Posts

Nota ta’ Juventus: “M’aħniex involuti fil-każ ta’ Suarez”

Juventus FC wieġbu għal xi domandi li ressqulhom ix-share-holders tal-klabb. Waħda mid-domandi kienet dwar il-każ ta’ Luis Suarez. Juventus ikkonfermaw li huma qatt ma qabbdu lill-ebda avukat sabiex jorganizza l-eżami ta’ Suarez. L-avukatessa Turco kienet qed taħdem biss bħala konsulenta tal-istaff legali mqabbad minn Suarez. Skont in-nota ta’ Juventus ħafna mit-telefonati li dehru fil-media ma kinux korretti fis-sens li taw informazzjoni mhux korretta u ttieħdet barra mill-kuntest tagħha. Barra minn hekk Juventus kitbu li Suarez iddeċieda li jagħmel l-eżami minkejja li kien jaf li Juventus ma kinux se jiffirmawh.

Matthew Scerri

Twaqqfet l-investigazzjoni b’rabta mal-eżami ta’ Suarez

Il-Procuratore Capo ta’ Perugia ddeċieda li jwaqqaf kull tip ta’ investigazzjoni b’rabta mal-eżami ta’ Luis Suarez. Id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li f’iktar minn okkażjoni waħda ħarġet informazzjoni kunfidenzjali b’rabta mal-investigazzjoni li kienet qed issir. Il-Procuratore ordna li ssir inkjesta biex tistabilixxi kienx hemm xi nuqqasijiet f’dan ir-rigward. L-investigazzjoni dwar il-każ ta’ Suarez se tkompli malli tkun garantita r-riservatezza li l-każ jistħoqqlu.

Matthew Scerri

L-Avukat Chiappero: “Juventus m’għandhomx x’jaqsmu”

L-aġenzija tal-aħbarijiet Adnkronos qed jirrapurtaw li l-Avukat Chiappero stqarr illum li Juventus m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kwistjoni tal-allegati irregolaritajiet b’rabta mal-eżami ta’ Luis Suarez. Ta min jgħid ukoll li l-Avukat Chiappero u l-Avukatessa Turco llum kienu interrogati mhux bħala avukati ta’ Juventus, imma għax assistew lill-avukati ta’ Suarez biex hu seta’ jitlob iċ-ċittadinanza Taljana.

Matthew Scerri

L-avukat Chiappero: “Il-verità spiss tiġi mibdula”

L-avukati Luigi Chiappero u Maria Turco llum kienu interrogati b’rabta mal-allegati irregolaritajiet fl-eżami ta’ Luis Suarez. Huma ġew mitluba jagħtu l-verżjoni tagħhom bħala “persone informate sui fatti” u mhux għax qed jiġu indagati. L-avukat Chiappero rringrazzja lill-awtoritajiet li sejħulhom immedjatament biex jiċċaraw l-affarijiet min-naħa tagħhom u jiddefendu t-trasparenza li dejjem ħadmu biha. Hu żied anki li spissa l-verità tiġi mibdula għax hu konvenjenti għall-qarrejja u allura kien importanti li hu u l-avukatessa Turco jinstemgħu minnufih biex il-verità tkun stabbilita.

Matthew Scerri

Cherubini jiċċara għala ċempel lir-Rettur tal-Università ta’ Perugia

La Stampa ħadu kumment mingħand Cherubini. Hu kkonferma li ċempel lir-Rettur tal-Università Statale ta’ Perugia, Maurizio Oliviero. Cherubini sostna li jaf lil Oliviero u ċempillu peress li mill-Konsolat Taljan f’Barcellona ġie infurmat li l-eżami seta’ jsir fi Siena jew f’Perugia. Peress li kien jaf lil Oliviero, ċempillu biex jikseb informazzjoni dwar l-eżami. Oliviero, imma, għarfu li kellu jkellem lill-Università per Stranieri ta’ Perugia. Minn dak il-mument ‘il quddiem, il-ballun għadda f’idejn l-istaff ta’ Suarez u l-avukati involuti.

Matthew Scerri

Deffsu anki lil Cherubini fl-istorja tal-eżami ta’ Suarez

Ir-Rettur tal-Università Statale ta’ Perugia, Maurizio Olivieri hu l-persuna li kienet ikkuntattjata minn uffiċċjali ta’ Juventus (li allegatament hu Cherubini). Fit-telefonata Olivieri ġie mistoqsi jekk l-Università tiegħu tagħmilx l-eżami B1 meħtieġ għaċ-ċittadinanza ta’ Suarez. Hu wieġeb li l-Università Statale ma torganizzax dawn l-eżamijiet u għamel kuntatt mal-Università per Stranieri ta’ Perugia li regolarment ikollha sessjonijiet ta’ dawn l-eżamijiet. L-Università per Stranieri għandha bħala Direttur Ġenerali lil Simone Olivieri (li ma jiġix mir-Rettur tal-Università Statale). Ir-Rettur tal-Università per Stranieri f’telefonata minn lil Simone Olivieri allegatament jgħid: “Taf li għandi relazzjoni tajba mad-diriġenza ta’ Juventus. Irridu ngħinu lill-attakkant tagħna.” Fi stqarrija, Maurizio Olivieri spjega li hu tkellem ma’ Paratici għal ftit sekondi biss wara li sar l-eżami. Kienet telefonata ta’ korteżija li matulha Paratici rringrazzja lil Olivieri peress li Suarez ħassu tassew milqugħ tajjeb fil-ħin qasir li qatta’ jagħmel l-eżami.

Nagħlqu billi nfakkru li Juventus għalissa mhix tiġi investigata. Sar magħruf li l-avukati Maria Turco u Luigi Chiappero (qrib ħafna ta’ Juventus) issejħu fil-Procura biex jagħtu x-xhieda tagħhom hekk kif assistew lill-avukati ta’ Suarez fil-ewwel parti tal-proċess għall-ksib taċ-ċittadinanza Taljana min-naħa tal-attakkant Urugwajan.

Matthew Scerri

Il-każ ta’ Suarez. Jissemma isem Paratici imma m’hemmx telefonati min-naħa tiegħu

L-aħbar tal-ġurnata hi li Fabio Paratici jissemma fit-telefonati rrekordjati marbutin ma’ allegati irregolaritajiet fl-eżami tat-Taljan li għamel Luis Suarez. Qam bħal dejjem ħafna kjass u kien hemm diversi appelli għal passi dixxiplinari. Minn dak li nafu s’issa, jidher li f’xi telefonati ssemma l-isem ta’ Paratici. Ma nafux li jeżistu telefonati min-naħa ta’ Paratici jew ta’ xi uffiċċjal ieħor ta’ Juventus. Kulma hemm, għallinqas minn dak li qed ikun irrapurtat, huma kummenti tipo “Paratici hu importanti iktar minn Mattarella”, “irridu ngħinu lill-attakkant tagħna” jew “bih nirbħu ċ-Champions League”. Insomma kliem ta’ supporters li riedu jaraw lil Suarez ma’ Juventus. Ma hemm l-ebda telefonata, għallinqas minn dak li ġie żvelat s’issa, fejn Paratici jew xi ħaddieħor mit-tim Juventin talab xi tip ta’ tbagħbis tar-riżultati tal-eżami ta’ Suarez.

Matthew Scerri

Kjarifika mill-Avukatessa Turco dwar it-telefonati li ħarġu llum

L-avukatessa Maria Turco ħarġet stqarrija fejn iċċarat il-pożizzjoni tagħha dwar it-telefonati żvelati mill-Corriere della Sera. Hi spjegat li t-telefonati ma ttiħdux fil-kuntest it-tajjeb tagħhom. Hi kienet qed tassisti lill-avukati ta’ Suarez peress li hu reid jikseb iċ-ċittadinanza Taljana. It-telefonati saru bħala follow-up għall-emails bejn l-avukati ta’ Saurez u l-Università. L-avukatessa Turco sostniet li fit-telefonati hi appellat sabiex l-eżami jsir fil-preżenza fiżika ta’ Saurez u qatt ma talbet xi tip ta’ trattament privileġġat għall-attakkant Urugwajan. L-istqarrija ttemm tgħid li l-klabb li ried jirreġistra lil Suarez (tajjeb ngħidu li hi qatt ma semmiet lil Juventus fl-istqarrija) kienetbidel fehmtu u dawwar ħarstu fuq plejers oħra fil-mument li dan kollu kien qed jiġri.

Matthew Scerri

Avukatessa qrib Juventus implikata fil-każ tal-eżami ta’ Suarez

Juventus sfaw implikati fl-iskandlu marbut mal-eżami ta’ Luis Suarez. Il Corriere della Sera żvelat li l-Guardia di Finanza għandha f’idejh tliet telefonati li l-avukatessa Maria Turco kellha ma’ Simone Oivieri, li hu d-Direttur Ġenerali tal-Università per Stranieri ta’ Perugia. Allegatament fit-telefonati l-partijiet jiftehmu dwar meta u kif se jsir l-eżami ta’ Suarez. Hemm anki telefonata fejn l-avukatessa Turco twiegħed li se tieħu aktar plejers għal testijiet simili fil-futur.

U Juventus fiex jidħlu? L-avukatessa Turco taħdem fl-istudju ta’ Luigi Chiappero li ilu snin l-avukati li jużaw Juventus f’każijiet importantui. L-allegazzjonijiet huma li l-avukatessa Turco kienet qed tagħmel dat-telefonati f’isem Juventus u allura beda proċess medjatiku b’sejħa għal passi kontra Juventus.

Matthew Scerri

Inkjesta dwar allegati irregolaritajiet b’rabta mal-eżami ta’ Suarez

Infetħet inkjesta dwar allegati irregolaritajiet marbutin mal-eżami tat-Taljan li għamel Luis Suarez fl-Università per Stranieroi ta’ Perugia. L-akkuża hi li Suarez kien jaf minn qabel x’se jaqsuh waqt l-eżami, kif ukoll il-marka kienet assenjata lilu qabel għamel l-eżami.

Qabelxejn infakkru li Suarez għamel dan l-eżami għax talab li jingħata ċ-ċittadinanza Taljana. It-trasferiment tiegħu ma’ Juventus ma setax iseħħ mingħajr ma hu jkollu passaport Taljan. Fis-Serie A hemm limitu fuq kemm klabb jista’ jirreġistra plejers extra-komunitarji u Juventus kienu laħqu dan il-limitu bl-akkwist ta’ McKennie. M’hemmx limitu fuq reġistrazzjoni ta’ plejers komunitarji u allura Suarez seta’ jkun akkwistat biss jekk iġib iċ-ċittadinanza Taljana. Hu kellu dritt għaliha minħabba li martu hi ċittadina Taljana. Hawn tajjeb ngħidu li, skont Il Fatto Quotidiano, fi Spanja min ikun miżżewweġ ma’ ċittadini komunitarju awtomatikament ikollu status ta’ komunitarju hu wkoll. Fl-Italja mhux hekk u mill-2018 ‘l hawn min jitlob iċ-ċittadinanza b’rabta maż-żwieġ irid jgħaddi minn eżami tat-Taljan.

L-eżami inkwistjoni hu fil-livell B1. Hu eżami kemxejn tqil (ħarira itqal mill-O Levels li nagħmlu hawn Malta f’termini ta’ kontenut għalkemm l-eżami nnifsu jkun inqas demanding) u żgur mhuwiex possibbli li wieħed jgħaddi mingħajr żmien twil ta’ tagħlim. Għaldaqstant mill-ewwel dehret stramba li Suarez għadda mill-eżami la hu qatt ma studja t-Taljan. Barra minn hekk l-eżami normalment jieħu madwar sagħtejn u għoxrin minuta, mentri Suarez lestieh f’erbgħin minuta.

L-inkjesta li semmejna qabel twieldet ftit b’kumbinazzjoni. Il-Procura ta’ Perugia kienet qed tindaga fuq xi allegati irregolaritajiet fl-Università u min xi telefonati ttippjati, irriżulta li persuni mill-Università ta’ Perugia kienu qed jiftehmu minn qabel li Suarez kellu jgħaddi akkost ta’ kollox anki jekk kelli problemi kbar jiitkellem b’mod korrett (pereżempju ma jafx jaħdem il-verbi). Il-Guardia di Finanza qed tindaga fuq dawn l-allegati irregolaritajiet.

Wara li ħarġet l-aħbar tkellem uffiċċjal tal-Guardia di Finanza, Selvaggio Sarri li kkonferma Juventus mhumiex indagati b’rabta ma’ dal-każ. Fi kliemu l-eżami sar għax Juventus kienu intenzjonati jiffirmaw lil Suarez u kellu bżonn il-passaport Taljan. Qal anki li ma saret ebda pressjoni esterna jiġifieri Juventus m’għamlux pressjoni mal-Università biex Suarez jgħaddi żgur. Li ġara, skont l-informazzjoni miġbura s’issa, kien li nies mill-Università ta’ Perugia ħadu l-inizjattiva waħidhom għax ħassew li persunaġġ tal-kalibru ta’ Suarez ma setax jeħel mill-eżami.

Matthew Scerri