Posts

Cherubini f’laqgħat mal-aġenti ta’ Koulibaly, Zaniolo u Morata

L-Erbgħa 6 ta’ Lulju 2022 kienet ġurnata ta’ ħidma intensiva għal Federico Cherubini. Hu kellu laqgħat ikkonfermati ma’ żewġ aġenti importanti: Fali Ramadani u Claudio Vigorelli. X’intqal f’dawn il-laqgħa mhux magħruf b’mod uffiċjali, ovvjament. Biss l-għidut hu li Cherubini tkellem ma’ Ramadani dwar Koulibaly u Milenkovic. Juventus qed joffru kuntratt ta’ 4 snin lil Koulibay b’paga ta’ bejn 6 u 6.5 miljun Ewro fis-sena. Il-Bianconeri beħsiebhom joffru 30 miljun lil Napoli, li min-naħa tagħhom qed jitolbu 40 miljun għalih.

Vigorelli, imbagħad, hu l-aġent fost l-oħrajn ta’ Morata, Zaniolo u Arnautovic. Fil-jiem li ġejjin jaf ikun hemm żviluppi interessantissimi fil-mercato Juventin. Cherubini u Arrivabene jidher tassew determinati li jagħtu tim ferm kompetittiv lil Allegri sa l-ewwel ġimgħa tal-preseason.

Matthew Scerri

Offerta min-naħa ta’ Juventus għal Molina

Parti mill-flus li Juventus se jdaħħlu mill-bejgħ ta’ De Ligt x’aktarx se jkunu investiti fl-akkwist ta’ Molina mingħand Udinese. Hemm rapporti li Juventus ressqu offerta ta’ 15-il miljun Ewro u bonuses għal Molina. Udinese, allegatament, qed jitolbu 30 miljun, biss il-fatt li m’hemmx offerti oħra għalih minn klabbs oħra, jaf ikun punt ta’ vantaġġ għal Juventus biex jiksbuh bil-prezz li jridu huma.

Matthew Scerri

Cambiaso mistenni jkun Turin nhar il-Ġimgħa

Nhar il-Ġimgħa Andrea Cambiaso mistenni jkun Turin għat-testijiet mediċi qabel jiffirma l-kuntratt ma’ Juventus. Il-klabbs ilhom miftehim u s’issa t-trasferiment għadu ma ġiex ifinalizzat minħabba li Dragusin għadu ma aċċettax li jingħaqad ma’ Genoa bħala parti minn dal-ftehim. Jekk Dragusin finalment jgħid ‘le’ lil Genoa, il-klabbs se jerġgħu jiltaqgħu biex isibu ftehim alternattiv, jiġifieri Genoa jkunu qed jieħdu plejer ieħor mingħand Juventus.

Matthew Scerri

Bayern Munich ukoll interessati f’De Ligt

Ftit li xejn jidher li hemm tama li Matthijs De Ligt jibqa’ ma’ Juventus. Kliem Arrivabene ftit tal-jiem ilu, juri biċ-ċar li r-rieda ta’ De Ligt hi li jitlaq u jibda esperjenza ġdida ma’ klabb ieħor. Nafu li Chelsea jriduh u allegatament offrew 70-75 miljun Ewro flimkien ma’ 10 miljuni oħra f’bonuses. Fl-aħħar sigħat, mill-Ġermanja, ħarġet l-aħbar li anki Bayern Munich iridu lil De Ligt u lesti joffru 70 miljun flimkien ma’ Pavard. Il-pożizzjoni ta’ Juventus f’dan l-istadju hi li lesti jħalluh jitlaq biss jekk titħallas il-penali ta’ 120 miljun Ewro biex hi jkun jista’ jinħall mill-kuntratt tiegħu. Ħafna qed ibassru li Juventus lesti jikkunsidraw offerti ta’ 100 miljun Ewro cash jew ftit iktar. Taħt il-100 miljun, Juventus ma jridux jinżlu. F’das-sens il-fatt li hemm żewġ timijiet kbar li jridu jiksbu s-servizzi tiegħu, x’aktarx se jgħin biex l-offerti tal-klabbs lil Juventus jogħlew u jilħqu dak li qed jistennew il-Bianconeri.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Mandragora mibjugħ lil Fiorentina

Juventus ħabbru li bigħu lil Rolando Mandragora lit-tim ta’ Fiorentina għas-somma ta’ 8.2 miljun Ewro, liema somma se titħallas fi tliet rati. Ma’ dis-somma hemm anki performance bonus li jammonta għal 1 miljun Ewro.

Matthew Scerri

Zaniolo msemmi b’saħħa ma’ Juventus

Kulma jmur Nicolò Zaniolo qed jissemma dejjem iktar b’saħħa ma’ Juventus. Minn dak li qed jiġi rrapurtat, jidher li r-rieda ta’ Zaniolo hi li jitlaq lil Roma biex jingħaqad ma’ Roma. It-taħdidiet ma’ Roma għall-kuntratt il-ġdid tiegħu huma weqfin bil-partijiet mhux jirnexxilhom jiddjalogaw. Zaniolo jrid jitlaq. Roma jridu jżommuh biss fehmu li l-plejer għandu intenzjonijiet oħra u, bħal dejjem, klabb diffiċli jżomm plejer kontra r-rieda tiegħu. Bil-mod il-mod Juventus għaddejjin bil-ħidma tagħhom biex jiksbu s-servizzi ta’ Zaniolo. S’issa ma jirriżultax li kien hemm offerti uffiċjali min-naħa ta’ Juventus, għalkemm nafu fiċ-ċert li l-klabbs iltaqgħu u tkellmu b’mod informali dwar Zaniolo. L-għidut hu li Juventus lesti joffru tpartit ma’ Arthur jew inkellha jiksbu lil Zaniolo b’self bl-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri

Testijiet mediċi għal Mandragora qabel jiffirma ma’ Fiorentina

Rolando Mandragora kien jinsab illum f’Villa Stuart, f’Ruma, għat-testijiet mediċi qabel jiffirma l-kuntratt ma’ Fiorentina. Hu se jkun qed jieħu post Torreira f’nofs il-grawnd tat-tim immexxi minn Italiano. Qed jissemma li Fiorentina se jħallsu madwar 10 miljuni għalih.

Matthew Scerri

Id-dati tas-suq tat-trasferimenti

Is-suq tat-trasferimenti fl-Italja se jkun qed jiftaħ mil-lum 1 ta’ Lulju u se jagħlaq fl-1 ta’ Settembru 2022. Is-sessjoni tax-xitwa se tkun qed tinżamm bejn it-2 u l-31 ta’ Jannar 2023.

Matthew Scerri

Cambiaso se jibqa’ ma’ Juventus jew se jkun misluf?

Andrea Cambiaso jinsab pass ‘il bogħod milli jsir plejer ta’ Juventus. Allegatament jeżisti ftehim bejn Juventus u Genoa sabiex Cambiaso jingħaqad mal-Bianconeri għall-prezz ta’ 4 jew 5 miljun Ewro. Flimkien ma’ dis-somma Juventus se jgħaddu lil Genoa anki lil Dragusin. Hemm għidut li Cambiaso se jkun misluf lil Atalanta, għalkemm skont rapporti oħra Cambiaso jista’ jkun is-sostitut ta’ Pellegrini li mistenni jitlaq lil Juventus.

Matthew Scerri

L-attenzjoni issa ddur fuq Zaniolo

Hekk kif tidher li waslet fi tmiemha t-telenovela Di Maria, Juventus x’aktarx dawru issa ħarsithom fuq Nicolò Zaniolo. Hu qed jissemma bħala t-tielet akkwist eċċellenti tal-Bianconeri wara Pogba u Di Maria li għalkemm għadhom mhux imħabbra uffiċjali, ftit li xejn jifdal dubji dwar il-fatt li se jilbsu l-flokk ta’ Juventus. Waqt li Pogba u Di Maria ma swew xejn lil Juventus minħabba li huma free-agents, Zaniolo jaf ifisser investiment important min-naħa tal-Bianconeri. MInn dak li nafu, il-ġimgħa li għaddiet Cherubini kellu laqgħa ma’ Thiago Pinto. Il-partijiet tkellmu, fost l-oħrajn, anki dwar il-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ Zaniolo ma’ Juventus. Jidher li Roma qed ikollhom diffikultajiet kbar biex jikkonvinċu lil Zaniolo jiffirma kuntratt ġdid magħhom u fehmu li x’aktarx ikun aħjar li jbigħuh minflok jitilfuh b’xejn. Roma qed jitolbu somma ta’ madwar 50 miljun, filwaqt li Juventus x’aktarx ma jridux jaqbżu l-40 miljun. Fil-ftehim Juventus jixtiequ li jkun hemm parti li tiħallas cash u parti oħra li tkun koperat bi bdil ta’ plejers. F’dal-każ qed jissemma ħafna Arthur.

Matthew Scerri