Posts

Ma nużax it-tranżizzjoni bħala skuża

Drajna issa li wara kull riżultat diżappuntanti naqraw il-frażi “Din hi sena ta’ tranżizzjoni”. Onestament ma nafx min ivvinta dal-kunċett li din hi sena ta’ tranżizzjoni. Sa fejn naf jien Agnelli, Paratici u Pirlo dejjem stqarrew li Juventus qed jimmiraw li jirbħu l-għaxar kampjonat konsekuttiv u jippruvaw jiġġieldu għaċ-Champions League. Ħadd minnhom qatt ma semma li din hi sena ta’ tranżizzjoni. U fil-verità kif tista’ titkellem fuq sena ta’ tranżizzjoni meta għandek l-aqwa plejer tad-dinja fit-tim? Kif tista’ titkellem fuq sena ta’ tranżizzjoni meta tixtri plejers bħal Morata, Chiesa, Kulusevski u Arthur minkejja l-kriżi finazjarja li laqtet lid-dinja kollha? Kif tista’ titkellem dwar sena ta’ tranżizzjoni meta jkollok stilel fit-tim tal-kalibru ta’ Dybala u De Ligt?

Fil-fehma tiegħi din tas-sena ta’ tranżizzjoni qed issir skuża tajba biex ngħattu l-problemi reali tat-tim. Juventus għandhom kollox biex jirbħu anki dis-sena, jew għallinqas għandhom kollox biex jiġġieldu għar-rebħ tal-kampjonat. Li tara lil Juventus jiġu draw ma’ Crotone jew Benevento, b’wirjiet fqar, b’tim bla ideat, bi plejers li jingħataw il-vaganzi, u nistgħu nibgħu nsemmu hekk, m’għandha xejn x’taqsam ma’ sena ta’ tranżizzjoni. Dan kollu li nassistu għalih hu frott ta’ tmexxija ħażin minn Pirlo. Li kieku għad hemm Sarri minfloku, kieku kulħadd qed jgħajru. Lil Pirlo qed niskużawh għax tana ħafna bħala plejer. Onestament, imma, bħala kowċ s’issa mhux qed ikun tajjeb. Kull logħba qed naraw tim differenti. Wara xahrejn-tlieta għadna lanqas biss nafu x’għandu f’rasu għal dat-tim. Fl-intervisti jgħid ħafna kliem sabiħ, imma fil-grawnd rari konna vera tajbin. Li hu preokkupanti mhuwiex tant li tiġi draw ma’ Crotone jew Benevento, agħar minn hekk hemm il-fatt li fiż-żewġ partiti ma kienx ħaqqna nirbħu u lanqas biss ippruvajna nirbħu.

Naħseb li kulma jmur hu dejjem iktar evidenti li ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk. L-għażla ta’ Pirlo kienet riskjuża  wisq. Nerġa’ ngħid dak li ktibt fis-sajf: Guardiola u Zidane mexxew lil Barcellona B u Real Madrid B qabel ħadu f’idejhom l-ewwel tim. Pirlo kellu jagħmel l-istess u fil-verità Juventus hekk kellhom fil-pjan li jagħmlu. Biss imbagħad riedu jeħilsu minn Sarri u jsibu kowċ low cost, u allura bidlu l-pjanijiet tagħhom. Jiddispjaċini ngħid, imma din mhi qatt se tkun sena ta’ tranżizzjoni għax m’aħna nibnu xejn. Għandi dubji kbar kemm Pirlo se jtemm l-istaġun jekk il-wirjiet u r-riżultati se jibqgħu dawn. U anki jekk itemm l-istaġun, jekk ma jirbaħ xejn żgur li mhux se jkun ikkonfermat (finalment Allegri u Sarri tkeċċew għax rebħu ‘biss’ il-kampjonat!).

Nagħlaq b’awgurju li jkun hemm żvolta fit-tim. Nawgura li Pirlo u l-istaff tiegħu jagħrfu jsolvu darba għal dejjem il-problemi tat-tim. Jalla Pirlo jagħlqilna ħalqna u jagħtina risposta. Jalla nibdew nieħu pjaċir naraw lit-tim tagħna jilgħab. Jalla naraw tim li jilgħab bil-qalb. Ma tistax tirbaħ dejjem, veru, imma għandek dejjem tipprova tirbaħ!

Matthew Scerri

Pirlo: “Irridu nkomplu naħdmu”

https://www.youtube.com/watch?v=0vDFGeMkbsU

Erbat iplejers irkupraw mill-injuries tagħhom

Aħbarijiet tajba mill-JTC tal-Continassa hekk kif Pirlo rkupra erba’ mill-plejers li kellu barra mill-azzjoni b’injury. De Ligt, Alex Sandro, Chiesa u Dybala fl-aħħar jiem ittrenjaw mal-kumplament ta’ sħabhom u dan ifisser li rkupraw mill-injuries li kienu sofrew. Hu kważi ċert li De Ligt u Alex Sandro se jkunu qed jibdew mill-ewwel minuta kontra Cagliari, filwaqt li Chiesa u Dybala jaf jibdew bħala sostituti bil-possibbiltà li jidħlu waqt il-partita.

Matthew Scerri