Posts

Plusvalenze u manovra stipendi. Santoriello jastjeni mill-kawża fil-Qrati Ċivili

Ħamest ijiem oħra, fis-27 ta’ Marzu, se tkompli l-kumpilazzjoni tal-kawża fil-Qrati Ċivili b’rabta mal-hekk imsejħa plusvalenze fittizji u l-‘manovra stipendi’. Illum tħabbar li Ciro Santoriello mhux se jkun parti mill-pool ta’ maġistrati li f’isem tal-Procura ta’ Turin se jmexxu l-akkuża. Hu warrab minn rajh wara l-ħafna polemiki li qamu ftit tal-ġimgħat ilu meta ħareġ filmat tiegħu fejn jistqarr pubblikament li hu supporter ta’ Napoli I li jobgħod lil Juventus. Quddiem il-Giudice d’Udienza Preliminare se jidhru l-magistrati Mario Bendoni u Marco Gianoglio f’isem il-Procura ta’ Turin.

Matthew Scerri

Xahar importanti għal Juventus

Ix-xahar li ġej mistenni jkun tassew importanti għal Juventus fil-ġlieda tagħhom barra l-grawnd sabiex inaddfu isimhom mill-akkużi li tressqu quddiemhom.

Qabelxejn dil-ġimgħa Juventus se jkunu qed iressqu l-appell kontra s-sentenza li wasslet biex tnaqqsulhom 15-il punt fil-klassifika. Juventus għandhom ċans sa tmiem il-ġimgħa biex iressqu l-appell biss, kif stqarr Calvo, huma se jkunu qed idaħħlu l-appell tagħhom kmieni l-ġimgħa d-dieħla. Imbagħad irridu naraw eżattament meta se jinstema’ l-appell.

Fl-10 ta’ Marzu, imbagħad jintemm jasal fi tmiemu ż-żmien li fih il-Procutore Federale jkun jista’ jressaq lil Juventus u klabbs oħra quddiem il-ġustizzja sportiva b’rabta mal-plusvalenze li ma kinux iddaħħlu fl-ewwel kawża. Juventus jistgħu jiġu mixlija anki li kisru r-regolamenti minħabba l-famuża ‘manovra stipendi’.

Hemm xnigħat li Juventus jistgħu jagħmlu patteġġament f’dak li għandu x’jaqsam mal-‘manovra stipendi’. Teknikament jekk Juventus jitolbu l-patteġġament qabel il-Procuratore Federale jiftaħ kawża kontrihom, ikunu jistgħu jilhwu ftehim iktar vantaġġuż (hekk għallinqas jikkuntempla l-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva). Hemm xnigħat ukoll li ż-żjara li Calvo għamel f’Ruma wittiet it-triq f’das-sens, filwaqt li l-ħatra tal-Avukati Clarizia jaf ikunu marbuta man-negozjazzjoni tal-patteġġament. Nerġa’ ngħid li dawn huma biss xnigħat u allura m’humiex ikkonfermati.

Dax-xahar ta’ Marzu se jkun importanti ukoll peress li mistennija tkompli l-kumpilazzjoni fil-Qrati Ċivili tal-kawża li nfetħet mill-Procura ta’ Turin. Juventus qed jitolbu li l-kawża timxi għall-Qorti ta’ Milan minflok dik ta’ Turin. L-Imħallef se jkun qed jiddeċiedi dwar dan. Fl-istess ħin se jkun qed jistabbilixxi jekk hemmx biżżejjed provi biex il-kawża titkompla jew inkella tiġix arkivjata.

Matthew Scerri

Il-ħrafa li l-każijiet ta’ Manchester City u Juventus huma simili

Fost il-ħafna stejjer ta’ dil-ġimgħa fuq il-media Taljana kien anki l-allegat xebh bejn il-każijiet ta’ Juventus u Manchester City. Ix-xebh li ħafna ġurnalisti qed jaraw, fil-verità ma jeżistix kif se nanalizzaw f’dan l-artiklu.

Qabelxejn tajjeb infakkru li Juventus qed jiġi mixlija li użaw b’mod irregolari l-plusvalenze, kif ukoll li l-paperwork tal-manovra stipendi ma sarx kif kellu jkun. L-awtoritajiet ċivili Taljani indagaw dwar dan kollu u l-Atti tal-inkjesta ntużaw mill-ġustizzja sportiva biex jaqtgħu s-sentenza tagħhom. Nafu li jmiss it-tieni kawża quddiem il-ġustizzja sportiva (dwar aktar plusvalenze u l-manovra stipendi), filwaqt li l-kawża fil-Qorti ċivili għadha fil-fażi bikrija.

Manchester City qed jiġu mixlija b’affarijiet kompletament differenti. Mill-informazzjoni li ngħatat mill-media internazzjonali fl-aħħar jumejn jirriżulta li Manchester City qed jiġu akkużati li wettqu irregolaritajiet bejn l-2009 u l-2018, bi ksur kemm tal-Fair Play Finanzjarju kif ukoll tar-regolamenti tal-Premier League. Qed jiġi kkuntestat lilhom li f’iktar minn 100 okkażjoni huma ma segwewx ir-regolamenti. Jidher li kollox kien beda ħames snin ilu meta ‘Der Spiegel’ kienu ppubblikaw dokumenti ‘misjuba’ minn hacker, ċertu Rui Pinto. L-Uefa kien indagat il-każ u sabet lil Manchester City ħatja li kisru r-regolamenti tal-Fair Play Finanzjarju. Imbagħad Manchester City rebħu l-appell quddiem il-Court of Arbitration for Sports (CAS). Il-Premier League, però, ma waqfitx hemm u fetħet inkjesta tagħha. Inkjesta li damet sejra erba’ snin u li matulha instab li seta’ kien hemm irregolaritajiet fit-tmexxija tal-klabb Ingliż. Il-qrati ċivili ma daħlu mkien f’din l-istorja.

Fl-istqarrija tal-Premier League naqraw li l-allegati rregolaritajiet huma marbutin fost l-oħrajn ma’: (1) dubji dwar il-korrettezza tar-Rendikont Finanzjarji tal-klabb; (2) il-ħlas lill-kowċis (Managers fl-Ingilterra) u l-plejers; (3) il-ksur tal-Fair Play Finanzjarju (li l-klabbs Ingliżi għandhom l-obbligu li jonoraw u jimxu skont il-parametri tiegħu); u (4) l-Profitability and Sustainability Rules tal-Premier League. Dan kollu fuq medda ta’ disa’ snin. Biex niftehmu Manchester City qed jiġu akkużati li taw pagi lill-kowċis u lill-plejers għal ċertu valur imma mbagħad iddikjaraw somom differenti fir-Rendikonti Finanzjarji tagħhom. Hi sitwazzjoni kompletament differenti mill-manovra stipendi ta’ Juventus li saret darba waħda biss fl-aqwa tal-pandemija Covid meta ħadd ma kien jaf jekk il-kampjonat kienx se jitkompla. Il-manovra stipendi saret fid-dawl ta’ kriżi finanzjarja li laqtet lid-dinja kollha, fi żmien meta kull kumpanija tad-dinja kienet qed tieħu l-passi tagħha biex ma tfallix. Manchester City, mill-banda l-oħra, allegatement ħbew dak li verament nefqu fi żmien ta’ prosperità u f’kuntest ta’ futbol sinjur bħal dak tal-Premier League. Apparti li marru kontra l-Fair Play Finanzjarju f’termini ta’ sponsorship u fuq kollox is-sid tal-klabb irrikorra għal manuvri fittizji biex jitfa’ fil-kaxxa tal-klabb aktar flus minn kemm seta’.

Il-plusvalenze ma jidħlu mkien fl-inkjesta dwar Manchester City. Kif għidna kemm-il darba u kif jaf kulħadd, il-klabbs kollha tad-dinja jagħmlu l-plusvalenze. Min qed isejħilhom fittizji qiegħed biss jirrikorri għal paramatri soġġettivi biex jistabilixxi l-valur ta’ plejer. M’hemmx regola dwar dan u allura min għamel il-plusvalenze ma kiser ebda regola. Fl-Italja biss u għal Juventus biss, dawn il-plusvalenze tqiesu li marru kontra l-prinċipju ta’ lealtà sportiva. Min qara s-sentenza u segwa dak kollu li nqala’ jaf li saħanistra l-Procura Federale tal-FIGC fil-bidu użat il-website Transfermarkt biex mingħaliha tagħti valur oġġettiv lill-plejers. Dil-website, tajjeb infakkru, hi magħmula minn dilettant li jagħmel xogħol ieħor mhux marbut mal-futbol u li fil-ħin liberu tiegħu jieħu ħsieb dil-website. Għall-Procura Federale imma dil-website hi vanġelu!

L-ikbar differenza imma hi fil-mod kif tmexxew l-affarijiet. Il-Premier League investigat il-każ ta’ Man. City għal erba’ snin sħaħ, fi skiet totali, mingħajr ħadd ma għadda telefonati rrekordjati lill-gazzetti biex jagħmlu t-teatrin tagħhom. Waqt l-investigazzjoni Manchester City ma kkollaborawx u ma għaddewx id-dokumentazzjoni kollha li kienet mitlub minnhom (għallinqas hekk qed issostni l-Premier League). U issa li l-investigazzjoni hi mitmuma, il-Premier League ħatret kummissjoni esterna li minħabba raġunijiet ta’ newtralità u imparzjalità m’għandu jkollha ebda rabta la mal-Premier League u lanqas mal-klabbs. Dil-Kummissjoni se tiddeciedi x’passi għandhom jittieħdu fil-konfront ta’ Manchester City jekk l-allegati irregolaritajiet jiġu ppruvati. L-allegati irregolaritajiet huma magħrufa u mniżżla fl-istqarrija li nħarġet dil-ġimgħa biex hekk il-klabb se jkun jista’ jħejji sew għad-difiża tiegħu.

Is-serjetà hekk titlob! Imma l-Italja nafu li hu kollox barra pajjiż serju. Għamilna xhur naqraw fuq il-gazzetti t-telefonati rrekordjati li xi ħadd mill-Procura ta’ Turin evidentement ħalla li jiġu ‘leaked’. Il-media u s-social media użaw dat-telefonati biex iħammġu l-isem ta’ Juventus qabel biss intemmet l-inkjesta. Mill-bieraħ nafu li l-inkjest tmexxiet minn Santoriello li pubblikament stqarr li hu ‘anti-Juventin’ fix-xogħol tiegħu (mhux fil-grawnd imma fix-xogħol tiegħu minn kliemu stess!). Il-ġustizzja sportiva ħadet imbagħad l-Atti tal-inkjesta u f’temp ta’ ftit ġimgħat fetħet kawża li rat lil Juventus u l-klabbs l-oħra jiġu meħlusa minn kull akkuża. Biss imbagħad tressaq rikors biex il-kawża magħluqa terġa’ tinfetaħ u s-sentenza definittiva tiġi mxejna. Ir-rikors instema’ u f’seduta waħda mhux biss ġie milqugħ, imma anki wasalna għal kundanna ta’ Juventus ħatja li ħolqu sistema imma f’dis-sistema m’hemm ħadd għax il-klabbs l-oħra ġew meħlusa. F’disa’ sigħat kawża magħluqa reġgħet infetħet (għax sabu provi ġodda qalu imma x’inhuma dawn il-provi ma nafux fil-verità fis-sentenza hemm riferiment għal telefonati tal-ħarifa 2021 meta l-kawża li rat lil Juventus meħlusa saret fir-rebbiegħa tal-2022) u Juventus ġew ikkundannati. F’dad-disa’ sigħat saħansitra nbidel il-kap tal-akkuża mill-Artiklu 31 għall-Artiklu 4. Disa’ sigħat ta mhux erba’ snin investigazzjoni bħalma għamlet il-Premier League!

U issa Juventus jistgħu jappellaw biss quddiem il-Collegio di Garanzia li mhu imparzjali xejn għax xbajna naraw membri tal-Collegio li pubblikament stqarrew il-mibegħda tagħhom fil-konfront ta’ Juventus. Jidher li teknikament Juventus lanqas jistgħu jmorru quddiem il-CAS bħalma setgħu jagħmlu Manchester City meta l-Uefa kkundannathom. Ir-raġuni hi li biex Juventus imorru quddiem dat-Tribunal, bir-regolamenti tal-Italja, irid ikun hemm qbil bejn Juventus u l-FIGC. Fi żmien Calciopoli Juventus kien talbu li jmorru quddiem il-CAS imma t-talba tagħhom ma ġietx milqugħa (għax il-Federazzjoni taf li hekk tiġi mxejna l-ġustizzja sportiva tagħha!).

Il-ġurnalisti Taljani jistgħu jkomplu għaddejjin bis-soltu tentattivi qarrieqa tagħhom. Jistgħu jiktbu kemm iridu li l-każijiet ta’ Juventus u Manchester City huma simili. Imma nappellawlkom biex ma tibilgħux din l-istorja. Il-każijiet huma differenti għax fuq naħa hemm il-klabb sinjur ta’ Manchester City li allegatament kiser regolmenti li jeżistu, allegatament kisirhom għal bosta snin, ma kkollaborax f’investigazzjoni serja li damet sejra erba’ snin u li issa jaf fuq xiex qed jiġi akkużat u se jkun jista’ jiddefendi ruħu quddiem kummissjoni imparzjali. Fuq in-naħa l-oħra hemm Juventus li ppersegwitati mill-Procura ta’ Turin reġgħu ġew indagati għal ma nafx kemm-il darba. Imbagħad daħlet fin-nofs l-ġustizzja sportiva li qatt ma investigat xejn imma ħadet l-Atti tal-awtoritajiet ċivili u minn eluf ta’ paġni siltu tuzzana telefonati biex joħolqu l-idea li kien hemm sistema Juventus. Il-kawża magħluqa reġgħet infetħet, inbidlu l-kapi tal-imputazzjoni, kollox ġie mdawwar kif jogħġob lilhom u fi ftit sigħat Juventus tilfu 15-il punt, bil-possibbiltà li jitilfu aktar punti. Ma setgħux jikkundannaw lil Juventus għal ksur ta’ regolamenti għax regolamenti dwar il-plusvalenze ma jeżistu mkien fid-dinja, imma xorta kkundannaw lil Juventus għax marru kontra l-lealtà sportiva (li hu kunċett purament soġġettiv). Intant għandna maġistrati , imħallfin u awtoritajiet legali oħra li jibqgħu jferrgħu l-mibegħda tagħhom kontra Juventus. U l-media ma tieqaf qatt għadejja bin-narrattiva tagħha li Juventus huma l-ħżiena u l-oħrajn onesti u puri.

Forsi fl-Ingilterra l-ħmieġ twettaq minn Manchester City (dejjem jekk l-akkużi jiġu ppruvati), imma fl-Italja l-ħmieġ qed isir fi-mod kif qed jitmexxew l-affarijiet mill-awtoritajiet ikkonċernati, bil-klabb Juventin ikun il-vittma ta’ dik li ħafna (anki min mhuwiex Juventin) qed jiddeskrivu bħala inġustizzja. U min qed iqabbel il-każijiet ta’ Juventus u Manchester City x’aktarx għandu l-aġenda moħbija li jsaħħaħ l-argument anti-juventin tiegħu bi xtar ħaddieħor.

Tibilgħux kollox, ħbieb!

Matthew Scerri

Fuq tlieta toqgħod il-borma!

Anomaliji. Ejjew ma nużawx termini iktar ħorox biex niddeskrivu dak kollu li ħareġ illum.

Nibdew minn dak li nqala’ dal-lejl. Ngħid is-sew dalgħodu kif qomt sibt messaġġ mingħand ħabib tiegħi dwar aħbar li tant dehret inkredibbli li għall-ewwel m’emminthiex. Kien biżżejjed niftaħ ftit website tal-isports biex ninduna li din l-aħbar kienet vera, tant vera li kien hemm anki videos li jippruvaw mingħajr dubju l-aħbar. Prattikament Ciro Santoriello, li f’isem il-Procura ta’ Turin mexxa l-invetigazzjoni Prisma, fl-2019 waqt li kien qed jitkellem f’konferenza, ftaħar pubblikament li hu supporter ta’ Napoli u li jobgħod lil Juventus. Mhux hekk biss, qal: “Bħala Pubblico Ministero jien qabelxejn anti-Juventin”. Il-video aseb rah kulħadd issa. Li forsi ftit jaf li hu dakinhar stress, fl-istess konferenza, Santoriello kien stqarr pubblikament li wieħed jista’ jkollu kemm irid dubji dwar il-plusvalenze fittizji, imma li hu żgur hu li dan mhuwiex reat (ma jistgħux jitqiesu falso in bilancio). Tlieta-erba’ snin wara jidher li bidel fehemtu drastikament.

Il-gravità ta’ kliem Santoriello kien tali li l-Ministru tal-Isports kellu jistqarr pubblikament li rraporta l-każ lil min hu kkunċernat.

Però l-anomaliji ma jiqfux hawn. Aktar tard matul il-jum fuq Facebook, Twitter u Instagram ixxandru kummenti pubbliċi li Vincenzo Cesaro kiteb pubblikament f’April tal-2021 fuq is-social media. Hu jiftaħ li hu supporter ta’ Napoli u joħodha qatta bla ħabel kontra Juventus, il-Familja Agnelli, Ronaldo, eċċ. Cesaro hu parti mill-Collegio di Garanzia tal-Coni li quddiemu se jitressaq l-appell ta’ Juventus.

Fl-istess Collegio se jkun hemm anki Marcello De Luca Tamajo li fl-1995 serva għal ftit xhur bħala CEO u Direttur Ġenerali ta’ Napoli. Biex ngħidu kollox jidher li De Luca Tamajo jaf lil Allegri u pubblikament stqarr l-apprezzament tiegħu għalih.

Kif kitbet Agatha Christie: “One coincidence is just a coincidence, two coincidences are a clue, three coincidences are a proof”.

Fil-verità ma rridux ninsew lanqas l-intervista gravi ferm li l-Viċi-President tal-Collegio, Sandulli (l-istess wieħed li kkundanna lil Juventus fil-kawża ta’ Calciopoli quddiem il-ġustizzja sportiva) ta l-ġimgħa li għaddiet u li fiha ġġustifika l-15-il punt imnaqqsa lil Juventus.

Ma rridux ninsew lanqas li l-Prosekutur Chinè ilu żgur jaħdem għall-Procura Federale sa mill-2007, sena wara Calciopoli u kien fit-tim tal-Prosekutur ta’ dak iż-żmien, Palazzi, li ħadha kontra Juventus imma qagħad jistenna l-preskrizzjoni biex taparsi jieħu passi kontra Inter u Milan (li kienu mixlija bi ksur ta’ regolamenti, filwaqt li Juventus bħal dejjem instabu ħatja li kisru l-prinċipji ta’ lealtà sportiva.

L-istess nies, insomma, l-istess tattika, l-istess mod moqżież biex ikissru tim. Storja li għexna sbatax-il sena ilu u li qed terġa’ tiġri quddiem għajnejna. Fl-2006 u issa ma sabux provi li Juventus kisru xi regola u allura rrikorrew għall-Artiklu 4 biex jikkundannawna għal ksur tal-lealtà sportiva. Erġajna bl-istorja ta’ ħafna dnubiet żgħar li flimkien jagħmlu wieħed kbir ħafna.

Naħseb li huwa faċli li wieħed ibassar kif se jinqata’ l-verdett tal-appell!

Li hu tassew inkredibbli hu li nies li jokkupaw karigi daqstant important u li jafu li minn taħt idejhom se jgħaddu Juventus għal ġudizzju, ma jiddejqux jesprimu pubblikament il-mibegħda tagħhom għal Juventus. Ma jiddejqux lanqas juru ma min iżommu, anzi saħanistra Santoriello jasal jgħid “Come Pubblico Ministero sono anti-Juventino”.

Matthew Scerri

X’qaltilna s-sentenza

Is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ġiet ippubblikata kmieni llum waranofsinhar. Hu dokument ta’ 36 paġna li fih insibu kif imxiet il-kawża sakemm waslet is-sentenza definittiva, is-smigħ tar-rikors imressaq mill-Procuratore Federale biex il-każ jerġa’ jinfetaħ; x’wassal biex ir-rikors ikun milqugħ; u għala Juventus u d-diriġenti tagħha ġew misjuba ħatja.

Fid-dokument naqraw li fil-kawża innfisha l-akkużi mressqa mill-Procuratore Federale ma kinux ġew milqugħa minħabba li ma ntlagħqitx it-teżi li l-plusvalenze fittizji setgħu jiġu ppruvati permezz ta’ tqabbil tal-valur tal-plejers mogħti mill-website Transfermarkt. Fin-nuqqas ta’ regoli preċiżi li jistabilixxu l-valur tal-plejers, intlagħqet it-teżi tad-difiża li f’suq ħieles il-prezz ikun stabbilit bejn ix-xerrej u l-klabb li qiegħed ibigħ. Tal-istess idea kienet anki l-Qorti tal-Appell li kienet tenniet li fin-nuqqas ta’ parametri stabbiliti minn qabel, ħadd ma seta’ jiddetermina l-prezz ta’ plejer. L-istess Qorti għamlet appell, li għadu mhux mismugħ, sabiex fid-dinja tal-futbol ikun hemm regoli preċiżi dwar dil-kwisjtoni.

Fit-22 ta’ Diċembru 2022 il-Procuratore Federale ressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Appell sabiex il-każ li kien magħluq b’sentenza definittiva, jerġa’ jinfetaħ minħabba li ħarġu elementi ġodda mill-iktar minn 14,000 paġna tal-Atti tal-inkjesta Prisma mmexxija mill-Procura ta’ Turin. Il-Procuratore Federale, Chiné argumenta li fuq il-bażi ta’ telefonati rrekordjati, dokumenti bħall-ktieb l-iswed ta’ Paratici, l-azzjonijiet meħudha mill-Consob u anki mill-istqarrijiet għall-aħbarijiet maħruġa minn Juventus, kien hemm il-bażijiet sabiex il-każ jerġa’ jinfetaħ.

Il-Qorti tal-Appell laqgħet ir-rikors tal-Procuratore Federale minħabba serje ta’ raġunijiet:
a) Ir-rikors tressaq fil-ħin, jiġifieri qabel 30 jum minn meta l-Procura Federale rċievet l-Atti mill-Procura ta’ Turin fid-data 24 ta’ Novembru 2022 (kif inhu kkonfermat mill-irċevuti uffiċjali).
b) Ir-rikors seta’ jitqies aċċettabbli għax ħarġu elementi ġodda li qabel ma kinux magħrufa u li kieku kienu magħrufa qabel kienu jwasslu għal deċiżjoni differenti min-naħa tal-Qorti tal-Appell.
c) Il-kunċett ta’ ne bis in idem mhuwiex applikabbli għax dan jgħodd biss jekk bniedem jew entità tiġi ġġudikata mill-ġdid fuq l-istess fatti, mentri l-Atti tal-Procura ta’ Turin taw kwadru fattwali ġdid li ma kienx għadda taħt skrutinju tal-Qorti.
d) It-telefonati rrekordjati setgħu jiġu meqjusa bħala prova peress li l-ġustizzja sportiva dejjem emmnet li jservu biex tkun stabbilita l-verità, mingħajr ma tidħol fil-mertu ta’ kwistjonijiet tekniċi marbutin mat-telefonati kif jiġri fil-Qrati ċivili.
e) Fil-qasam tal-ġustizzja sportiva, li għandha l-għan li tasal għal sentenza bla wisq dewmien, il-kunċett ta’ provi ġodda mhuwiex marbut ma’ provi individwali li jistgħu jiġu mifruda mill-bqija u elenkati, iżda jgħodd komplessivament dak kollu li joħroġ u li jiġi stabbilit mill-fatti. Fi kliem ieħor mhux qed nitkellmu fuq telefonata ġdida li qabel ma nstabitx, iżda qed nitkellmu fuq kif jidhru l-fatti kolha meta miġmugħa flimkien.
f) L-argument tad-difiża ta’ Juventus li l-fatti kkontestati kienu aktar ta’ natura penali, ma jeskludix il-fatt li l-ġustizzja sportiva tista’ u għandha tintervjeni. Dan minħabba l-awtonomija tal-ġustizzja sportiva.

Il-fatt il-ġdid li qabel ma kienx magħrufa u li issa sar magħrufa malli ntemmet l-inkjesta Prisma hi l-intenzjonalità li kien hemm wara l-operat ta’ Juventus. Il-Qorti tal-Appell sabet lil Juventus ħatja mhux tant għax qed tikkuntesta li l-valur ta’ plejer partikolari hu differenti (iktar baxx)) minn dak tat-trasferiment effettiv. Juventus instabu ħatja mill-Qorti tal-Appell għax hemm provi li juru li Juventus sistematikament kienu jirrikorru għall-plusvalenze biex jgħattu t-telf tagħhom. Il-valur tal-plejers, skont il-Qorti ma kienx ikun stabbilit skont it-talent jew skont is-suq, imma kien ikun deċiż sabiex jagħmel tajjeb għat-telf finanzjari tal-klabb. Ġew imsemmija diversi telefonati bejn Andrea Agnelli u Johm Elkann, Agnelli u Arrivabene, Cherubini u Bertola li jixhdu li kulħadd kien konxju dwar dak li qed jiġri.

Hemm anki l-hekk imsejjaħ ‘Ktieb Iswed ta’ Fabio Paratici’ li nkiteb minn Cherubini u li fih ġabra ta’ plusvalenze fittizji li Cherubini niżżel. Il-ktieb inkiteb minn Cherubini f’mument partikolari meta hu kien qed jinnegozja kuntratt ġdid ma’ Juventus u peress li kellu jgħaddi minn taħt idejn Paratici, il-ktieb tiegħu kellu jservi sabiex il-partijiet jippruvaw isolvu xi divergenzi li hemm bejniethom (diverġenzi fis-sena li kellhom fehmiet differenti fuq it-tmexxija tas-suq tat-trasferimenti).

Il-Qorti sabet anki provi li Juventus kienu jpartu plejers (l-aktar ma’ klabbs barranin) u dawn kienu jiġu mniżżla fl-accounts bħala bejgħ individwali minflok bħala tpartit ta’ plejers bejn il-klabb għall-istess valur. Każ emblematiku hu dak ta’ Aké u Tongya li Juventus u O. Marseille partu bejniethom. Instab evidenza li l-invocie mibgħuta minn O. Marseille lil Juventus ġiet irranġata bil-biro minn uffiċjali ta’ Juventus u mibgħuta lura lill-klabb Franċiż ħalli d-dokument ikun mibdul ma jidhirx li kien hemm tpartit ta’ plejers. Barra minn hekk hemm dokumentazzjoni nieqsa dwar it-trasferimenti ta’ Pjanic u Arthur.

Nirrepetu li l-Qorti sabu lil Juventus ħatja mhux għax plejer inbigħ bi prezz minflok b’ieħor, iżda għall-imġiba skorretta, sistematika u li damet għaddejja għal ċertu żmien. Din l-imġiba hi ksur tal-Art 4 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva, sub-artiklu 1 li jitkellem dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ lealtà sportiva. Hawn il-Qorti rrimarkat li minħabba n-natura stess tagħha hu diffiċli li tingħata definizzjoni sħiħa ta’ x’inhi lealtà sportiva u għaldaqstant hu kompitu tal-Qorti li tistabbilixxi jekk komportament marx kontra l-lealtà sportiva. Barra minn hekk il-Collegio di Garanzia dello Sport kien stabbilixxa wkoll li “ma jistax jitqies permissibbli kull tip ta’ komportament li mhuwiex ipprojbit mill-qafas normattiv”. Sar riferiment anki għal diskursata rrekordjati bejn Bertola u Cherubini (15 ta’ Lulju 2021) li fiha jgħidu li jekk l-investigaturi se jfittxu provi ta’ “dolo” (jiġifieri ksur intenzjonali ta’ regola) mhuma se jsibu xejn. Għall-Qorti tal-Appell dan l-arġument ma jreġix għal lil hinn minn dak li hu stabbilit mir-regolament, kull klabb u kull uffiċċjali għadu l-obbligu li jimxi b’mod korrett u ma jiksirx il-prinċipji ta’ lealtà sportiva.

Fuq il-bażi tal-azzjonijiet mittieħda mill-Consob, il-Qorti tal-Appell waslet għall-konklużjoni li l-accounts ta’ Juventus mhumiex attendibbli u dan a dannu tal-investituri. Mhumiex attendibbli fost l-oħrajn minħabba did-sistema ta’ plusvalenze li kinitx qed tagħti b’mod veritier stampa ċara l-qagħda finanzjarja ta’ Juventus. U dan kien qed isir b’mod intenzjonali u sistematiku. Il-Qorti ħasset li l-kompitu tagħha ma kienx li jiġu kkalkulati dawn il-plusvalenze fittizji, imma li tistabbilixxi li l-operat ta’ Juventus komplessivament ma kienx korrett.

Il-Qorti għaldaqstant sabiex biżżejjed provi biex tikkundanna lil Juventus u lill-uffiċċjali tagħha. Fis-sentenza ssemmew diversi kunsiderazzjonijiet ġenerali li wasslu sabiex il-Qorti tikkundannahom għal piena aktar ħarxa milli mitlub mill-Procuratore Federale.

Il-klabbs l-oħra ġew meħlusa mill-akkużi għax ma nstabx numru sinifikattiv ta’ każijiet li jista’ jwassal biex wieħed jaħseb li anki huma kienu sistematikament jirrikorru għal dis-sistema biex b’mod skorrett jgħattu l-kriżi finanzjarja tagħhom. Skont il-Qorti tal-Appell dawn ma jistgħu jiġu kkundannati sempliċiment għax kellhom kuntatt episodiku ma’ Juventus. Barra minn hekk ġie rrimarkat li l-fatt li klabb jagħmel plusvalenza, ma jfissirx awtomatikament li l-klabb l-ieħor ukoll għamel plusvalenza.

Matthew Scerri

Maħtur il-Bord tad-Diretturi l-ġdid ta’ Juventus

Illum inħatar b’mod uffiċjali l-Bord tad-Diretturi l-ġdid ta’ Juventus. L-uniċi nomini kienu dawk mressqa minn Exor, li huma x-share-holders ewlenin tal-klabb Juventin b’63.8% tax-shares. Il- ħames kandidati ġew maħtura bħala Diretturi ta’ Juventus wara votazzjoni fil-Laqgħa tax-share-holders. Il-ħames Diretturi huma: Fioranna Vittoria Negri, Maurizio Scanavino, Gianluca Ferrero, Diego Pistone u Laura Cappiello. Huma kollha esperti fil-qasam legali u f’dak amministrattiv-finanzjarju. Huma se jkunu qed jaqilgħu 40,000 Ewro fis-sena.

Matthew Scerri

Bħal-lum fil-passat (20 ta’ Diċembru)

Filippo Inzaghi kien il-protagonist assolut tal-partita bejn Juventus u Salernitana li ntlagħbet bħal-lum fl-1998. Dakinhar hu kien skurja t-tliet gowls li bihom Juventus għelbu lill-avversarji.

L-Imħallef jesprimi d-dubji tiegħu dwar dak li qed jiġu akkużati bih Juventus

Tuttosport ippubblikat parti sostanzjali tad-dokument li permezz tiegħu l-Giudice d’istanza premilinare (GIP), Ludovico Morello ma kienx laqa’ t-talbiet tal-Prosekutur, li fost l-oħrajn kien qed jitlob li Andrea Agnelli jinżamm taħt house arrest.

Il-GIP, tajjeb ngħidu, hu l-imħallef li quddiemu jittieħu l-provi kollha miġbura fi tmiem l-inkjesta. Malli l-Procura ta’ Turin temmet l-investigazzjoni ‘Prisma’, il-provi kollha kellhom jittieħdu quddiem il-GIP sabiex jistabilixxi li kien hemm biżżejjed materjal sabiex jinbdew il-proċess li jwassal għall-ftuħ ta’ kawża fil-Qorti. Barra minn hekk il-GIP irrid jiddeċiedi jilqax it-talbiet imressqa mill-Prosekutur. Dan kollu seħħ lejn tmiem Ottubru li għadda u kif nafu, minkejja li l-proċess kompla, it-talbiet tal-Prosekutur ma ntlaqgħux kollha.

Fid-dokument naqraw li l-Imħallef Morello jesprimi dubji kbar dwar kemm il-plusvalenze huam fil-fatt reat ladarba hi sistema li titħaddem mill-klabbs kollha kemm fix-xena lokali kif ukoll f’dik internazzjonali. Barra minn hekk kien hemm sentenzi tal-Qorti Ċivili (li fl-2008 ma sabitx ħatja lil Inter u Milan) kif ukoll reċentement tal-Giustizia Sportiva li ma sabux bażijiet li l-plusvalenze jistgħu jitqiesu bħala prattika illegali.

Dwar il-famuża ‘manovra stipendi’, l-Imħallef jinnota li din saret biss waqt il-pandemija Covid meta kien hemm taqlib kbir fix-xena finanzjarja. L-Imħallef isostni wkoll li l-akkużati huma kollha persuni mdaħħla sew fl-industrija Taljan u l-klabb innifsu jaf sew id-dmirijiet u l-obbligi tiegħu peress li hu kkwotat fil-Borża. Il-klabb jidher li mexa dejjem sew u kull pass li ttieħed, jgħid l-Imħallef, juri li l-kien hemm kull intenzjoni li jħallas id-djun tiegħu. Tant hu hekk li fil-passat reċenti kien hemm żieda fil-kapital min-naħa tax-share-holders, kif ukoll jirriżulta li l-klabb m’għandux pendenzi tat-taxxa.

Fi ftit kliem, nistgħu ngħidu li l-Imħallef Morello kiteb li: (a) il-plusvalenze x’aktarx mhumiex reat u kull klabb jirrikorri għalihom; (b) il-manovra stipendi saret biss waqt il-pandemija minħabba ċ-ċirkostanzi li qalbu ta’ taħt fuq id-dinja tal-finanza; u (iii) Juventus kienu mmexxija minn persuni affidabbli li kienu qed jagħmlu minn kollox biex iħallsu dak li dovut minnhom.

Tajjeb ngħidu li din mhix assoluzzjoni għal Juventus jew għall-akkużati. Tant hu hekk li l-proċess tkompla u issa l-provi jinsabu quddiem imħallef ieħor (il-Giudice d’udienza preliminare) li xogħlu hu li jistabilixxi hemmx biżżejjed provi biex il-kawża tkompli. Li hu żgur hu li l-Imħallef Morello wera biċ-ċar kemm dan il-każ ġie mneffaħ għalxejn. Il-media ilha li qatgħet il-kundanna tagħha, imma għall-Qorti l-affarijiet jidhru li huma kompletament differenti. Juventus, Agnelli u n-nies l-oħra mixlija, għandhom ikollhom id-dritt li jiddefendu ruħhom minħabba dil-ħafna pressjoni medjatika li mhi ta’ ġid għal ħadd għajr għal dawk li għandhom kull interess li jħamġu isem il-Juventus.

Matthew Scerri

Tkompli l-ħidma Juventina ġewwa u barra l-grawnd

Ninsabu fit-tieni ġimgħa tal-era post-Andrea Agnelli. Bħall-ġimgħa ta’ qabilha kellna ħafna spekulazzjonijiet min-naħa tal-gazzetti u tal-websites sportivi. Fi tmiem dil-ġimgħa jkollna l-opportunità li niflu ftit iktar mill-qrib uħud mill-aħbarijiet li ħarġu peress li bħalissa hemm min qed jagħti stampa mhix veritiera tal-affarjiet u hemm minn qed iwerwer u jħammeġ isem il-Juventus għalxejn.

Dil-ġimgħa kellna lit-tim jerġa’ jibda t-taħriġ wara l-vaganzi. Ovvjament hemm neqsin il-plejers li ħadu sehem fit-Tazza tad-Dinja. Il-plejers l-oħra bdew iħejju għall-partiti ta’ Jannar u hemm interess qawwi biex naraw jekk finalment huwiex se jkun possibbli li naraw lil Pogba fil-grawnd.

Mil-lat tal-klabb, jirriżulta Scanavino beda l-ħidma tiegħu billi qed jiltaqa’ mal-impjegati kollha tal-klabb. Nies ta’ fiduċja ta’ Elkann bħalissa qed jaħdmu minn wara l-kwinti sabiex ikunu individwati l-esperti legali-amministrattivi li se jkunu qed jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi ta’ Juventus. Barra minn hekk qed issir ħidma biex ikun tinħatar diriġenza ġdida li flimkien ma’ Ferrero u Scanavino se jkunu qed jieħdu ħsieb it-tmexxija tat-tim. Ismijiet qed isiru ħafna. S’issa m’hemmx wisq ċertezza. Probabbli li Cherubini se jkompli b’xogħlu minn tal-inqas sa tmiem l-istaġun anki minħabba l-fatt li diriġenti oħra li jistgħu jinteressaw lil Juventus huma marbutin b’kuntratt ma’ klabbs oħra u mhux faċli li jitilqu f’nofs staġun. L-indikazzjonijiet huma li minkejja li saru ħafna ismijiet suġġestivi tipo dak ta’ Del Piero, Elkann irid jevita li t-tim ikun afdat f’idejn nies li ma wrewx jew qed juru kapaċitajiet amministrattivi tajbin.

Id-data tat-18 ta’ Jannar mhix ‘il bogħod. Dakinhar ikollna idea aħjar dwar il-futur tal-management Juventin. Qabel dik id-data Juventus se jkunu lagħbu partiti importanti, fosthom dik kontra l-leaders Napoli.

Matthew Scerri

X’inhi l-akkuża?

Meta bdiet l-inkjesta Prisma, Juventus kellhom iwieġbu prinċipalment għall-akkuża li użaw is-sistema ta’ plusvalenze bil-għan li jgħattu parti mit-telf finanzjarju li kien qed ikollhom. It-teorija dejjem kienet li Juventus kienu qed ipartu jew ibiegħu plejers bejniethom bi prezzijiet imneffħin apposta. Il-Procura ta’ Turin stmat li hemm diskrepanza ta’ madwar 155 miljun fuq tliet snin (2019-2021). Il-giustiza sportiva ħelset lil Juventus minn kull akkuża dwar il-plusvalenze peress li m’hemmx mod kif xi ħadd jiddetermina kemm għandu jkun il-prezz ta’ plejer. Il-Qorti Ċivili se tkun imsejħa tiddeċiedi dwar il-plusvalenze, dejjem jekk verament il-kawża li nfetħet tkompli.

Mill-plusvalenze għaddejna mbagħad għall-hekk imsejħa ‘manovra stipendi’. Fit-28 ta’ Marzu 2020 Juventus kien ħabbru pubblikament li laħqu ftehim mal-plejers biex dawn ma jitħallsux erba’ pagi minħabba l-emerġenza Covid. Fil-verita’ Il-plejers ma tħallsux biss paga waħda mhux erba’. L-istqarrija ta’ Juventus hi meqjusa bħala irregolari għax kumpanija kkwotata fil-Borża ma tistax toħroġ stqarrijiet li ma jirriflettux ir-realta’ tal-fatti. Barra minn hemm hemm skritturi privati mal-plejers b’rabta ma’ dawn il-pagamenti li qatt ma ġew imniżżla fir-rapporti finanzjarji kif suppost kellu jsir. Il-Qorti Ċivili trid issa tistabbilixi jekk dawn in-nuqqasijiet humiex reat. F’termini ta’ giustizia sportiva m’hemm ebda kawża kontra Juventus svisa dwar il-manovra stipendi’. Id-dokument qegħdin fi ħdan il-Procuratore Federale tal-FIGC li jrid jiddeċiedi jmexxix il-każ quddiem il-qrati tal-giustizia sportiva.

Matthew Scerri