Posts

Genoa-Torino u Juventus-Napoli se jkunu posposti?

Bejn dal-lejl u għada mistennija joħorġu r-riżultati tal-iswab tests tal-plejers ta’ Napoli wara li faqqa’ l-każ ta’ Genoa b’14-il persuna infettata. Napoli lagħbu kontrihom nhar il-Ħadd u allura hemm riskju li l-virus għadda lill-plejers Naplitani. Minħabba l-incubation period tal-virus innifsu, nhar il-Ġimgħa se jsiru swab tests oħra li r-riżultati tagħhom ikunu magħruf s-Sibt.

F’dan l-istadju għadna ma nafux jekk Genoa-Torino u Juventus-Napoli humiex se jintlagħbu. Fir-regolamenti tal-kampjonat Taljan m’hemm l-ebda regoli li tgħid li jekk ikun hemm iktar minn ċertu numru ta’ plejers infettati l-partita titħassar. L-Uefa għandha dir-regola għall-kompetizzjonijiet Ewropej (13-il plejer infettat ikun ifisser li l-partita ma tintlagħabx). Genoa għandhom għaxar plejers infettati s’issa u nemmnu li fiċ-ċirkostanzi attwali l-partita kontra Torino għandha tintlagħab f’data oħra. L-istess jgħodd għal Juventus-Napoli għax l-incubation period tal-virus hu kemxejn twil u jista’ jkun li fl-iswab tests il-virus ma jinqabadx (fil-fatt Genoa kellhom biss tnejn morda sas-Sibt li għadda u l-virus irriżulta wara l-partita). Sitwazzjoni delikata immens. Nemmnu imma li s-sens komun jitlob il-prudenza bħalissa: aħjar żewġ partiti li jintlagħbu f’data oħra milli jkun hemm erba’ timijiet tas-Serie A b’numru qawwi ta’ plejers infettati. Aħjar inwaqqfu żewġ partiti issa milli nieħdu r-riskju li jkollu jerġa’ jagħlaq kollox mill-ġdid!

Matthew Scerri

Bħalissa aħjar nwarrbu t-trijonfaliżmu u d-disfattiżmu

F’dal-mument tal-istaġun naħseb li t-tim Juventin m’għanduz bżonn la t-trijonfaliżmu li kellna wara l-partita kontra Sampdoria u wisq inqas ċertu disfattiżmu li deher wara l-partita kontra Roma. Hu veru li ġimgħa ilu rajna wirja tajba u ħadna gost naraw lit-tim jilgħab. Fl-istess ħin, imma, hu veru wkoll li lbieraħ rajna wirja fqira għall-aħħar, speċjalment fl-ewwel taqsima. Irridu noqogħdu attenti, għallinqas hekk nemmen, li ma neloġjawx wisq u ma nikkritikawx iżżejjed lit-tim f’dal-mument tant delikat fejn Pirlo għadu qed jibni lit-tim. Irridu nkunu realistiċi u nitgħallmu mill-iżbalji. Ilbieraħ kien hemm wisq żbalji u nittamaw li Pirlo tgħallem il-lezzjoni. Fl-istess ħin ma nistgħu ninsew it-tajjeb li sar qabel u fuq dak irridu nkomplu nibnu. Imbagħad, bħalma dejjem ktibna, għad hemm il-kwistjoni tal-kampanja trasferimenti. Timijiet oħra ilhom jibnu t-tim tagħhom. Aħna ninsabu f’mument fejn irridu naqilbu lit-tim ta’ taħt fuq. L-akkwisti ta’ Kulusevski, Arthur, McKennie u Morata huma tajbin imma mhux biżżejjed biex it-tim ikun issaħħaħ kif mixtieq. F’nofs il-grawnd għad fadal ħafna xi jsir; neħtieġu attakkant tal-kaxxa; u anki fuq wara hemm bżonn xi rtokki. Jekk Agnelli, Paratici u Nedved mhux se jifhmu dal-punt kruċjali, allura, dejjem biex inkunu realistiċi, irridu nippreparaw ruħna għal staġun diffiċli ferm. Il-gap naqas drastikament fl-aħħar staġun. Inter, Atalanta, Lazio u Napoli qorbu ħafna lejn Juventus. Issa sta għal Pirlo bħala kowċ u lid-diriġenti jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex it-tim jibqa’ kompetittiv u jkollu realment ċans jirbaħ l-għaxar kampjonat konsekuttiv.

Matthew Scerri

Roma-Juventus 2-2

L-ewwel eżami serju ta’ Pirlo mar ħażin ferm għalkemm is-soltu Ronaldo rnexxilu jsalva lit-tim Juventin b’doppjetta li fissret punt mhux wisq mistħoqq. Apparti r-riżultat u l-gowls ta’ Ronaldo ma tantx hemm wisq xi tfaħħar fil-partita tal-Bianconeri. Difensivament kienet l-agħar wirja fl-aħħar għaxar snin. Prattikament kull darba li Roma ppruvaw jaqbżu nofs il-grawnd ġew waħidhom kontra Szczesny. Nofs il-grawnd kien żbilanċjat ferm bil-konsegwenza li d-difiża tħalliet mikxufa wisq u Rabiot spiċċa tkeċċa għax kien f’diffikultà waħdu. Ramsey u Kulusevski ppruvaw joħolqu imma ftit li xejn kienu effikaċi. Morata, imbagħad, għadu jrid jidra sew lil sħabu l-ġodda. Kollox ma’ kollox kien hemm ħafna, wisq, taħwid tattiku min-naħa ta’ Pirlo (bidel is-sistema meta s’issa t-tim kien sejjer tajjeb; bidel il-pożizzjoni ta’ Cuadrado u Ramsey; qed ikomplu jinsisti bi plejers barra minn posthom tipo Danilo minn full-back sar difensur ċentrali jew Cuadrado, l-aqwa full-back lemini fis-sena li għaddiet, kellu llejla jilgħab kontra siequ mal-linja l-oħra), Nispera li l-lezzjoni tal-lum ħadha u li jagħraf isewwi l-iżbalji tiegħu stess. Fl-istess ħin nittamaw li Paratici jagħtih il-plejers li huma meħtieġa f’dat-tim: full-back u midfielder ta’ kwalità, flimkien ma’ attakkant ċentrali tal-kaxxa.

ROMA-JUVENTUS 2-2

Skurjaw: 2 Veretout (1 pen.) (R), 2 Ronaldo (1 pen.) (J)

Roma (3-4-2-1): Mirante; Mancini, Ibanez, Kumbulla; Santon (Peres), Veretout, Pellegrini (Diawara), Spinazzola; Mkhitaryan, Pedro; Dzeko. Kowċ: Fonseca.

Juventus (4-4-2): Szczesny; Danilo, Bonucci, Chiellini, Cuadrado; Kulusevski (Frabotta), McKennie (Arthur), Rabiot, Ramsey (Bentancur); Morata (Douglas Costa), Ronaldo. Kowċ: Pirlo.

Referee: Di Bello.

Karti sofor: Kumbulla (R), Pellegrini (R), Frabotta (J).

Karta ħamra: Rabiot (J)

Matthew Scerri

Il-plejers mgħajta għal Roma-Juventus

Il-plejers mgħajta minn Pirlo għall-partita kontra Roma huma:

Gowlers: Szczesny, Pinsoglio, Buffon

Difensuri: De Sciglio, Chiellini, Danilo, Cuadrado, Bonucci, Rugani, Demiral, Frabotta

Plejers ta’ nofs il-grawnd: Arthur, Ramsey, McKennie, Rabiot, Bentancur, Portanova, Kulusevski

Attakkanti: Ronaldo, Morata, Dybala, Douglas Costa, Vrioni.

Matthew Scerri

Ir-referees tal-partiti tat-2 Ġurnata tas-Serie A

Is-Sibt 26 ta’ Settembru 2020, 3.00 p.m.

Torino-Atalanta: Irrati

Is-Sibt 26 ta’ Settembru 2020, 6.00 p.m.

Cagliari-Lazio: Massa

Sampdoria-Benevento: Dionisi

Is-Sibt 26 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Inter-Fiorentina: Calvarese

Il-Ħadd 27 ta’ Settembru 2020, 12.30 p.m.

Spezia-Sassuolo: Ghersini

Il-Ħadd 27 ta’ Settembru 2020, 3.00 p.m.

Verona-Udinese: Volpi

Il-Ħadd 27 ta’ Settembru 2020, 6.00 p.m.

Crotone-Milan: Pairetto

Napoli-Genoa: Sacchi

Il-Ħadd 27 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Roma-Juventus: Di Bello

It-Tnejn 28 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Bologna-Parma: Valeri

Matthew Scerri

Aktar minn elf supporter fl-Allianz Stadium għall-partita Juventus-Napoli?

Intervistat minn Radio Kiss Kiss, il-President tar-Reġjun Piemonte, Alberto Cirio sostna li hemm pjan sabiex għall-partita Juventus-Napoli hemm pjanijiet biex jitħallew jidħlu iktar minn elf supporter fl-Allianz Stadium. Fi kliemu l-protokoll dettaljat ilu lest minn Lulju u jekk is-sitwizzjoni sanitarja tkun tippermetti, se jsir tentattiv biex jidħlu iktar nies minn kemm kien hemm fl-okkażjoni ta’ Juventus-Sampdoria.

Matthew Scerri

Passi dixxiplinari kontra Roma

Roma ngħataw telfa walk-over ta’ 3-0 kontra Verona peress li, bi żball, l-isem ta’ Diawara ġie mniżżel f’lista ħażina mogħtija lil-Lega Calcio. Fil-fatt kull tim, fil-bidu tal-istaġun, jagħti lil-Lega Calcio lista ta’ 25 plejer, flimkien ma’ lista’ oħra ta’ plejers Under 22 li għandhom fit-tim u li jkunu jistgħu jużaw matul is-sena. Diawara, li sa sena ilu kien f’dil-lista tal-Under 22, baqa’ jidher fl-istess lista anki jekk għalaq sninu. Fi kliem ieħor isem Diawara għadu mniżżel bi żball fil-lista tal-Under 22 u dan l-iżball wassal għal telfa walk-over għal Roma kif kien ġara lil Sassuolo fl-2016. Intant is-Segretarju Ġenerali ta’ Roma, Pantaleo Longo diġa’ tefa’ r-riżenzja tiegħu b’rabta mal-każ u allegatament se jmur jaħdem ma’ Verona. Storja, insomma, tassew inkredibbli taħt kull aspett.

Matthew Scerri

Ir-riżultati tal-partiti tal-1 Ġurnata tas-Serie A

Is-Sibt 19 ta’ Settembru 2020, 6.00 p.m.

Fiorentina-Torino 1-0

Is-Sibt 19 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Verona-Roma 0-0 (Verona ngħataw rebħa 3-0 walk over minħabba xi irregolaritajiet min-naħa ta’ Roma)

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2020, 12.30 p.m.

Parma-Napoli 0-2

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2020, 3.00 p.m.

Genoa-Crotone 4-1

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2020, 6.00 p.m.

Sassuolo-Cagliari 1-1

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Juventus-Sampdoria 3-0

It-Tnejn 21 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Milan-Bologna 2-0

L-Erbgħa 30 ta’ Settembru 2020, 6.00 p.m.

Benevento-Inter 2-5

Udinese-Spezia 0-2

L-Erbgħa 30 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Lazio-Atalanta 1-4

Matthew Scerri