Juventus fost it-tnax-il-klabb fundatur tal-European Super League

Tnax-il klabb, il-krema tal-futbol Ewropew, waqqfu l-European Super League. It-tnax-il klabb huma: Juventus Football Club S.p.A., Associazione Calcio Milan S.p.A., Arsenal Holdings Limited, Club Atlético de Madrid S.A.D., Chelsea Football Club Limited, Football Club Barcelona, F.C. Internazionale Milano S.p.A., The Liverpool Football Club and Athletic Grounds Limited, Manchester City Football Club Limited, Manchester United Football Club Limited, Real Madrid Club de Futbol u Tottenham Hotspur Limited.

L-aħbar hi waħda uffiċjali u fil-website ta’ Juventus insibu l-istqarrija tal-klabb Juventin. Dawn it-tnax-il tim se jkunu qed jikkompetu f’kompetizzjoni ġdida li se tara massimu ta’ 20 parteċipant. Mat-tnax-il klabb imsemmi mistennija jiżdiedu tliet klabbs kbar oħra mix-xena Ewropea biex b’hekk ikun hemm grupp ta’ 15-il klabb fundatur tal-kompetizzjoni li se jkollhom posthom garantit kull sena. Il-ħames klabbs l-oħra se jintgħażlu kull sena fuq il-bażi ta’ parametri li għad iridu jitħabbru.

Matthew Scerri

Bħal-lum fil-passat (19 ta’ April)

Bħal-lum fl-1997 Juventus kienu impenjati kontra Bologna, f’partita li rat lill-Bianconeri jirbħu bl-iskor ta’ 1-0 gowl ta’ Boksic. Interessanti li fl-istorja insibu li fid-19 ta’ April intlagħbet Juventus-Bologna oħra, dik tal-2014, li ntemmet ukoll bl-iskor ta’ 1-0 għall-Bianconeri.

 

Tibda l-gwerra bejn l-Uefa u t-timijiet li jridu jiffurmaw is-Super League

L-Uefa b’mod konġunt mal-Federazzjonijiet tal-Ingilterra, tal-Italija u ta’ Spanja, ħarġet stqarrija iebsa immens fil-konfront tat-timijiet li qed jippjanaw li jiffurmaw Super League. Il-pjanijiet huma li t-timijiet il-kbar tal-Ewropa (fil-każ tal-Italja hemm imsemmija Juventus, Inter u Milan) jibdew jilagħbu f’kampjonat bejniethom. L-Uefa u l-Federazzjonijiet qed jheddu li t-timijiet li jingħaqdu fis-Super League jiġu esklużi mill-kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li tradizzjonalment jiġu organizzati. Barra minn hekk, skont Il Corriere della Sera, l-Uefa lesta tiftaħ kawża fejn se titlob lit-timijiet li jiffurmaw is-Super League l-ħlas ta’ 50 biljun Ewro f’danni.

Matthew Scerri

Atalanta-Juventus bir-ritratti

Qed inwasslulkom ġabra ta’ ritratti tal-aqwa mumenti tal-partita Atalanta-Juventus. Din il-photogallery hi magħmula minn ritratti li ġew ippubblikati fil-websajt ta’ Juventus.

Sors: Juventus.com

Tqila immens!

Illum kellha tkun partita li kellha tagħtina indikazzjoni ċara dwar kemm verament Juventus jistgħu jimmiraw għal post mal-ewwel erbgħa fil-klassifika. It-telfa tal-lum tpoġġi lil Juventus f’pożizzjoni perikoluża immens u hemm riskju kbir li l-Bianconeri jibqgħu barra miċ-Champions League s-sena d-dieħla. Il-klassifika taqra jekk mit-tieni post ‘l isfel: Milan 66 punt, Atalanta 64, Juventus 62, Napoli 59, Lazio 58 u Roma 54. Napoli, Lazio u Roma għandhom partita inqas minn Juventus, li jfisser li jekk jirbħuhom Napoli jilħqu lil Juventus, filwaqt li Lazio u Roma jkunu tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod. Juventus fadlilhom partiti tqal (Milan, Sassuolo u Inter) u allura l-biża’ li l-Bianconeri jispiċċaw mill-ħames post ‘l isfel hi tassew konkreta. Xejn mhu impossibbli imma kif għidna kemm-il darba, dis-sena kollox jidher tqil immens!

Matthew Scerri

Atalanta-Juventus 1-0

Atalanta għelbu lil Juventus u telgħu fit-tielet post tal-klassifika. Nibdew billi ngħidu li kollox ma’ kollox, għal dak li rajna fil-grawnd, draw kien ikun iktar ġust. Atalanta, però, ma serqu xejn. Il-logħba għamluha huma għal ħinijiet twal tal-partiti, bil-Bianconeri jagħżlu li jikkontrollaw il-partita u jaħarbu bil-kontrattakk. Dis-sena spiss rajna lil Juventus jagħżlu din l-istrateġija. Il-problema hi li meta l-affarijiet ma jirnexxulhomx u jmorru minn taħt, imbagħad ma jkunux jafu jdawru l-partita. Finalment rebħ fil-grawnd it-tim li lagħab, mhux dak li ddefenda u din għandha tkun lezzjoni għal Juventus tas-sena d-dieħla. F’dan l-istaġun rajna li l-forte tat-tim m’għadhiex id-difiża. Il-kwalità qiegħda fuq quddiem u li t-tim tagħna jibqa’ jagħżel atteġġament difensivist, ma tantx jagħmel sens. Juventus iridu jifhmu li jew jeħtieġu kowċ b’sistema ta’ logħob offensiv jew inkella iridu jixtru plejers li kapaċi jilagħbu f’sistema difensivista. Kif inhuma l-affarijiet qisu t-tim tagħna se jibqa’ dejjem nofs leħja.

ATALANTA-JUVENTUS 1-0

Skurja: Malinovskyi (A)

Atalanta (3-4-1-2): Gollini; Toloi, Djimsiti, Palomino; Mæhle (Malinovskyi), de Roon, Freuler, Gosens; Pessina (Pasalic); Muriel (Ilicic), Zapata. Kowċ: Gasperini.

Juventus (4-4-2): Szczesny; Cuadrado, De Ligt, Chiellini, Alex Sandro; Chiesa (Danilo), Bentancur, Rabiot, McKennie (Arthur); Dybala (Kulusevski), Morata. Kowċ: Pirlo.

Referee:  Orsato.

Ammoniti: Bonucci (J), Gosens (A), Malinovskyi (A), Djimsiti (A), Cuadrado (J).

Matthew Scerri

Paratici: “Ronaldo mhuwiex biss plejer”

“Irridu nkunu lkoll responsabbli għax hu mument ta’ inċertezza kbira. Ronaldo ma naħsibx li hu biss plejer u atleta imma persunaġġ ta’ livell għoli. Il-paga tiegħu tinkludi ħafna affarijiet li jmorru lil hinn mill-wirjiet fil-grawnd. Hemm anki dak li hu jirrappreżenta għall-klabb. Hu l-iktar persuna magħrufa fid-dinja.” Hekk tkellem Fabio Paratici ma’ Sky fejn staqsewh dwar il-paga li Ronaldo jaqla’ ma’ Juventus.

Matthew Scerri