Posts

El Shaarawy ittestja pożittiv. It-tim nazzjonali jieħu l-passi meħtieġa

It-tabib tat-tim nazzjonali Taljan ħabbar uffiċjalment li Stephan El Shaarawy ittestja pożittiv għall-Covid. Skont Dr. Ferretti jista’ jkun li hu każ ta’ “falso positivo” peress li t-test tad-demm jidher li ta’ riżultat negattiv għall-kuntrarju tal-iswab test. Bħalissa għaddejjin xi verifiki oħra biex it-tobba jifhmu eżattament x’inhu jiġri.

Matthew Scerri

Zauli pożittiv. It-tim Under 23 fi kwarantina

Il-kowċ ta’ Juventus Under 23, Lamberto Zauli ttestja pożittiv għall-Covid-19. Skont ma jitlob il-protokoll, Juventus ħolqu l-‘bubble’ u poġġew lit-tim kollu f’iżolament ‘fiduciario’.

Matthew Scerri

Żewġ plejers pożittivi għall-Covid fit-tim nazzjonali Taljan?

Hemm suspett qawwi li jista’ jkun hemm żewġ plejers pożittivi fi ħdan it-tim nazzjonali Taljan. F’dal-mumenti l-istaff mediku Taljan qed jistenna xi riżultati b’rabta tal-iswab tests li saru. Kif għidna hu probabbli li hemm xi każijiet ta’ Covid. X’aktarx aktar tard illum stess għandna nkunu nafu fiċ-ċert.

Matthew Scerri

Ronaldo pożittiv għall-Covid-19!

Il-Federazzjoni Portugiża ħabbret li Cristiano Ronaldo nstab pożittiv għall-Covid-19. Hu m’għandux sintomi u tpoġġa f’iżolament kif jitlob il-protokoll.

Matthew Scerri

Dybala bid-deni imma m’għandux il-Covid

Mill-Arġentina tasal l-aħbar li wara l-gastrite, Dybala issa jidher li għandu anki d-deni. Sarlu swab test u r-riżultat kien negattiv. It-tobba ma jidhrux imħassba wisq dwaru. Dybala se jkun qed jasal lura Turin il-Ħamis jew il-Ġimgħa hekk kif se jkun qed jivvjaġġa fuq il-jet privat ta’ Messi sabiex ikun hemm inqas ċans ta’ riskju li jiġi f’kuntatt ma’ persuni bil-virus.

Matthew Scerri

Ifiqu tlieta ta’ Genoa

Genoa ħabbru li tlieta mill-plejers tagħhom morda bil-Covid, issia fiequ wara li kellhom riżultat negattiv fl-aħħar swab test li sarilhom. Il-plejers li fiequ huma: Federico Marchetti, Mattia Perin u Ivan Radovanovic.

Matthew Scerri

Ġimgħa ‘l bogħod minn Juventus-Napoli u għadna bla deċiżjoni!

Għaddiet ġimgħa minn Juventus-Napoli u għadna ma nafux x’se jiġri minn dil-partita. Għaddiet ġimgħa li fiha rajna s-soltu teatrin b’kulħadd jiftaħ ħalqu biex jinsulta lil Juventus u intant il-Federazzjoni għaddejja b’manuvri minn taħt biex jinstab kompromess ħalli Napoli ma jkunux milquta kif suppost għadhom ikunu. Smajna lill-President tar-Reġjun tal-Campania, De Luca jiċħad li Napoli għamlu pressjoni biex jinħarġu d-dokumenti ħalli ma jkollhomx għalfejn jinżlu għall-partita (De Luca li tajjeb infakkru hu ħabib kbir ta’ De Laurentis). Saħansitra De Luca stqarr li kliem Agnelli kien tal-mistħija u sostna li kieku hu ġab ruħu bħall-President Juventin kien iħoss li tilef l-‘unur sportiv’ għax ma rrispettax lill-avversarji u ried jirbaħ kontra tim impoġġi fi kwarantina (nesa li Agnelli qal ċar u tond li Juventus iħobbu jirbħu fil-grawnd). U ħafna paroli fil-vojt iktar ta’ dan it-tip, fosthom anki ħafna ineżattezzi (pereżempju għalih il-protokoll tal-FIGC hu biss dokument privat, mentri fil-verità hu dokument approvat mill-Ministeru tas-Saħħa u t-timijiet fl-Italja jistgħu jilagħbu biss għax jeżisti dad-dokument; u dan hu konfermat minn ċirkolari tal-istess Ministeru, liema ċirkolari lanqas biss issemmiet fl-ittra li nħarġet mill-awtoritajiet tar-Reġjun u li Napoli għaddew lil-Lega).

Bħal dejjem, meta persuna mid-dinja tal-futbol Taljan tisfa’ taħt il-mira tal-kritika l-aħjar mod li ssib biex tiddefendi ruħha hi li tinfexx tgħajjar lil Juventus. Il-verità hi li l-Lega ddeċidiet darbtejn li d-dokumenti li ppreżentawlhom Napoli ma kinux jagħtuhom raġun u ddeċidiet li l-partita kellha tintlagħab. Fid-dawl ta’ did-deċiżjoni Juventus niżlu għall-partita, kif kien fid-dmir tagħhom li jagħmlu. Jekk De Luca ħassu offiż li l-karti tiegħu ma ntlaqgħux, kien imissu għajjar lil-Lega u mhux lil Juventus. L-‘unur sportiv’ semmai tilfitu l-Lega u mhux Juventus. U li kieku kien vera politakant tal-affari tiegħu, kien jieħu passi kontra Napoli li bl-aktar mod irresponsabbli ma segwewx il-protokoll bil-konsegwenza li kellha tidħol fl-istorja l-ASL, liema ASL ma kienet qatt tkun involuta li kieku Napoli segwew il-protokoll!

Għaddiet ġimgħa, għidna, u forsi bejn għada u t-Tlieta jkollna l-verdett tal-giustizia sportiva. Tajjeb infakkru li l-ewwel proċess ta’ Calciopoli kien qata’ s-sentenza kontra Juventus f’temp ta’ 11-il ġurnata. Is-sentenza dwar Juventus-Napoli se tieħu kważi l-istess tul ta’ żmien. Dan kollu għax ħadd ma jrid jerfa’ r-responsabbiltà li jieħu deċiżjoni. Kif ktibt aktar kmieni dil-ġimgħa, il-kwistjoni hija kumplessa, verissimu, imma jrid ikollna sentenza. U fil-fehma tiegħi l-kwistjoni hi sempliċi: jew Napoli mhumiex ħajta u allura ma jeħlu xejn, jew inkella huma ħatja u allura trid tiġi applikata r-regola li hemm, jiġifieri telfa walkover. L-imħallef qiegħed hemm biex jagħmel xogħlu fl-aħjar interess tal-ġid komuni. Żgur mhux qiegħed hemm għal-lobbying jew biex isib kompromessi li ma jurtawx lill-politikanti.   

Matthew Scerri

Sitt każijiet ta’ Covid fit-tim ta’ Inter

B’kollox Inter għandhom issa sitt plejers pożittivi għall-Covid-19: Gagliardini, Nainngolan, Radu, Young, Skriniar u Bastoni. Nhar il-Ħadd hemm id-Derby u s’issa dawn l-ammont ta’ plejers infettati mhux suppost iwasslu biex il-partita ma tintlagħabx. Madankollu s-sitwazzjoni qed tkun segwita mill-qrib mit-tobba ta’ Inter hekk kif il-każijiet qed jiżdiedu bil-mod ‘il mod. Infakkru wkoll li kull tim għandu d-dritt li jitlob li partita titħassar jekk ikollu għaxra jew iktar plejers morda.

Matthew Scerri

Każ ta’ Covid fit-tim nazzjonali Portugiż

Il-gowler Anthony Lopes hu l-uniku plejer tat-tim nazzjonali Portugiż li ttestja pożittiv għall-Covid u mill-ewwel ġie iżolat mill-bqija ta’ sħabu. Il-plejers l-oħra, fosthom anki Ronaldo, se jibqa’ jsirilhom swab tests regolari sabiex ikun aċċertat li ħadd iktar ma ġie infettat.

Matthew Scerri

Iżlanda-Italja U/21 tħassret b’rabta mal-Covid-19

Il-partita Iżlanda-Italja U/21 kellha tiġi posposta minħabba li l-awtoritajiet tas-saħħa tal-Iżlanda poġġew fi kwarantina lill-plejers u lill-istaff tat-tim nazzjonali Taljan. Fil-fatt erba’ plejers u membru tal-istaff tat-tim nazzjonali Taljan instabu pożittivi għall-Covid-19. Wara ftehim li ntlaħaq matul il-ġurnata, l-awtoritajiet ħallew lill-plejers mhux pożittivi jmorru lura l-Italja, filwaqt li l-plejers bil-Covid-19 għalissa baqgħu l-Iżlanda.

Matthew Scerri