Posts

Bonucci u Di Maria se jitilfu Juventus-Roma

Bonucci se jitlef il-partita kontra Roma. Allegri spjega llum li hu ma jinsabx fl-aqwa tiegħu u allura se jitħalla barra mill-partita t’għada sabiex jirkupraw għal kollox. Allegri qal ukoll li Di Maria qed jirkupra tajjeb u ttrenja għal xi ħin mal-bqija tat-tim. Fi kliemu l-indikazzjonijet huma li l-Arġentin se jkun jista’ jilgħab kontra Fiorentina fil-bidu ta’ Settembru.

Matthew Scerri

Di Maria barra għal għaxart ijiem (minn tal-inqas)

It-testijiet li sarulu llum ikkonfermaw l-injury muskolari fil-groin għal Angel Di Maria. Hu se jkollu jibqa’ wieqaf għal għaxart ijiem u wara dal-perjodu jsirulu testijiet oħra. Għaldaqstant mhux magħruf eżatt meta se jidħol lura fl-azzjoni.

Matthew Scerri

Di Maria ma jeskludix li jibqa’ ma’ Juventus għal iktar minn sena

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ preżentazzjoni tiegħu, Angel Di Maria sostna li hemm possibbiltà li jibqa’ ma’ Juventus għal iktar minn sena waħda. Qabelxejn hu stqarr li jħossu onorat li l-iktar klabb importanti tal-Italja, il-Juventus, stennewh għal 40 jum. Hu spjega li dam ma ta risposta lil Juventus peress li xtaq iqatta’ perjodu trankwill mal-familja. Dwar il-possibbilità li jibqa’ għal iktar minn sena, Di Maria wieġeb: “Fil-futbol kollox jinbidel malajr u qatt ma tista’ teskludi xejn. Minn qalbi ngħid li Juventus ittrattawni tajjeb ferm s’issa. Għalissa se nikkunċentra fuq dis-sena biss. Imbagħad naħsibha sew iktar tard.” L-espressjoni ta’ wiċċ Di Maria waqt li qal dal-kliem tixhed ċar li Di Maria hu verament kuntent ma’ Juventus u li mhu veru xejn li hu moħħu biss li jmur lura l-Arġentina wara t-Tazza tad-Dinja.

Matthew Scerri

L-ammonti tal-commissions lill-aġenti ta’ Di Maria u Pogba

Angel Di Maria u Pogba huma issa uffiċjalment plejers ta’ Juventus. Mill-istqarrijiet għall-aħbarijiet maħruġa minn Juventus F.C. sirna nafu li l-commissions li se jitlħallsu lill-aġenti jammontaw għal 1.3 miljun Ewro (Di Maria) u 2.5 miljun Ewro (Pogba). Dan jixhed hemm verament id-diriġenza attwali qed tibdel l-istil tat-tmexxija tat-tim. Fil-passat Marotta u Paratici kienu magħrufa għax kienu jħallsu flejjes kbar lill-aġenti f’commissions. Issa l-affarijiet inbidlu u n-nefqa f’commissions naqset drastikament.

Matthew Scerri

Di Maria jispjega għala għażel il-flokk numru 22

Angel Di Maria se jkun qed jilbes il-flokk numru 22 ta’ Juventus. Hu spjega li: “Dan-numru lbistu ma’ iReal Madrid u jfakkarni fir-rebħ taċ-Champions League. Naf li Juventus iridu jiġġieldu dejjem għar-rebħ taċ-Champions League. Ma kien hemm ħadd li kellu dan-numru u ħadtu. Se nilbsu fuq il-flokk abjad u iswed li huma l-kuluri li marti tħobb. It-22 hi anki l-ġurnata li fiha twieldet binti l-kbira.”

Matthew Scerri

Di Maria qed jagħmel it-testijiet mediċi fil-JMedical

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu, Angel Di Maria wasal fil-JMedical għat-testijiet mediċi. Hu stab tistennieh folla mdaqqsa ta’ supporters Juventini li laqgħuh b’mod mill-isbaħ. L-entużjażmu tas-supporters Bianconeri hu tassew mogħla s-smewwiet hekk kif bejn illum u għada Di Maria u Pogba se jkunu qed jiffirmaw ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Di Maria jinsab Turin. Illejla jasal Pogba

Angel Di Maria wasal Turin b’titjira privata għall-ħabta tal-10.38 p.m. tal-lejl li għadda. Dalgħodu hu se jkun qed jagħmel it-testijiet mediċi fil-JMedical u wara jiffirma l-kuntratt li se jorbtu ma’ Juventus għal dis-sena.

Intant illejla mistenni jasal Pogba Turin biex anki hu għada jkun jista’ jagħmel it-testijiet mediċi u jiffirma l-kuntratt li se jorbtu ma’ Juventus.

Żewġ akkwisti kbar, li ma swew xejn lil Juventus, u li konvinti li se jgħollu sew il-valur tekniku-tattiku tat-tim immexxi minn Allegri.

Matthew Scerri

Di Maria jasal Turin illejla? U Pogba …

Illejla Angel Di Maria mistenni jasal Turin sabiex għada jmur fil-JMedical għat-testijiet mediċi qabel jiffirma l-kuntratt ma’ Juventus. Din l-aħbar mhix konfermata b’mod uffiċjali minn Juventus, biss qed tingħata bħala ċerta minn diversi sorsi. Di Maria llum se jkun qed jivvjaġġa b’destinazzjoni Turin u minn għada tibda l-avventura tiegħu mal-Bianconeri.

Paul Pogba, mill-banda l-oħra, x’aktarx se jkun Turin għat-testijiet mediċi ma’ Juventus nhar is-Sibt. It-tnejn li huma se jibdew il-preseason ma’ Juventus minn nhar il-Ħadd 10 ta’ Lulju flimkien mal-kumplament tat-tim.

Matthew Scerri