Posts

Juventus iridu jbigħu qabel jixtru aktar plejers f’nofs il-grawnd

F’nofs il-grawnd Juventus mistennija jagħmlu minn tal-inqas akkwist ieħor. Qed jissemma b’saħħa Paredes fil-pożizzjoni ta’ playmaker. Qabel isir dan l-akkwist, Juventus iridu però qabelxejn ibigħu peress li bħalissa fit-tim Juventin hemm wisq plejers li jilagħbu f’nofs il-grawnd. L-uniċi ċerti li se jżommu posthom ma’ Juventus huma Pogba u Locatelli. McKennie, Zakaria u Rabiot, probabbli jibqgħu, għalkemm jekk tasal offerta tajba, Juventus lesti jbigħuhom. Ramsey u Arthur, mill-banda l-oħra, mhumiex parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Ramsey jinsab f’negozjati ma’ Juventus biex jittermina l-kuntratt tiegħu, filwaqt li hemm it-tama li Arthur jkun misluf (Arsenal). Imbagħad hemm it-tlieta żgħar – Rovella, Fagioli u Miretti – li s’issa mhux magħruf x’se jsir minnhom. Kollox jindika li wieħed mit-tlieta biss se jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm il-preseason jaf jibdel il-pjanijiet ta’ Juventus. La darba Juventus ikunu neħħew plejer jew plejers fit-tim tagħhom, ikunu jistgħu jgħaddu għal aktar akkwisti.

Matthew Scerri

Ksur għal McKennie

L-injury ta’ Weston McKennie hu gravi hekk kif irriżulta li sofra ksur f’saqajh. McKennie sofra dan l-injury wara daħla ta’ plejer avversarju fuqu waqt il-partita kontra Villareal. Hu mill-ewwel deher muġugħ u immedjatament wara l-partita ttieħed l-isptar għal x-ray. B’konsegwenza ta’ dal-ksur McKennie se jkollu jibqa’ barra mill-azzjoni għal madwar xahrejn.
Matthew Scerri

Allegri jrid iżomm lil McKennie

Fl-aħħar jiem smajna ħafna li McKennie jista’ jitlaq lil Juventus. Illum waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Allegri sostna li hu jemmen li McKennie għandu jibqa’ ma’ Juventus, isir dixxiplinat u juża t-talent tiegħu ta’ midfielder offensiv.

Matthew Scerri

La Juve siamo noi. Ħaqqna rispett u mhux iktar dardir!

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-aħbar tal-ikla jew festa fir-residenza ta’ McKennie kienet daqqa ta’ ħarta oħra għas-supporters Juventin fi staġun tassew tqil u fastidjuż. Iċ-ċiklu wasal fi tmiemu u bħalma jiġri f’każijiet bħal dawn, it-tim kollu qed jintelaq. Dis-sena rarissimu rajna partita tat-tim tal-qalb tagħna u ħadna verament gost. Nemmen li ħafna plejers ma tawx l-almu tagħhom. Rajna ħafna partiti mitlufa minħabba żbalji stupidi li llum lanqas it-tfal fin-nurseries m’għandhom jagħmlu. Ma tistax tirbaħ tajjeb. Dan hu fatt li qatt ma ċħadna. Li ma nistgħux inġerrħu iktar hu l-atteġġament tal-plejers ġewwa u barra l-grawnd. Ħalli titlef, imma f’ġieħ kemm hemm għandna kull dritt nitolbu li l-plejers jitfgħu qalbhom fil-grawnd. Għandna d-dritt nitolbu li l-plejers jilagħbu għall-flokk. Għandna d-dritt nitolbu li barra l-grawnd il-plejers iġibu ruħhom b’mod diċenti. Kulħadd hu liberu li jagħmel li jrid fil-ħajja privata tiegħu, imma hemm limitu għal kollox. Li tliet plejers jiddeċiedu li jinġabru ma’ nies oħra (10 jew 20, min jaf kemm kienu) għal ikla sa tard billejl meta fl-Italja hemm curfew hi ħaġa inaċċettabbli. Hemm rapporti li għal din l-ikla/festa xi xhieda raw taxis bi tfajliet deħlin fir-residenza ta’ McKennie. Hemm stejjer li McKennie għal siegħa sħiħa ma ħalliex lil Carabinieri jidħlu fid-dar tiegħu. ksur ta’ liġi sfaċċat u ripetut. Dan kollu hu tal-mistħija, speċjalment meta wieħed iqis li partijiet kbar tal-Italja u tad-dinja ilhom iktar minn sena b’restrizzjonijiet kbar minħabba l-imxija tal-Covid. Il-qżież m’hemmx iktar postu ma’ Juventus! It-tim li rridu nibdew nibnu s-sena d-dieħla jrid ikun ibbażat mhux biss fuq it-talent imma anki fuq l-imħabba li l-plejers għandhom lejn it-tim. Li fil-ġimagħtejn ta’ wara t-telfa umiljanti kontra Benevento plejer bħal Dybala jdarras lis-supporters l-ewwel b’filmat fuq Instagram fejn jidher jikkummiedja mal-partner tiegħu u wara jinqabad f’din l-ikla/festa hi ħaġa tal-mistħija! Jien wieħed minn dawk li lil Dybala nħobbu immens u nemmen li dan l-istaġun morna ħażin anki għax ma kienx hemm hu fil-grawnd. Biss issa nqabeż kull limitu u ma naħsibx li qed juri li Juventus għadhom prijorità għalih. Moħħu iktar fil-ħajja privata u Juventus jixirqilhom aħjar minn hekk!!

Matthew Scerri

Dybala, Arthur u McKennie mhumiex mgħajta għad-Derby bħala kastig

Fil-bidu nett tal-konferenza tal-aħbarijiet lejlet id-Derby, qabel ma’ ngħatat il-kelma lill-ġurnalisti biex jagħmlu d-domandi tagħhom, Pirlo ħabbar li Arthur, McKennie u Dybala mhux se jkunu mgħajta għall-partita kontra Torino b’rabta ma’ dak li seħħ żewġt iljieli ilu meta nqabdu mill-Carabinieri waqt ikla fir-residenza privata ta’ McKennie. S’issa għadu mhux magħruf meta huma se jkunu jistgħu jingħaqdu ma’ sħabhom. Fil-fatt Pirlo qal: “Imbagħad naraw meta se jkunu jistgħu jibdew jaħdmu mill-ġdid mal-kumplament tat-tim.” Mistoqsi jekk iħossx li għadu jżomm id iktar iebsa mal-plejers, Pirlo wieġeb: “Sa minn meta kont nilgħab jien, plejer jista’ jagħmel li jrid barra mill-grawnd basta ma jaqbiżx ċerta limiti. Dawn l-affarijiet dejjem saru biss issa ma kienx il-mument li issir ħaġa ta’ dat-tip.”

Matthew Scerri

Aktar inkwiet b’rabta mal-ikla fir-residenza ta’ McKennie

L-istorja tal-ikla fil-villa ta’ McKennie jaf tkun iktar serja milli kien maħsub għall-ewwel. La Stampa qed tirraporta li meta l-Carabinieri marru fil-villa ta’ McKennie għall-ħabta tal-11.30 ta’ billejl, ħadd ma ried jiftħilhom. Il-Carabinieri damu madwar siegħa barra mill-kanċell u mbagħad wara tħallew jidħlu. Jidher li McKennie jista’ issa jkun mixli li ma kkoperax u li rreżista għall-ordnijiet tal-Carabinieri. Jista’ jkun ukoll li anki l-mistednin l-oħra jkunu mixlija bl-istess mod.

Matthew Scerri

Juventus xtraw għal kollox lil McKennie

Juventus ħabbru li xtraw għal kollox lil Weston McKennie mingħand Schalke 04 għall-prezz maqbul fis-sajf ta’ 18.5 miljun Ewro. Fil-ftehim hemm anki l-ħlas ta’ performance bonuses sa massimu ta’ 6.5 miljun Ewro oħra.

Matthew Scerri

Serqa mid-dar ta’ McKennie

Nhar l-Erbgħa, waqt li Juventus kienu qed jilagħbu kontra Spal, xi ħallelin daħlu fid-dar ta’ McKennie u serqulu ħwejjeġ tad-ditta, żraben sportivi u xi apparat teknoloġiku. Il-pulizija qed tinvestiga dwar dal-każ.

Matthew Scerri

Chiesa u McKennie għadhom dubjużi

Illum Chiesa u McKennie ttrenjaw għal xi ħin mal-bqija ta’ sħabhom. Dan hu sinjal li qed jirkupraw mill-injuries imma għadhom mhumiex 100% f’sikkithom. Għada nkunu nafu jekk verament humiex se jkunu jistgħu jilagħbu kontra Inter. Fil-fatt jekk jittrenjaw is-sessjoni ta’ kollha ma’ sħabhom, ikun hemm ċans kbir li narawhom mill-ewwel minuta kontra t-tim ta’ Conte.

Matthew Scerri