X’jistgħu jeħlu Juventus?
Fil-Qrati ċivili hemm tilwima (dispute) dwar allegati irregolaritajiet fi r-rendikont finanzjarji ta’ Juventus bejn l-2019 u l-2021, liema tilwima għad trid tiġi miflija mill-imħallfin biex jaqtgħu sentenza dwarha. S’issa għadna lanqas biss nafu jekk hux se ssir kawża. Il-Procura ta’ Turin fetħet kawża u fil-jiem li ġejjin se jkun hemm imħallef li jiddeċiedi fuq il-bażi tad-dokumenti mressqa quddiemu jekk hemmx lok li l-kawża tkompli u tgħaddi għall-fażi dibattimentali jew inkella jitwaqqafx kollox (‘non luogo a procedere’).
Jekk il-kawża tkompli u l-uffiċċjali jinsabu ħatja tal-akkużi miġjuba lilhom, jistgħu jeħlu multa jew sentenza ta’ ħabs. Juventus jistgħu jeħlu biss multa fil-Qrati ċivili.
F’ambitu ta’ giustizia sportiva, Juventus huma meħlusa minn kull akkuża fejn għandhom x’jaqsmu l-plusvalenze. Hi sentenza definittiva ladarba nstema’ anki l-appell. Sakemm ma joħorġux prova ġodda, il-giustizia sportiva ma tistax terġa’ tiftaħ kawża kontra Juventus b’rabta mal-plusvalenze. It-telefonati rrekordjati u l-‘intercettazione ambientale’ li ġew imzeffna mill-gazzetti fl-aħħar jiem ilhom magħrufa u dwarhom kienet diġa’ mgħarrfa l-giustizia sportiva qabel qatgħet is-sentenza tagħha li kif għidna rat lil Juve meħlusa minn kull akkuża.
Il-giustizia sportiva tista’ tieħu passi dixxiplinari fil-konfront ta’ Juventus b’rabta mal-‘manovra stipendi’. Wieħed irid jara jekk hix kompetenza tal-giustizia sportiva li tidħol fi kwistjonijiet finanzjarji. L-irregolaritajiet li qed jiġu mixlija bihom Juventus mhumiex fatt minnhom infushom u trid tkun il-Qorti li tistabbilixxi jekk verament seħħewx. Wisq probabbli hi biss Qorti ċivili li tista’ tiddeċiedi dwar dan kollu. Tant hu hekk li fi stqarrija maħruġa minn Juventus dil-ġimgħa naqraw li m’hemmx lok għal passi dixxiplinari fil-konfront tal-klabb. Il-kwistjoni kollha hi waħda teknika dwar kif jiġi mniżżel il-ħruġ tal-klabb fl-accounts. Juventus qed isostnu li hu kollox iddikjarat, biss qed jiġi ikkuntestat lilhom kif niżżlu fl-accounts il-pagamenti lill-plejers.
Il-Procuratore Federale tal-FIGC ircievi l-atti l-ġodda tal-inkjesta Prisma tlett ijiem ilu u għad irid jiddeċiedi hemmx lok għal kawża kontra Juventus u l-uffiċjali tagħha quddiem il-giustizia sportiva. L-artiklu 31 tal-Kodiċi tal-giustizia sportiva jistabbilixxi li:
1. Jekk l-irregolaritajiet finanzjarji jkunu saru biex jgħattu l-fatt li klabb m’għandux il-mezzi finanzjarji biex jiġi rreġistrat fil-kampjonat tas-sena ta’ wara, il-kundanna tista’ tkun multa, tnaqqis ta’ punti jew relegazzjoni f’kategorija inferjuri.
2. Meta jitwettqu irregolaritajiet finanzjarji iżda l-klabb xorta kien se jkollu l-mezzi biex jinkiteb fil-kampjonat tas-sena ta’ wara, is-sentenza tista’ tkun biss ta’ multa jew tnaqqis ta’ punti fil-klassifika.
3. Diriġenti u plejers li laħqu ftehim irregolari dwar il-pagi, jistgħu jkunu sospiżi (Il-plejers jistgħu jeħlu minn tal-inqas xahar sospensjoni). Il-klabb f’dal-każ jista’ jeħel multa sa massimu ta’ tliet darbiet il-somma miftehma b’mod irregolari.
Tajjeb ngħidu li la l-Procura u wisq inqas il-CONSOB qatt ma xlew lil Juventus jew lill-uffiċċjali tagħha li wettqu irregolaritajiet finanzjarji minħabba li l-klabb ma kellux il-mezzi biex jinkiteb fil-kampjonat tas-sena ta’ wara. Għaldaqstant Juventus semmai jistgħu jeħlu multa jew punti mnaqqsa biss, bla ebda riskju li jisfaw relegati. L-esperti legali li tkellmu dil-ġimgħa qablu dwar dan. L-uniku ‘espert’ li beżża’ bir-relegazzjoni hu l-avukat Grassani li mhuwiex wisq kredibbli minħabba li għal snin twal serva bħala rappreżentant legali ta’ Napoli u tkellem mingħajr ma fela l-dokumenti kollha tal-każ.
Matthew Scerri