Posts

Di Maria u Pogba waslu biex jaslu!

Għalkemm l-aħbar mhix waħda uffiċjali, jidher li l-ġimgħa d-dieħla Angel Di Maria u Paul Pogba se jkunu qed jaslu Turin wara li l-vaganzi tagħhom waslu fi tmiemhom. Huma se jkunu qed jagħmlu t-testijiet mediċi u wara jiffirmaw il-kuntratti li se jorbtuhom ma’ Juventus. It-tnejn li huma, l-istess bħal bqija ta’ sħabhom, se jkunu qed jibdew it-taħriġ taħt it-tmexxija ta’ Allegri mill-10 ta’ Lulju, id-data uffiċjali tal-bidu tal-preseason Juventin.

Matthew Scerri

Bidliet fin-numru tal-flokkijiet ta’ Chiesa u Vlahovic

Direttament mis-sit tal-Juventus Store, saret magħrufa bidla fin-numri tal-flokkijiet ta’ Federico Chiesa u Dusan Vlahovic. L-attakkant Serb se jkun qed jilbes il-flokk numru 9, filwaqt li Chiesa se jkollu n-numru 7. Fil-ġimgħat li għaddew kien hemm ħafna xnigħat li Chiesa se jkun qed jingħata l-flokk numru 10 wara t-tluq ta’ Dybala, b’Cuadrado jieħu lura n-numru 7. Madankollu dan ma seħħx. Kollox jindika, issa, li n-numru 10 ta’ Juventus se jkun qed jinġarr mill-ġdid minn Paul Pogba.

Matthew Scerri

Arrivabene jgħid tiegħu dwar Pogba, De Ligt u Dybala

Maurizio Arrivabene ta intervista esklussiva lil Tuttosport fejn tkellem fit-tul dwar is-suq tat-trasferimenti ta’ Juventus. B’mod partikolari hu kellu l-opportunità li jagħti l-verżjoni tiegħu dwar Pogba, Dybala u De Ligt.

Skont Arrivabene, Juventus jinsabu f’taħdidiet ma’ Pogba u l-affarijiet sejrin tajjeb ferm. Dwar Dybala spjega li hu veru li kien hemm offerta ta’ erba’ snin lill-plejer (iċ-ċifra ma semmihiex), liema offerta kienet ġiet mgħoddija lill-aġent tal-plejer. Madankollu, imbagħad, Juventus għamlu kunsiderazzjonijiet ulterjuri li wassluhom biex iwaqqgħu dik l-offerta. Fakkar li f’Jannar l-affarijiet inbidlu drastikament wara li nkiseb Vlahovic.

Id-diriġent Juventin kellu l-opportunità li jitkellem dwar l-għidut li għandu x’jaqsam ma’ De Ligt. Fi kliem Arrivabene, illum hu impossibli li l-klabb iżomm plejer kontra r-rieda tiegħu. Tenna li fil-futbol tal-lum il-plejers jagħmlu biss dak li jgħidulhom l-aġenti. Skontu, f’sitwazzjonijiet bħal dawn hu importanti li t-tliet partijiet iqumu minn mal-mejda tat-taħdidiet kuntenti. Fi kliem ieħor irid jinstab ftehim li jkun konvenjenti għax-xerrej, għall-bejjiegħ u għall-plejer innifsu.

Matthew Scerri

L-attenzjoni ddur fuq is-suq tat-trasferimenti. Mistennija bidliet radikali fi ħdan it-tim Juventin

Hekk kif il-kampjonat u l-istaġun waslu fi tmiemhom, l-attenzjoni se ddur għal kollox fuq is-suq tat-trasferimenti. Juventus jidhru li qed jaħdmu bla waqfien biex ikun hemm bidla radikali fi ħdan it-tim. Diversi plejers mistennija jitilqu lil Juventus u minflokhom se jinkisbu plejers oħra. It-tir hu li Allegri jkollu tim iktar kompetittiv b’taħlita ta’ plejers maturi u ta’ esperjenza, flimkien ma’ talenti żgħażagħ.

S’issa nafu li Chiellini għażel li ma jkomplix jilgħab għal Juventus. Dybala u Bernardeschi se jitilqu b’għażla ta’ Juventus li ma ġeddewlhomx il-kuntratti tagħhom. Apparti dawn l-aħbarijiet uffiċjali, smajna ħafna għidut li Juventus ma jridux iżommu iktar lil Kean, Arthur, Alex Sandro, Rugani u Ramsey. Mhux faċli, però, li ssib tim lest joħodhom minħabba l-pagi tagħhom u anki għall-fatt li ġejjin minn wirjiet ferm deludenti. Morata, mill-banda l-oħra, hu plejer li Allegri jixtieq iżomm imma Juventus ma jridux iħallsu l-35 miljun Ewro li skont il-ftehim ta’ sentejn ilu l-Bianconeri għandhom iħallsu biex jixtru lill-iSpanjol għal kollox. L-indikazzjonijiet huma li Juventus se joffru 15-il miljun Ewro lil Atletico Madrid għal Morata, biss l-Ispanjoli għalissa ma jidhrux disposti jinżlu inqas minn 25 miljun.

Mhux ċert il-futur ta’ Rabiot, Pellegrini u McKennie. It-tlieta li huma jistgħu jibqgħu ma’ Juventus anki s-sena d-dieħla, biss jekk tasal offerta tajba għalihom, Juventus x’aktarx ikunu lesti li jbigħuhom. Mhux magħruf anki x’se tkun l-istrateġija ta’ Juventus dwar Rovella, Miretti, Fagioli u Ranocchia. Diffiċli li jibqgħu kollha ma’ Juventus, imma mhux eskluż li xi ħadd minnhom jingħata l-opportunità li jkun parti mit-tim ta’ Allegri.

Niġu issa għall-akkwisti l-ġodda. Qed jissemmew b’saħħa tliet plejers li għandhom il-kuntratt li se jiskadi ftit tal-ġimgħat oħra mat-timijiet rispettivi: Di Maria, Pogba u Perisic. Skont il-gazzetti u l-websites tal-futbol, Di Maria u Pogba diġà aċċettaw l-offerta li saritilhom minn Juventus. S’issa, però, m’hemm ebda firma fuq xi kuntratt u allura mhux eskluż li jista’ jkun hemm xi u-turn mill-plejers inkwistjoni. Perisic ukoll jidher qrib li jingħaqad ma’ Juventus, għalkemm il-partijiet għadhom jiddiskutu d-dettalji tal-ftehim. Fid-difiża qed jissemma bdil bejn Acerbi u Rugani. Barra minn hekk Atalanta x’aktarx mhux se jixtru għal kollox lil Demiral u allura probabbli li Juventus se jkunu jistgħu jżommu flimkien ma’ Gatti li nxtara f’Jannar.

Matthew Scerri

Numri ġodda fuq il-flokk għal Danilo u Cuadrado

Cuadrado u Danilo se jkunu qed jilagħbu b’numru ieħor fuq il-flokk minflok dak li rajnihom bih fl-aħħar snin. Fil-fatt meta wieħed jordna l-flokk online jinduna li Cuadrado se jkollu l-flokk numru 11 (u mhux iktar is-16). Danilo, mill-banda l-oħra, se jkun qed iġorr in-numru 6 fuq il-flokk tiegħu (minflok it-13 tal-aħħar sentejn). Dawn in-numri jaf ikunun indikazzjonijiet anki dwar is-suq tat-trasferimenti Juventin. Fil-fatt sa tliet snin ilu Cuadrado kellu l-flokk numru 7, numru li hu ħalla lil Ronaldo. Il-fatt li issa ħa n-numru 11u ma marx lura għall-flokk 7, jaf ifisser li Ronaldo se jibqa’ ma’ Juventus. Fl-istess ħin il-flokk numru 6 ta’ Danilo jista’ jfisser li Pogba mhux se jirritorna ma’ Juventus peress li Pogba fl-aħħar snin rabat ismu man-numru 6 (għalkemm ma’ Juventus fl-aħħar sena kellu l-flokk numru 10!).

Matthew Scerri

Juventus se jsaħħu nofs il-grawnd tagħhom

Il-prijorità fis-suq tat-trasferiment se tingħata minn Juventus lin-nofs il-grawnd. Wara tliet snin, Juventus se jkunu qed jagħmlu akkwisti importanti sabiex isaħħu nofs il-grawnd tagħhom. Arthur, Bentancur, McKennie u Fagioli mistennija li jkunu kkonfermati, filwaqt li Rabiot u Ramsey se jitpoġġew għall-bejgħ. Juventus se jixtru playmaker: Locatelli jew Pjanic. Locatelli qed jagħti l-ewwel preferenza tiegħu lil Juventus u hemm rapporti li hu għarraf lil Sassuolo li se jirrifjuta kull offerta oħra. Pjanic, għalkemm hu maħbub minn Allegri, jiswa wisq u għandu paga għolja. Il-ħolma tibqa’ ġġib l-isem ta’ Paul Pogba. Xi gazzetti qed isostnu li jista’ jkun hemm tpartit bejn Ronaldo u Pogba. Jekk dan ma jseħħx, allura hu probabbli li Juventus jixtru lil De Paul.

Matthew Scerri

Pogba f’Jannar possibbli biss jekk …

Skont Calciomercato.com Juventus se jagħmlu tentattiv f’Jannar biex jiksbu lil Paul Pogba. It-trasferiment imma jista’ jseħħ biss jekk Manchester United jaċċettaw il-kundizzjonjiet ta’ Juventus: self sa Ġunju bid-dritt li Juventus jixtruh għal kollox fis-sajf. Barra minn hekk Pogba jrid ikun dispost jaċċetta paga inqas milli għandu bħalissa mar-Red Devils.

Matthew Scerri

Raiola: “Diffiċli li Pogba jitlaq lil Manchester United f’Jannar”

Mino Raiola stqarr li hu diffiċli li Paul Pogba jitlaq lil Manchester United f’Jannar. “Il-plejers il-kbar rari jiċċaqilqu f’Jannar. Issa naraw x’se jiġri fis-sajf,” spjega l-aġent.

Matthew Scerri

 

Raiola: “Pogba mhuwiex kuntent ma’ Manchester United. L-aħjar ħaġa hi li jitlaq”

F’intervista mogħtija lil Tuttosport, Mino Raiola sostna: “Pogba mhuwiex kuntent ma’ Manchester United. Mhux qed jirnexxilu jesprimi ruħu kif jixtieq u kif wieħed jistenna minnu. Għandu bżonn jibdel it-tim. Għandu kuntratt li jiskadi sena u nofs oħra, fis-sajf tal-2022, imma naħseb li l-aħjar soluzzjoni għal kulħadd hi li jinbigħ. Inkella l-klabb ta’ Old Trafford, li miegħu r-relazzjoni hi tajba ħafna, jaf sew li jirriskja li jitilfu b’xejn peress li bħalissa mhix fl-intenzjoni tal-plejer li jġedded il-kuntratt.”

Matthew Scerri

Pogba: “Mument diffiċli fil-karriera tiegħi”

F’kumment mogħti lil RTL, Paul Pogba ammetta li jinsab għaddej minn mument partikolari fil-karriera tiegħu u indirettament ikkonferma kleim Deschamps li hu ma jinsabx kuntent ma’ Manchester United. “It-tim nazzjonali jagħtini daqsxejn ta’ nifs. Qatt qabel ma għaddejt minn mument daqshekk diffiċli fil-karriera tiegħi,” qal Pogba. Għalkemm ma semmiex lil Manchester United, hu ovvju li r-riferiment hu proprju għar-Red Devils.

Matthew Scerri