Posts

Juventus-Sampdoria 3-0

Bdejna tajjeb, anzi tajjeb ħafna. L-ewwel partita uffiċjali marret kif kull supporter kien qed jixtieq. It-tim lagħab tajjeb, lagħab bil-qalb, għal disgħin minuta sħaħ. Ma rajniex iktar it-tqassim eċċessiv u ossessiv tal-ballun li konna naraw is-sena l-oħra u minflok il-ballun beda jiġi mdawwar b’aktar ħeffa. McKennie u Kulusevski spikkaw fuq il-wirjiet tajbin tal-kumplament tat-tim. Anki Frabotta kellu logħba tajba b’wirja li ilna nistennew mingħand Alex Sandro. Ramsey, imbagħad, kien fost l-aqwa fil-grawnd wara li rnexxilu jħalli warajh, għal darba, il-problemi fiżiċi. Insomma, bidu tassew mill-aqwa. It-triq, però, hi twila ħafna. Irbaħna partita, imma fadal ħafna xi jsir kemm min-naħa ta’ Pirlo kif ukoll min-naħa ta’ Paratici. Nittamaw li l-attakkant il-ġdid jilħaq jasal dil-ġimgħa ħalli Pirlo u Juventus ikunu jistgħu jħabbtu wiċċhom mat-testijiet tqal (il-partita kontra Roma u Napoli) tal-ġimagħtejn li ġejjin.

JUVENTUS-SAMPDORIA 3-0

Skurjaw: Kulusevski (J), Bonucci (J), Ronaldo (J)

Juventus: Szczesny; Cuadrado (Bentancur), Bonucci, Chiellini (Demiral), Danilo, Frabotta (De Sciglio); Kulusevski (Douglas Costa), McKennie, Rabiot, Ramsey; Ronaldo. Kowċ: Pirlo.

Sampdoria: Audero; Bereszynski, Tonelli (Yoshida), Colley, Augello; Depaoli (Ramirez), Thorsby (Damsgaard,), Ekdal, Jankto, Leris (Quagliarella); Bonazzoli (Bonazzoli). Kowċ: Ranieri.

Referee: Piccinini

Karta safra: Tonelli (S)

Matthew Scerri

Pirlo: “Importanti li jkun hemm djalogu mal-plejers”

https://www.youtube.com/watch?v=NLV8iDwnoOM

Kif x’aktarx se jilagħbu Juventus u Sampdoria

Juventus (3-4-1-2): Szczesny; Danilo, Bonucci, Chiellini; Cuadrado, Rabiot, McKennie, Pellegrini; Ramsey; Kulusevski, Ronaldo.

Sampdoria (4-4-2): Audero; Bereszynski, Yoshida, Colley, Augello; Depaoli, Thorsby, Ekdal, Jankto; Quagliarella, Bonazzoli.

Sors: Calciomercato.com

Sassuolo mhux ippreparati biex jiftħu l-Mapei Stadium għan-nies

Ħarġu iktar dettalji dwar il-permess mogħti mill-awtoritajiet tar-reġjun tal-Emilia Romagna biex 1000 supporters jitħalla jidħol fl-istadiums. L-awtoritajiet talbu lill-klabbs konċernati biex jipprovdu dokument bil-protokoll li se jintuża. Sassuolo, imma, għarrfu lill-awtoritajiet li huma ma jinsabux lesti biex f’temp tant qasir jipprovdu dan id-dokument. Il-paradoss hu li Juventus ilhom ġimgħat li ħejjew il-protokoll u għaddewh lill-awtoritajiet imma qatt ma ngħataw il-permessi meħtieġa. Klabbs oħra, mill-banda l-oħra, ma ħadmux biex jiftħu l-istadium imma spiċċaw kisbu l-permessi li lanqas biss talbu.

Matthew Scerri

Stadiums miftuħin għall-pubbliku fl-Emilia Romagna

L-awtoritajiet tar-reġjun tal-Emilia Romagna ddeċidew li mil-lum l-istadiums jistgħu jiftħu l-bibien għall-pubbliku. Fl-istadiums ta’ dar-reġjun se jkunu jistgħu jilqgħu sa massimu ta’ 1000 supporter li jridu jsegwu regoli preċiżi sabiex ikun evitat kull tip ta’ riskju ta’ tixrid tal-Covid-19. Fi kliem ieħor elf supporter se jkunu jistgħu jassistu għal Parma-Napoli u Sassuolo-Cagliari.

Hu tassew sabiħ li s-supporters se jerġgħu jibdew deħlin fl-istadiums. Ħasra imma li l-go-ahead wasal biss ilbieraħ u allura l-klabbs jaf ma fadlilhomx iż-żmien jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ. Barra minn hekk ninsabu rrabbjati li talba simili min-naħa ta’ Juventus ma ntlaqgħetx mill-Gvernatur tal-Piemonte. Juventus kienu ħejjew protokoll dettaljat ferm imma ma ngħatawx permess. Issa l-permess ħareġ għall-ħaddieħor li sa fejn nafu aħna ma kienx ħejja bl-istess mod. Ta’ min jgħid ukoll li ċ-CEO tal-Lega tas-Serie A, De Siervo sostna lbieraħ li din hi sitwazzjoni paradossali għax f’Lulju ngħata lill-Gvern Taljan dokument ta’ 300 paġna bil-protokoll u risk assessment għal kull stadium. S’issa l-awtoritajiet kienu prudenti, kif inhu xieraq, imma mhux sew li issa r-regoli se jibdew ikunu differenti f’kull reġjun. Ir-regoli għandhom ikun għal kulħadd l-istess!

Matthew Scerri

Dzeko għada se jkun impenjat ma’ Roma

Edin Dzeko għada se jkun mat-tim ta’ Roma għall-partita kontra Verona. Fonseca stess ħabbar dan aktar kmieni llum. Wara l-partita, probabbli l-Ħadd jew it-Tnejn, Dzeko se jkun qed imur Turin biex jagħmel it-testijiet mediċi ma’ Juventus u jiffirma l-kuntratt.

Matthew Scerri

Ir-referees tal-partiti tal-1 Ġurnata tas-Serie A

Is-Sibt 19 ta’ Settembru 2020, 6.00 p.m.

Fiorentina-Torino: Abisso

Is-Sibt 19 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Verona-Roma: Chiffi

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2020, 12.30 p.m.

Parma-Napoli: Mariani

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2020, 3.00 p.m.

Genoa-Crotone: Ayroldi

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2020, 6.00 p.m.

Sassuolo-Cagliari: Marinelli

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Juventus-Sampdoria: Piccinini

It-Tnejn 21 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Milan-Bologna: La Penna

L-Erbgħa 30 ta’ Settembru 2020, 6.00 p.m.

Benevento-Inter: Piccinini

Udinese-Spezia: Prontera

L-Erbgħa 30 ta’ Settembru 2020, 8.45 p.m.

Lazio-Atalanta: Maresca

Matthew Scerri

Juventus-Sampdoria bil-bibien magħluqa

Skont Sky TG24 it-talba ta’ Juventus biex l-Allianz Stadium jilqa’ 1000 supporter nhar il-Ħadd għall-partita kontra Sampdoria, ma ġietx milqugħa mill-Gvernatur tar-reġjun tal-Piemonte. Ir-raġuni hi li minħabba li l-Kumitat Tekniku-Xjentifiku hu kontra l-ftuħ tal-istadiums, tkun xi tkun id-deċiżjoni tal-Gvernatur hu probabbli li xorta waħda jittieħdu passi mill-Gvern biex jitwaqqaf kollox.

Matthew Scerri

Proposta oħra minn Juventus biex is-supporters jidħlu fl-Allianz Stadium nhar il-Ħadd

Juventus ressqu proposta oħra lill-Gvernatur tar-reġjun tal-Piemonte biex is-supporters ikunu jistgħu jidħlu fil-Allianz Stadium għal Juventus-Sampdoria. Il-pjan hu li jidħlu biss 1000 persuna. Jidher li fl-aħħar Avviż Legali li ħareġ il-Gvern Taljan hemm miktub li hu possibbli li jsiru avvenimenti sa massimu ta’ 1000 persuna. Jidher imma li dawn l-avvenimenti għandhom ikunu ta’ darba u mhux regolari. Fi kliem ieħor ma tantx hemm ċans li l-proposta ta’ Juventus tintlaqa’.

Matthew Scerri