L-aħbarijiet mis-suq tat-trasferimenti (24 ta’ Mejju)

Is-suq tat-trasferiment qed ikompli jiddomina l-gazzetti, il-website u l-programmi tat-televixin. Dan li ġej hu dak li laqatna matul il-ġurnata tal-lum.

Morata – L-Ispanjol dejjem stqarr li jqis lil Juventus il-familja tiegħu. Nafu li Juventus lesti jżommuh imma mhux se jonfqu l-35 miljun li kienu parti mill-ftehim ma’ Atletico Madrid sentejn ilu. Nafu wkoll li l-istrateġija ta’ Juventus hi li jkomplu jinnegozjaw ma’ Atletico bit-tama li jinżlu mill-prezz għal Morata. Jidher, però, li l-aġent ta’ Morata għadu jitkellem ma’ Barcellona, klabb li f’Jannar kien qrib ħafna li jikseb il-firma ta’ Morata. L-attakkant Spanjol lest imur jilgħab ma’ Barcellona u Atletico Madrid jistgħu jikkuntentawh anki minħabba l-fatt li l-klabbs Spanjoli għad iridu jissetiljaw kollox bejniethom għal Griezmann.

Koulibaly – Fl-aħħar jiem issemma b’ċerta insistenza Koulibaly ma’ Juventus. Kien hemm rapporti, mhux konfermati, li l-aġent tiegħu tkellem ma’ Juventus wara li kellu kuntatti ma’ Barcellona fix-xhur li għaddew. Koulibaly irrifjuta l-offerta ta’ Napoli għall-kuntratt il-ġdid. Il-kuntratt attwali tiegħu jiskadi s-sena d-dieħla u l-għidut hu li Napoli lesti jbigħuh das-sajf għal somma ta’ bejn 30 u 35 miljun Ewro.

Rabiot – Adrien Rabiot spiċċa fil-mira ta’ Chelsea. Il-prezz li qed jitolbu Juventus għalih hu ta’ bejn 15 u 20 miljun Ewro. I-Bianconeri x’aktarx se jkunu lesti jħallu lil Rabiot jitlaq f’każ li taslilhom offerta tajba.

Miretti, Ranocchia u Fagioli – X’se jkun il-futbol ta’ Miretti, Ranocchia u Fagioli s’issa għadu mhux magħrud b’mod uffiċjali. Ix-xnigħat tal-lum huma li Miretti se jibqa’ ma’ Juventus, filwaqt li Ranocchia u Fagioli se jkunu misluf lil xi tim tas-Serie A. Għal Ranocchia qed jissemma interess min-naħa ta’ Udinese. Fagioli spiss issemma ma’ Lazio, biss Juventus x’aktarx jippreferu jisilfuh lil xi tim inqas ikkwotat. Se jkun interessanti naraw kif se jaħdmu l-klabbs wara l-bidliet fir-regolamenti dwar is-self ta’ plejers.

Full-backs – Kulħadd irid li Juventus isibu full-backs ġodda, l-aktar mal-linja x-xellugija fejn Alex Sandro ilu jiddeludi. Spiss issemmew il-full-backs ta’ Udinese, Molina u Udogie. Illum La Stampa qed tirraporta li Juventus jinsabu qrib li jiffinalizzaw l-akkwist ta’ Raoul Bellanova mingħand Cagliari.

Matthew Scerri

Atalanta mistennija jixtru lil Demiral

Merih Demiral wisq probabbli mhux se jkun qed jirritorna ma’ Juventus das-sajf. Wara l-aħħar partita ta’ Atalanta, Demiral kiteb fuq is-social media messaġġ li bih sellem lis-supporters tat-tim tiegħu. Ħafna ħasbu li dan kien ifisser li Atalanta ma kinux se jixtru lil Demiral għal kollox u kienu se jibagħtuh lura ma’ Juventus. Madankollu jidher li dan mhuwiex il-każ. Fil-fatt kollox jindika li Atalanta se jixtru għal kollox mingħand Juventus biex imbagħad ibigħuh mill-ewwel das-sajf stess lil xi tim ieħor.

Matthew Scerri

Bħal-lum fil-passat (24 ta’ Mejju)

Immorru lura għas-sena 2003 meta Juventus għelbu lil Chievo fil-kampjonat bl-iskor ta’ 4-3 b’gowls ta’ Zalayeta (2), Trezeguet u Zenoni.

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (24 ta’ Mejju 2022)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum l-24 ta’ Mejju 2022

Prima Pagina Tuttosport 24/05/2022

Prima Pagina La Gazzetta dello Sport 24/05/2022

Prima Pagina Corriere dello Sport 24/05/2022

X’se jiġri minn Mandragora?

Futur inċert għal Rolando Mandragora. Torino m’għandhom ebda obbligu li jixtru lil Mandragora mingħand Juventus. Il-plejer sofra injury f’dan l-istaġun u ma lagħabx biżżejjed partiti biex skont il-ftehim bejn il-klabbs Torino jkollhom l-obbligu li jixtruh għal kollox għas-somma ta’ 14-il miljun Ewro. Min-naħa tagħhom Torino jixtiequ jżommu lil Mandragora biss ma jidhrux disposti jonfqu iktar minn 9 miljuni. Ma nafux eżattament x’inhi l-pożizzjoni ta’ Juventus. Il-Bianconeri żgur mhux se jżommuh fit-tim tagħhom, biss jista’ jkun li jkun hemm timijiet oħra, apparti Torino, interessati f’Mandragora. Għaldaqstant mhux ta’ min jeskludi li Juventus ma jgħaġġlux biex jagħtu risposta lil Torino bil-għan li jistennew ftit ħalli jara kemm u liema offerti se jaslulhom għall-plejer.

Matthew Scerri

L-attenzjoni ddur fuq is-suq tat-trasferimenti. Mistennija bidliet radikali fi ħdan it-tim Juventin

Hekk kif il-kampjonat u l-istaġun waslu fi tmiemhom, l-attenzjoni se ddur għal kollox fuq is-suq tat-trasferimenti. Juventus jidhru li qed jaħdmu bla waqfien biex ikun hemm bidla radikali fi ħdan it-tim. Diversi plejers mistennija jitilqu lil Juventus u minflokhom se jinkisbu plejers oħra. It-tir hu li Allegri jkollu tim iktar kompetittiv b’taħlita ta’ plejers maturi u ta’ esperjenza, flimkien ma’ talenti żgħażagħ.

S’issa nafu li Chiellini għażel li ma jkomplix jilgħab għal Juventus. Dybala u Bernardeschi se jitilqu b’għażla ta’ Juventus li ma ġeddewlhomx il-kuntratti tagħhom. Apparti dawn l-aħbarijiet uffiċjali, smajna ħafna għidut li Juventus ma jridux iżommu iktar lil Kean, Arthur, Alex Sandro, Rugani u Ramsey. Mhux faċli, però, li ssib tim lest joħodhom minħabba l-pagi tagħhom u anki għall-fatt li ġejjin minn wirjiet ferm deludenti. Morata, mill-banda l-oħra, hu plejer li Allegri jixtieq iżomm imma Juventus ma jridux iħallsu l-35 miljun Ewro li skont il-ftehim ta’ sentejn ilu l-Bianconeri għandhom iħallsu biex jixtru lill-iSpanjol għal kollox. L-indikazzjonijiet huma li Juventus se joffru 15-il miljun Ewro lil Atletico Madrid għal Morata, biss l-Ispanjoli għalissa ma jidhrux disposti jinżlu inqas minn 25 miljun.

Mhux ċert il-futur ta’ Rabiot, Pellegrini u McKennie. It-tlieta li huma jistgħu jibqgħu ma’ Juventus anki s-sena d-dieħla, biss jekk tasal offerta tajba għalihom, Juventus x’aktarx ikunu lesti li jbigħuhom. Mhux magħruf anki x’se tkun l-istrateġija ta’ Juventus dwar Rovella, Miretti, Fagioli u Ranocchia. Diffiċli li jibqgħu kollha ma’ Juventus, imma mhux eskluż li xi ħadd minnhom jingħata l-opportunità li jkun parti mit-tim ta’ Allegri.

Niġu issa għall-akkwisti l-ġodda. Qed jissemmew b’saħħa tliet plejers li għandhom il-kuntratt li se jiskadi ftit tal-ġimgħat oħra mat-timijiet rispettivi: Di Maria, Pogba u Perisic. Skont il-gazzetti u l-websites tal-futbol, Di Maria u Pogba diġà aċċettaw l-offerta li saritilhom minn Juventus. S’issa, però, m’hemm ebda firma fuq xi kuntratt u allura mhux eskluż li jista’ jkun hemm xi u-turn mill-plejers inkwistjoni. Perisic ukoll jidher qrib li jingħaqad ma’ Juventus, għalkemm il-partijiet għadhom jiddiskutu d-dettalji tal-ftehim. Fid-difiża qed jissemma bdil bejn Acerbi u Rugani. Barra minn hekk Atalanta x’aktarx mhux se jixtru għal kollox lil Demiral u allura probabbli li Juventus se jkunu jistgħu jżommu flimkien ma’ Gatti li nxtara f’Jannar.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (23 ta’ Mejju 2022)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum it-23 ta’ Mejju 2022

Prima Pagina Tuttosport 23/05/2022

Prima Pagina La Gazzetta dello Sport 23/05/2022

Prima Pagina Corriere dello Sport 23/05/2022

Bħal-lum fil-passat (23 ta’ Mejju)

Fit-23 ta’ Mejju 1988 kien intlagħab Derby partikulari hekk kif Torino u Juventus temmew il-kampjonat b’punti indaqs u għaldaqstant kien hemm il-ħtieġa ta’ decider sabiex ikun deċiż min se jilgħab fl-Ewropa. Id-Derby intemm bl-iskor ta’ 0-0 u Juventus daħlu fl-Ewropa wara l-għoti tal-penalties.

Prev 1 of 1 Next
Prev 1 of 1 Next

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (22 ta’ Mejju 2022)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum it-22 ta’ Mejju 2022

Prima Pagina Tuttosport 22/05/2022

Prima Pagina La Gazzetta dello Sport 22/05/2022

Prima Pagina Corriere dello Sport 22/05/2022