Posts

Agnelli: “Għandna protokoll ċar u aħna nimxu miegħu”

https://www.youtube.com/watch?v=dx0oOwvZiEU

Il-Lega ttenni: “Juventus-Napoli trid tintlagħab illejla”

Il-Lega Calcio ħareġ stqarrija oħra b’rabta mat-talba ta’ Napoli biex il-partita tal-lejla tkun posposta. Skont il-Lega, id-dokumenti li għaddewlhom Napoli ma jippruvawx li l-awtoritajiet lokali jew nazzjonali ordnawlhom biex ma jmorrux Turin jilagħbu l-partita. Skont il-Lega fid-dokumenti li ġew mgħoddija lilha, l-awtoritajiet tar-reġjun tal-Campania ordnaw li jkunu taħt kwarantina l-‘contatti stretti’ ta’ Zielinski u Elmas (biex niftehmu dawk il-kuntatti huma l-qraba u mhxu il-plejers l-oħra tat-tim skont ma kien ġiet stipulat mill-Kumitat Tekniku-Xjentifiku u l-Ministeru tas-Saħħa). Fl-istqarrija tal-Lega naqraw li r-regoli jridu jiġu rispetti minħabba kwistjoni ta’ lealtà sportiva u anki sabiex kulħadd ikun ittrattat bl-istess mod. Issemmew il-każijiet ta’ plejers pożittivi f’timijiet oħra, liema timijiet xorta niżlu għal-logħob. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, Juventus-Napoli trid tintlagħab illejla.

Matthew Scerri

Rebħa Walkover?

Ir-regolamenti huma ċari u kienu maqbula dil-ġimgħa stess waqt laqgħa tal-Lega Calcio: il-partiti ma jistgħux jitħassru sakemm tim ikollu tlettax-il plejer li jistgħu jinżlu fil-grawnd. Kull tim għandu d-dritt li darba fis-sena jitlob li partita titħassar jekk ikollu minn tal-inqas għaxar plejer bil-Covid. Ir-regolamenti jgħidu ukoll li dar-regoli ma jgħoddux biss jekk ikun hemm ordni min-naħa ta’ awtoritajiet lokali jew nazzjonali biex partita ma tintlagħabx.

Minn dak li nafu s’issa, Napoli għandhom biss żewġ plejers pożittivi u l-ebda awtorità ma ħarġet ordni biex it-tim ma jmurx Turin għall-partita tal-lejla. Il-Lega Calcio kkonfermat li l-partita se tintlagħab b’mod regolari. Fi kliem ieħor jekk Napoli llejla ma jkunu Turin għall-partita, huma se jkunu qed jingħataw telfa walkover ta’ 3-0.

Matthew Scerri

Żewġ ħaddiema ta’ Juventus pożittivi għall-Covid-19

Juventus ħabbru li żewġ persuni li jaħdmu magħhom (li mhumiex la plejers u wisq inqas membri tal-istaff tekniku jew mediku) instabu pożittivi għall-Covid-19. It-tim bħalissa jinsab f’iżolament b’mod prekawzjonali.

Matthew Scerri

22 każ fit-tim ta’ Genoa

L-imxija tal-Covid-19 fit-tim ta’ Genoa ma tafx waqfien. Illum tħabbar li hemm tliet plejers oħra li nstabu pożittivi għall-virus. Il-plejers huma: Davide Biraschi, Domenico Criscito u Darian Males. B’kollox hemm 22 persuna infettata fit-tim ta’ Genoa. F’dan l-istadju nemmnu li hu tassew diffiċli li wieħed ibassar meta Genoa se jkunu jistgħu jerġgħu jilagħbu peress li nafu li l-kwarantina ddum erbatax-il ġurnata imma jaf ikun il-każ li ċerta plejers idumu ma jfiequ (Boga ta’ Sassuolo, pereżempju, ilu 40 jum marid, l-istess bħalma kien ġara lil Dybala).

Matthew Scerri

Ieħor ta’ Napoli pożittiv!

Plejer ieħor ta’ Napoli, Elmas, instab pożittiv għall-Covid-19 u hekk issa l-każijiet fit-tim ta’ Napoli telgħu għal tlieta. Sa ftit tal-ħin ilu Napoli kien ħabbru li ħadd ma nstab pożittiv biss kien fadalilhom jistennew erba’ riżultati. Minn dawn l-erba’ kien hemm Elmas. Għada f’Turin se jerġgħu jsiru swab tests lill-plejers kollha ta’ Napoli.

Matthew Scerri

Tnejn ta’ Napoli pożittivi għall-Covid-19

Napoli ħabbru li Zielinski u membru tal-istaff tekniku nstabu pożittivi għall-Covid-19 wara t-testijiet li sarulhom lbieraħ. Għada se jsiru aktar testijiet qabel it-tim ta’ Napoli jibda jivvjaġġa lejn Turin.

Matthew Scerri

Bidla fil-protokoll tas-Serie A

Illum ġie deċiż li l-partiti tas-Serie A se jintlagħbu dejjem sakemm it-timijiet ikollhom minn tal-inqas tlettax-il plejer mingħajr Covid-19. Din hi l-istess regola li l-Uefa qed tadotta għall-kompetizzjonijiet Ewropej. Jekk tim jirrifjuta li jilgħab minkejja li jkollhom tlettax-il plejer f’siktu, allura dak it-tim jingħata telfa walk-over ta’ 3-0. Ta min jgħid ukoll li kull tim tas-Serie A se jkollu l-possibbiltà li għal darba waħda biss fl-istaġun jitlob li partita tiġi posposta jekk ikollhom għaxra jew iktar plejers infettati bil-Covid.

Matthew Scerri

Tħassret Genoa-Torino

Genoa-Torino mhux se tintlagħab nhar is-Sibt. Il-Lega Calcio ddeċidiet li tipposponi l-partita minħabba li fit-tim ta’ Genoa hemm 15-il persuna (12 minnhom plejers) li huma pożittivi għall-Covid-19. Sal-bieraħ kienu 14 il-persuni infettati, imma magħhom żdied illum anki Destro.

Matthew Scerri

Issa hemm 15-il każ ta’ Covid fit-tim ta’ Genoa

Il-każijiet ta’ Covid fit-tim ta’ Genoa telgħu għal ħmistax. Fi stqarrija l-klabb żvela l-ismijiet tal-plejers u l-membri tal-istaff li jinsabu pożittivi. Dawn huma: Valon Behrami, Francesco Cassata, Lukas Lerager, Federico Marchetti, Filippo Melegoni, Luca Pellegrini, Mattia Perin, Marko Pjaca, Ivan Radovanovic, Lasse Schöne u Davide Zappacosta. Apparti dawn il-ħdax-il plejer, hemm anki erba’ membri mill-istaff tat-tim: Pietro Cistaro, Alessandro Donato, Pietro Gatto u Matteo Perasso.

Matthew Scerri