħbarijiet xejn sbieħ mill-aġent ta’ Locatelli

Sportitalia ħadu kumment mingħand l-aġent ta’ Locatelli, Stefano Castelnovo. Hu stqarr: “Fl-Italja bħalissa ħadd m’għandu l-flus biex jixtrih.” Din hi konferma li Sassuolo verament qed jitolbu prezz għoli ħafna għal Locatelli (dan l-aħħar issemmiet is-somma ta’ 40 miljun).

Matthew Scerri

Juventus lesti jagħtu kumpens lil Barcellona għal Suarez

Luis Suarez jidher li jinsab tassew qrib li jsir plejer ta’ Juventus. Sky taw l-aħbar li, wara li nstab ftehim mal-plejer innifsu, Juventus qabbdu lill-aġent tiegħu jgħarraf lil Barcellona li lesti jħallsu somma żgħira bħala kumpens lill-klabb Spanjol. Il-kumpens se jkun f’forma ta’ bonuses li jitħallsu fis-sajf 2021 skont ir-riżultati miksuba mit-tim u l-wirjiet ta’ Suarez innifsu.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Brighenti ma’ Juventus U23

Juventus Under 23 għandhom attakkant ġdid. Fil-fatt inxtara l-attakkant ta’ Monza, Andrea Birghenti. Hu attakkant espert li jaf sew il-kampjonat tas-Serie C u allura jista’ jgħin lit-tim Juventin jipprova jitla’ fis-Serie B.

Matthew Scerri

X’qed jingħad dwar l-allegat ftehim bejn Suarez u Juventus

Il-ftehim bejn Suarez u Juventus li tant qrajna dwaru dal-lejl jidher li jikkonsisti f’kuntratt ta’ sentejn b’paga ta’ 8 miljuni fis-sena, apparti performance bonuses oħra. Dawn huma x-xnigħat biss, tajjeb li nkunu ċara dwar dan. Hemm anki għidut li Suarez diġà għamel xi testijiet mediċi peress li Juventus riedu jkunu ċerti li m’għandux injuries li jistgħu jtellfuh parti kbira mill-istaġun. Jidher li kollox mar sew u għalhekk Juventus għaddew biex jitkellmu miegħu dwar il-paga. Issa jingħad li kollox lest. Jonqos biss li Suarez ixolji l-kuntratt ma’ Barcellona, filwaqt li Juventus jilħqu ftehim ma’ Higuain biex jintemmlu l-kuntratt immedjatament.

Matthew Scerri

Dejjem iktar probabbli r-ritorn ta’ Kean

Kulma jmur hu dejjem iktar probabbli li Moise Kean jirritorna ma’ Juventus. Il-Bianconeri jinsabu f’taħdidiet ma’ Everton fuq il-bażi ta’ self għal sentejn bl-obbligu li jixtruh għal kollox fl-2022. Everton jinsabu interessati anki għax Kean ma kellux staġun tajjeb magħhom.

Matthew Scerri

Roma jirrifjutaw offerta kbira għal Zaniolo

Hu fatt magħruf li Zaniolo hu fil-pjanijiet ta’ Juventus … u mhux biss. Ħafna klabbs iriduh b’saħħa. Tottenham, pereżempju, ressqu offerta għalih ta’ 50 miljun Ewro flimkien ma’ 10 miljuni oħra f’bonuses. Roma, però, ma laqgħux l-offerta u minflok qed ikomplu għaddejjin bit-taħdidiet mal-plejer biex jikkonvinċuh jiffirma kuntratt ġdid.

Matthew Scerri

Commisso: “Qatt ma kellna offerti għal Chiesa”

Rocco Commisso tkellem dwar Federico Chiesa waqt il-programm Salotto dello Sport imxandar fuq RTV38. Commisso sostna li Fiorentina qatt ma rċevew offerti għal Chiesa. Hu tenna li wiegħed lil Chiesa li jekk tasal offerta tajba għal kulħadd, Fiorentina se jħalluh jitlaq. F’dan l-istadju, però, mhuwiex eskluż li se jibqa’ ma’ Fiorentina. Intant, però, diversi gazzetti qed jirrapurtaw li Milan qed jitħajru jressqu offerta għalih u allura jista’ jkun hemm żviluppi fil-jiem li ġejjin.

Matthew Scerri

Konfermi minn ħu Higuain

Nicolas Higuain, ħu l-attakkant Juventin, ikkonferma li l-Pipita se jkun qed jitlaq lil Juventus u mhux se jilgħab iktar fis-Serie A. F’intervista mogħtija lil Tuttosport, Nicolas Higuain sostna li apprezza ħafna s-sinċerità ta’ Pirlo u issa għaddejjin taħdidiet ma’ Juventus sabiex ikun annullat il-kuntratt. “Ħsibna li Pirlo kien se jagħtih ċans, plejers li skurja 350 gowl, imma minflok affaċċjah biex jgħidulu li ma kienx parti mill-proġett. Apprezzajna t-trasparenza tiegħu. Issa rridu nilħqu ftehim ma’ Juventus u mhux se jkun hemm problemi għax għandna rapport tajjeb ħafna. Irċevejna ħafna offerti imma l-ebda waħda verament eċitanti,” kien il-kliem ta’ Nicolas.

Matthew Scerri

Higuain għandu ftehim ma’ Inter Miami

Tyc Sports qed jirrapurtaw li t-telefonata ta’ Beckham lil Higuain wasslet biex instab ftehim ħalli l-attakkant Arġentin jagħżel li jilgħab għal Inter Miami. Allegatament kemm diġà ftehim bejn Higuain u l-klabb Amerikan għal kuntratt ta’ sentejn. Issa jifdal biss li Higuain isib ftehim ma’ Juventus biex ixolji l-kuntratt.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Zanimacchia misluf lil Real Saragoza

Il-klabb Spanjol ta’ Real Saragoza ħabbar uffiċjalment li kiseb lil Zanimacchia b’self mingħand Juventus. Huma se jkollhom id-dritt li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri