Posts

Filmat: L-isbaħ gowls ta’ Suarez

Tgħid daret il-folja?

Kulmin jaf sew l-andament tas-suq tat-trasferimenti, jaf tajjeb li fis-sajf hu normali li wieħed jaqra minn kollox. Pereżempju, wara li għal jumejn qalulna li Juventus kellu ftehim ma’ Suarez, issa Il Corriere dello Sport qed isostni li finalment Suarez jista’ jibqa’ flimkien ma’ Messi ma’ Barcellona. Fi Spanja, però, qed jiċħdu din l-aħbar peress li Suarez se jitlaq lil Barcellona mhux minħabba l-problemi li għandu Messi, imma għax ma jridux Koeman. Min qiegħed jgħid il-verità u min qed jigdeb, ovvjament, ma nafux. Li hu ċert hu s’issa għad ma nafu xejn dwar jekk Suarez sabx ftehim ma’ Barcellona biex ixolji l-kuntratt tiegħu. Dan hu punt kruċjali għax, kif jifhem tajjeb kulħadd, Juventus bħalissa ma jaffordjawx li jagħtu paga għolja lill-plejer u jonfqu somma kbira biex jixtruh. Fi kliem ieħor, jekk Suarez ma jinħallx mill-kuntratt ma’ Barcellona, hu impossibbli li narawh ma’ Juventus. Mill-banda l-oħra, la darba Suarez ikun xolja l-kuntratt mal-Ispanjoli, hu evidenti li l-favoriti nett biex jiffirmawh huma Juventus. Nistennew u naraw!

Matthew Scerri

Suarez għad m’għandux passaport Taljan

Skont La Gazzetta dello Sport, Luis Suarez għad m’għandux passaport Taljan jew iċ-ċittadinanza Spanjola. Hu qatt ma applika għalihom minkejja li kellu kull dritt. Fil-fatt hu intitolatat għal passaport Taljan peress li martu Sofia hi ċittadina Taljana u għandhom tlett itfal. Barra minn hekk jista’ anki jikseb iċ-ċittadinanza Spanjola peress li ħadem għal sentejn fi Spanja. Il-gazzetta r-roża qed tirraporta li dil-kwisjtoni mhux se twaqqaf eventwalment it-trasferiment ta’ Suarez ma’ Juventus. Dan l-għaliex Suarez jista’ jitlob passaport Taljan jew iċ-ċittadinanza Spanjola u f’temp ta’ ftit jiem suppost jirċievi d-dokumenti meħtieġa.

Matthew Scerri

Ftehim bejn Juventus u Suarez

Matul il-lejl li għadda faqqgħet l-aħbar li Juventus sabu ftehim ma’ Luis Suarez sabiex ikun jista’ jingħaqad magħhom. Issa jonqos biss, dejjem skont dak li qed ikun irrapurtat, li Suarez isib ftehim ma’ Barcellona sabiex ixoljulu l-kuntratt. Din l-aħbar ġiet mogħtija minn diversi siti u gazzetti. Illum probabbli li se nisimgħu ħafna iktar dwar dan kollu.

Matthew Scerri

Aġġornament dwar Dzeko u Suarez

Dzeko jew Suarez. Wieħed minn dawn it-tnejn se jkun l-attakkant il-ġdid ta’ Juventus. Tuttosport qed iġġib fuq l-ewwel paġna tal-lum li l-preferit ta’ Pirlo hu Edin Dzeko. Nafu imma li Roma mhux se jħalluh jitlaq qabel jirnexxilhom jixtru lil Milik. F’das-sens tajjeb ngħidu li skont Il Corriere dello Sport, Napoli u Roma għandhom ftehim għal bdil bejn Milik/Maksimovic u Under/Veretout/Riccardi. Nittamaw li sa tmiem dil-ġimgħa s-sitwazzjoni tkun ferm iktar ċara u naslu għall-firma tal-kuntratt.

Matthew Scerri