Posts

Pirlo: “Diffiċli li l-attakkant il-ġdid ikun Suarez”

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ lejlet Juventus-Sampdoria, Andrea Pirlo stqarr li qed jistenna li Juventus ikollhom attakkant ġdid. Hu qal li m’hemmx għaġġla peress li s-suq tat-trasferimenti fadallu ħafna biex jagħlaq. Mistoqsi jekk l-attakkant huwiex se jkun Luis Suarez, Pirlo wieġeb: “Diffiċli. Il-passaport se jdum ma joħroġ u allura naħseb li mhux se jkun hu.”

Matthew Scerri

Suarez għadda mill-eżami

Luis Suarez wasal l-Italja llum għall-ħabta tat-3 ta’ waranofsinhar permezz ta’ titjira privata. Hu nar fl-Università degli Stranieri ta’ Perugia u għamel l-eżami meħtieġ biex jikseb iċ-ċittadinanza Taljana.  Suarez għadda mill-eżami u  għaldaqstant l-passaport tiegħu għandu jinħareġ. Ma nafux f’dan l-istadju kemm teknikament se jgħaddi żmine biex mil-lat burokratiku jintemm il-proċess kollu u Suarez jingħata d-dokumenti meħtieġa.

Matthew Scerri

Filmat: Suarez jasal għall-eżami fl-Università ta’ Perugia

Allegatament Suarez wasal Perugia!

Diversi siti qed jagħtu l-aħbar li Luis Suarez verament se jkun Perugia llum waranofsinhar għall-eżami tat-Taljan. Goal.com qed jagħtu d-dettalji: Suarez qabad titjira privata mill-ajruport ‘El Prat’ fis-1.15 ta’ waranofsinhar b’destinazzjoni Perugia fejn se jsir l-eżami. Dan l-eżami jħoll u jorbot jinħariġlux il-passaport Taljan. Issa d-domanda hi: jekk verament din l-aħbar tkun konfermata, Suarez qed jagħmel l-eżami għax għadu f’negozjati ma’ Juventus jew kien laħaq applika għalih qabel sfaxxa kollox ma’ Juventus, imma xorta waħda se jkompli l-proċess kollu biex jikseb il-passaport Taljan?

Matthew Scerri

Giroud jista’ jkun l-attakkant il-ġdid ta’ Juventus wara l-problemi biex jinkisbu Suarez u Dzeko

Dak kollu li qed jiġri f’dawn is-sigħat hu tassew inkredibbli. Juventus jidhru li ddeċidew li ma jiffirmawx lil Suarez minħabba li l-passaport tiegħu se jdum ma jinħareġ. It-trasferiment ta’ Dzeko mill-banda l-oħra jinsab  imwaqqaf peress li Milik għandu ma jridx jaċċetta li jingħaqad ma’ Roma. Nafu li Roma mhux se jitilqu minn idejhom lil Dzeko qabel Milik ikun iffirma magħhom. Skont Sky f’dan l-istadju l-pożizzjoni ta’ Juventus hi ċara: jekk bejn illum u għada ma jkunx hemm żviluppi, allura se jmorru għal Giroud.

Matthew Scerri

Dzeko bħalissa jidher li għandu iktar ċans minn Suarez li jsir l-attakkant il-ġdid ta’ Juventus

Minn Spanja ma tantx qed jaslu aħbarijiet sbieħ. Fil-fatt jidher li l-passaport ta’ Suarez se jdum ma jinħareġ, probabbli wara l-5 ta’ Ottubru meta jagħlaq is-suq tat-trasferimenti. Hu veru li jekk Suarez ixolji l-kuntratt ma’ Barcellona hu jkun jista’ jiffirma ma’ Juventus wara l-5 ta’ Ottubru, però probabbli dan ikun ifisser li sa Jannar hu ma jkunx jista’ jilgħab fl-Ewropa. Fid-dawl ta’ dan kollu jidher li Juventus qed jikkunsidraw serjament li jieħdu lil Dzeko minflok Suarez. Fil-jiem li ġejjin suppost ikollna idea aħjar dwar dak kollu li se jiġri.

Matthew Scerri

Sinjali dwar Suarez u Dzeko

Il-partiti ta’ ħbiberija tal-lum jagħtuna indikazzjonijiet marbuta mas-suq tat-trasferimenti. Minn banda kellna lil Suarez li ma ġiex mgħajjat minn Barcellona għall-partita kontra Tarragona. Dan qed jinqara bħala sinjal li hu imminenti t-tluq tiegħu mit-tim ta’ Barcellona. Dzeko, mill-banda l-oħra, beda mill-ewwel minuta kontra Cagliari u allura nifhmu li Roma bħalissa ma jridux jitilquh minn idejhom.

Matthew Scerri

Suarez. Qed jingħad minn kollox

Jum ieħor ta’ stennija u tertieq il-qalb għas-supporters Juventini li qed jistennew żviluppi dwar Suarez. Illum kellna rollercoaster ta’ aħbarijiet. L-ewwel bdew Deportes Cuatro li taw l-aħbar li Suarez jippreferi jingħaqad ma’ Atletico, filwaqt li Morata jixtieq jirritorna ma’ Juventus. Imbagħad TV3 bdew jirrapurtaw li Koeman baqa’ sorpriż b’dak li ra mingħand Suarez waqt it-taħriġ. Imbagħad, tkellem il-ġurnalist Guillem Balague li sostna li jonqos biss dettall wieħed għat-trasferiment ta’ Suarez ma’ Juventus: il-ftehim bejn Suarez u Barcellona dwar is-somma li se titħallas lill-attakkant Urugwajan biex itemm il-kuntratt.

Matthew Scerri

Depay se jieħu post Suarez ma’ Barcellona

Barcellona identifikaw f’Memphis Depay is-sostitut ta’ Suarez. Nafu li l-attakkant Urugwajan jinsab qrib li jingħaqad ma’ Juventus jew Atletico Madrid f’każ li l-passaport jilħaq ma joħroġx. Minflok Suarez, Koeman talab l-akkwist ta’ Depay. F’das-sens qed jissemma li Barcellona offrew 25 miljun Ewro flimkien ma’ Umtiti għal Depay.

Matthew Scerri

Għada Suarez mistenni jitlob il-passaport Taljan

Il-programm Polideportivo, li jixxandar fl-Urugwaj, ta l-aħbar li għada Suarez se jmur fil-Konsolat Taljan f’Barcellona sabiex jitlob il-passaport Taljan. Se jsirlu eżami żgħir kif normalment isir f’dal-każijiet. Wara li jikseb il-passaport, probabbli li jkollna indikazzjonijiet meta t-trasferiment se jkun jista’ jseħħ realment.

Matthew Scerri